Legislature:
Category:
Reset
Active:

Delegazzjoni fl-Awstralja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet in-nefqa totali taż-żjara tiegħu u tad-delegazzjoni fl-Awstralja, inkluż l-passaġġi ta' l-ajru, etc?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F’dan l-istadju għadhom qegħdin jinġabru l-kontijiet taż-żjara li qed jagħmel referenza għaliha l-Onorevoli Interpellant. Għaldaqstant, l-Uffiċċju tiegħi għadu m’huwiex f’pożizzjoni li jagħti risposta għalissa.

Zjara fl-Awstralja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu l-membri kollha tad-delegazzjoni li akkumpanjatu l-Awstralja u min kienu l-ġurnalisti u rappreżentanti tal-media li telgħu miegħu? Huwa minnu li fosthom kien hemm ta' Where's Everybody? X'arranġamenti finanzjarji saru dwar l-akkumpanjament u l-vjaġġi u akkomodazzjoni u ikel tal-ġurnalisti li kellu miegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Muniti tad-deheb

Question

F'isem il-familja minn San Gwann li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, nixtieq ġentilment nirreferik għal deċiżjoni tal-qorti li tmur lura dwar att ta' akkuża nru 2866 dwar muniti prezzjużi tad-deheb, billi l-familjari tal-persuna kkonċernata s-Sur Busuttil jafu li dak iż-żmien dawn il-muniti kienu fil-pussess tal-qorti, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet llum jinsabux f'qagħda li jidentifikaw fejn għadhom jinsabu dawn il-muniti billi qatt ma ġew rritornati lill-familja konċernata? Filwaqt li napprezza l-mogħdija konsiderevoli taż-żmien mill-qtugħ ta' dik is-sentenza din il-mistoqsija qed issir għaliex tul is-snin l-familja konċernata ngħatat diversi tweġibiet konfliġenti meta ippruvat tagħmel l-indaġini minn rajha.

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn eżami tal-kumpilazzjoni relattiva jirriżulta li l-muniti in kwistjoni kienu l-korp tar-reat fil-proċess tal-kawża kriminali in kwistjoni. L-akkużati f'dik il-kawża ġew misjuba ħatja li xtraw u biegħu kwantita ta' liri tad-deheb kontra l-liġi. Bħala l-korp tar-reat il-muniti in kwistjoni kienu konfiskabbli skond il-liġi u mal-kundanna saru proprjeta' tal-Gvern.
Leg 10 PQ #27374 Sitting 557 2007-10-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ftehim bilaterali ma' New Zealand

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistix u/jew jekk huwiex jiġi nnegozjat xi ftehim bilaterali ma' New Zealand li jirrigwarda kemm ftehim dwar evitar ta' tassazzjoni doppja, arranġamenti reċiproċi dwar saħħa, dwar għadd speċifiku ta' residenti miż-żewġ pajjiżi dwar portability scheme tal-pensjonijiet fil-qasam tas-social welfare kif ukoll dwar working holiday arrangements għall-istudenti? Jekk iva, jista' jgħid jekk dan ġiex konkluż u meta sar dan? Jista' jindika wkoll jekk dan huwiex maħsub bħala ftehim wieħed komprensiv jew bħala parti minn sensiela ta' ftehim separati?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Il-qafas bilaterali bejn Malta u New Zealand huwa limitat għal ftehim wieħed li jikkonċerna "Working Holiday Scheme", iffirmat fl-2004, u li jipprovdi għal 50 post biex żgħażagħ Maltin ikunu jistgħu jqattgħu sena esperjenza fi New Zealand. Għaddejjin ukoll taħdidiet fuq livell tekniku dwar ftehim reċiproku fil-qasam tas-sigurta' soċjali li jinkludi provvedimenti dwar il-pensjonijiet, dawn laħqu stadju avvanzat. Jiena nfurmat li tlabt lill-Kummissarju Għoli Malti ghan-New Zealand biex isegwi t-talba għal ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja.

Kunċerti mużikali — Health and safety regulations

Question

Minħabba n-numru dejjem jikber ta' kunċerti mużikali tal-massa li qed jiġu organizzati f'pajjiżna, jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli għall-ħarsien tal-health and safety regulations waqt dawn il-kunċerti kif ukoll jgħid jekk dawn ir-regolamenti humiex imniżżlin b'mod speċifiku f'xi legal notice, liġi jew regolament ieħor?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li materji li jikkonċernaw is-saħħa u s-sigurta' tal-pubbliku waqt attivitajiet tal-massa ma jaqgħux taħt l-applikabbilta' ta' l-Att dwar l-Awtorita' għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-post tax-xogħol.

Angola — Double Taxation

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid hemmx xi diskussjonijiet għaddejjin dwar double taxation avoidance mal-Angola billi hemm xi ħaddiema Maltin jaħdmu hemmhekk?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa ma hemm ebda diskussjonijiet għaddejin dwar double taxation agreement mal-Angola.

Storbju sa tard bil-lejl

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-Pulizija tieħu passi dwar l-ilmenti ta' diversi residenti fl-inħawi dwar storbju sa tard bil-lejl u anke kmieni fil-għodu li qed jkun hemm minn tliet stabilimenti differenti ta' divertiment f'Għargħur Road, tal-Balal li qegħdin joħolqu inkonvenjent kbir?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi, għalkemm matul dawn l-aħħar xhur il-Pulizija ma rċeviet ebda ilment kif imsemmi fil-Mistoqsija, regolarment isiru spezzjonijiet fl-istabbilimenti imsemmija.

Gross Domestic Product

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kien il-Gross Domestic Product ras għal ras mis-sena 2000 sal-lum sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Gross Domestic Product ras għal ras mis-sena 2000 sal-2006 huwa kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni ġiet pubblikata fin-News Releases 94/2007 u 96/2007 maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika.

Boarded out

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm Għawdxin li ġew boarded out sena b'sena f'din il-leġislatura sal-lum? Tista' tagħti breakdownraħal, raħal minn fejn ġew kif ukoll ir-raġunijiet mediċi għaliex ġew boarded out? Tista' tindika l-etajiet tal-persuni kkonċernati? Minn min kienu komposti l-boards mediċi li ħadu dawn id-deċiżjonijiet tul il-perijodu ndikat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23911 li jien tajt f’Seduta Numru 496. Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub, mis-sena 2006, hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Peress li l-persuni jistgħu jiġu identifikati, partikolarment fejn kien hemm persuna waħda jew tnejn, ma nħossx li għandhom jiġu ppublikati r-raġunijiet mediċi.

Provisional tax

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hijiex prattika normali li persuna li tkun ħallset provisional tax żejda minflok tieħu refund tara li l-flus li tkun ħallset żejda jmorru sabiex tħallas penali dovuti lill-gvern fil-qasam tat-taxxi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25017 toħroġ minn:- Kap 372 – Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa – Artikolu 48 (2c): “Il-Kummissarju jkollu jedd inaqqas minn kull ħlas lura dovut lil persuna kif dikjarat fis-subartikoli (2A) jew (2B) kull taxxa, taxxa addizzjonali jew imgħax li jista’ jkun dovut minn dik il-persuna taħt l-Atti dwar it-Taxxi.

Importaturi tal-ġwież

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex sal-ġurnata li fiha qed isir din il-mistoqsija, is-sussidju fuq xgħir(barley) u qamħirrun (maize) għall-ewwel parti ta' din is-sena (Jannar - Ġunju 2007) għadu ma tħallasx? Għal liema raġuni għadhom ma ħarġux l-allokazzjonijiet lanqas għal perjodu Lulju - Diċembru 2007? Jaf li l-importaturi ta' dan il-ġwież għadhom ma ġewx mgħarfa xi kwota għandu kull wieħed u lanqas kemm se jkun is-sussidju, meta dawn ma kellhomx għażla ħlief li jixtru b'għajnejhom magħluqa? Jista' jikkonferma jekk dan is-sussidju hux finanzjat lokalment?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-proċess tal-pagament jirrekjedi verifiki ta' dokumenti, inklużi dawk tad-Dwana. Dawn il-pagamenti issa tħallsu. Rigward l-allokazzjonijiet, dan il-proċess konkluż ukoll. Dan sar wara analiżi dettaljati tas-swieq internazzjonali u laqgħat mal-Ministeru tal-Finanzi u ż-żewġ operaturi ewlenin biex tiġi stabbilita r-rata ta' sussidju, liema sussidju hu ffinanzjat mill-Gvern skond it-Trattat ta' Sħubija.

Buses bejn l-ajruport u c-Cirkewwa

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 27209 u jgħid x'konkorrenza kien hemm sakemm ġiet sottomessa din il-mistoqsija għall-buses bejn l-ajruport tal-Gudja u ċ-Ċirkewwa? Kemm saru vjaġġi sakemm ġiet sottomessa din il-mistoqsija? Huwa minnu li ħafna mill-buses lanqas kellhom spazju biex iġorru l-valiġġji?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għat-tweġiba li tagħjt għad-domanda numru 27209, fis-seduta numru 553 tat-l8 ta' Lulju, 2007.

Razzett

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 27204 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizja u Intern u li issa ġiet riferuta lilu, cioe' b'referenza għar-razzett f'Misraħ il-Barrieri l-Imsida, li qed iwassal għal ħafna ġrieden fl-akwati, jista' flimkien ma' l-awtoritajiet l-oħra kompetenti jirrikkmanda li titwaqqa' parti minn dan ir-razzett li tokkupa u tiżgombra aktar minn nofs it-triq, li wara kollox hi proprjeta' tal-gvern?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Din it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ċensura tal-films

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk bħala pajjiż membru ta' l-UE hux se jikkunsidra li jġib l-entrance age limits għaċ-ċinema lokali konformi ma' għadd ta' pajjiżi oħra ta' l-UE fosthom l-Ingilterra i.e. U/PG/12A/15/18?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi din hija materja li fiha l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropeja għandhom id-dritt u l-liberta' li jiddeċiedu kif jidrilhom li hu l-aħjar f'pajjiżhom. Tant hu hekk li l-kategoriji tal-klassifika jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor.

Gżira — Triq Nazju Ellul

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hux se jittieħdu passi biex ix-xogħol fuq diversi bini taħt kostruzzjoni f'Nazju Ellul Str, Gżira jinbeda f'ħinijiet konformi mal-liġi billi għandi diversi ilmenti li dawn ġieli qed jibdew jaħdmu saħansitra fis-6.00a.m. b'inkonvenjent kbir għar-residenti tal-lokal, speċjalment dawk anzjani?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi f'dawn l-aħħar ġranet saru diversi spezzjonijiet fi Triq Nazju Ellul, Gzira u fl-inħawi fejn irriżulta li hemm tlett proġetti ta' bini taħt kostruzzjoni għaddejjin. L-ebda xogħolijiet minn dawn ma' rriżulta li qegħdin jinbdew qabel is-7.00 am. Aktar spezzjonijiet ser isiru fil-futur.

Msida — Flooding tal-Wied

Question

Jista' l-Ministru jara hemmx xi pjani konkreti tal-Gvern biex tiġi solvuta l-problema tal-flooding tal-Wied ta' l-Msida minħabba l-ilmijiet tax-xita, aktar u aktar billi din il-problema ilha tkarkar snin sħaħ?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-Gvern għandu pjani konkreti biex tiġi solvuta l-problema tal-flooding fil-Wied ta’ l-Imsida, u hu maħsub li x-xogħol fuq dawn il-pjani jkun jista’ jibda għal bidu tas-sena 2008. Dan il-proġett huwa ppjanat ukoll biex jgħin konsiderevolment fil-programm ta' 2nd class water harvesting.

Ħsarat fl-apparat elettroniku

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27115 u jindika jekk jistgħux isiru claims lill-Enemalta għall-ħruq ta' apparat elettroniku u ta' l-informatika kkawżat minn surges regolari tad-dawl f'postijiet, bħall-każ tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, aktar u aktar billi dawn is-surges qed jiġru f'dan il-block ta' appartamenti bi frekwenza aktar qawwija minn postijiet oħra fl-istess inħawi ta' Ta' Xbiex? Jekk fl-affermattiv, lil min għandhom jiġu ndirizzati dawn it-talbiet? Fil-każ imsemmi l-familja ndikata garrbet ħsara ta' Lm600 fl-apparat ta' l-IT kif jista jixhed l-equipment maħruq li għadu għandhom.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li jistgħu jsiru claims kontra l-Enemalta għal ħruq jew ħsarat f’apparat elettroniku kkawżat minn surges’ fil-kurrent tad-dawl. Il-konsumatur affetwat għandu jagħmel il-claim tiegħu fis-Sezzjoni tal-Customer Care Section tal-Korporazzjoni Enemalta. Naturalment il-Korporazzjoni tinvestiga u tivverifika kull każ li jaslilha u jekk jiirriżulta li l-Enemalta hija responsabbli fit-termini ta Artiklu 14 (2) ta l- Att dwar l-Enemalta, il-konsumatur jirċievi il-kumpens dovut.

Kontijiet ta' l-Income Tax

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27123 u ċioe': Billi kien hemm diversi sentenzi tal-Qorti li jikkonfermaw li d-dipartiment tat-taxxi interni m'għandux dritt joħroġ kontijiet tal-income tax li huma preskritti minħabba ż-żmien li għadda fuqhom, x'inhi r-raġuni li d-dipartiment tat-taxxi interni baqa' joħroġ kontijiet simili? L-uffiċjali tad-dipartiment ingħataw struzzjonijiet biex iwaqqfu din il-prattika? Jekk iva, meta u jekk le, għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 27123.

Sptar Mater Dei

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 26731 u 27032 u 27147 cioe' wara li ġie sospiż it-tender ta' l-IT tal-Isptar Mater Dei, jista' jgħid kemm inxtraw PCs u affarijiet oħrajn relatati mal-informatika li oriġinarjmanet kellhom jkunu koperti mit-tender u jekk dawn inxtrawx b'direct order? Min għand min inxtraw u kemm ġew jiswew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.