Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta hu mistenni li jingħata l-kumpens għall-esproprjazzjoni ta' art fi Triq Peditalwett, Swieqi meħud mill-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament sabiex issir estensjoni tat-Triq f'dik indikata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta' l-Artijiet ma kellu ebda talba minn xi Dipartiment tal-Gvern għal esproprijazzjoni ta' art fi Triq il-Pedalwett, Swieqi meħuda mill-familja li dettalji dwarha intbagħtu separatament. Sakemm ma ssir ebda talba għal espropriju ma jistax jitħallas kumpens.
B’referenza ta’ l-ittra li Direttur Ġenerali tax-xogħlijiet għadda lill-ADT li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament bid-data ta’ l-24 ta' Ottubru, 2006 mill-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura bħala kopja ta' l-ittra li huwa bagħat lil-avukati tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, dwar Triq Peditalwett, Ibraġġ, Swieqi, jista' l-Ministru wara konsultazzjoni mad-Dipartiment ta' l-Artijiet jikkonferma fhiex wasal il-proċess ta' l-esproprijazzjoni ta' l-art sabiex din il-persuna tirċievi kumpens għat-telf kemm ta' l-art u tar-raba' tiegħu sabiex issir it-triq indikata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li skond stħarrig li qed isir bħalissa mal-entitajiet konċernati, huwa wisq probabli, li billi l-art hija f’zona barra mill-linja tal-iżvilupp kif stabbilita mill-MEPA, l-obbligu li triq tkun iffurmata jaqa’ fuq is-sidien tal-villa li jħarsu fuq it-triq għall-wisa’ kollu tagħha u għalhekk ma hemmx obbligu ta’ kumpens minn naħa tal-Gvern.
Dan ma jfissirx li ma jistax jintalab kumpens kif stabbilit mill-liġi mingħand il-privat.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jiġi żgurat li l-ħaddiema tal-fabbrika DI Electronics fil-Mosta Techno Park jitħallsu l-pagi tagħhom regolarment u jieħdu wkoll dawk is-salarji li għad għandhom jieħdu b'lura?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li nbdew proċeduri legali biex il-kaz jitressaq il-Qorti kif tipprovdi l-liġi.
Tista' l-Ministru tirreferi għall-każ tas-sinjur, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separament, li ġie allokat appartament fl-Imrieħel, Block 3, Triq il-Kanonku Indri Galea skond l-issue ta' Settembru 2006 u għalkemm l-konvenju ġie ffirmat nhar l-14 ta' Ġunju, 2007 ninsab nfurmat li sal-lum, skond huma, ma jidher li hemm ebda indikazzjoni ta' xogħol ta' bini fuq dan il-plot, u meta staqsew lid-dipartiment qalulhom li x-xogħol mhuwiex mistenni jitlesta qabel id-data approssimattiva ta' Marzu 2009?
Billi l-persuna konċernata qed jgħix f'appartament bil-kera flimkien mal-partner tiegħu u t-tifel tagħhom ta' tliet snin xtaq jkun jaf jekk din il-completion date hiex korretta u x'jista' qed jwassal għal dan id-dewmien?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-dewmien biex jibda l-bini tal-blokk indikat mill-Onor. Interpellant kien kaġunat mill-ħtieġa li, meta sar l-iskavar tal-plot, kellha ssir aktar investigazzjoni fuq il-kwalita’ tal-blat biex isir disinn ta’ pedament addattat għall-istruttura tal-bini. Din l-investigazzjoni issa tlestiet kif tlestew wkoll id-disinn u l-istima tax-xogħlijiet.
Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita’ tad-Djar qed jistenna l-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti biex ikun jista’ jinbeda x-xogħol fuq il-proġett, li hu mistenni jkun lest sa l-aħħar tas-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28775 u jgħid jekk ġewx iffirmati Extradition and Mutual Legal Assistance Treaties ma' l-Istati Uniti? Jekk ġiex konkluż Tax Information Exchange Agreement ma' l-istess pajjiż? Jekk ġiex konkluż ftehim bejn in-National Oceanic and Atmospheric Administration ta' l-Istati Uniti u Malta fil-kontest tal-Globe Programme? X'inhi l-pożizzjoni ta' Malta dwar Air Services Agreement ma' l-Istati Uniti? Fhiex waslet it-talba ta' Malta għal Home Port Status għal Malta Shipyards ma' l-Istati Uniti li fiha kellha sehem l-ambaxxata Maltija ta' Washington DC? U jekk min-naħa Amerikana kienx hemm xi kondizzjonijiet biex l-affarijiet jimxu 'l quddiem?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Fil-qasam tat-taxxa, mhux qed jiġi nnegozjat Tax Information Exchange Agreement ma' l-Istati Uniti imma Double Taxation Agreement. It-taħdidiet dwar ftehim man-National Oceanic and Atmospheric Administration għadhom għaddejin bil-ħsieb li l-ftehim jiġi ffirmat f-iqsar żmien possibbli..
Ma saret l-ebda talba formali għall-Home Port Status għal Malta Shipyards. Meta ssemmiet din il-materja informalment ġie indikat li Home Port Status jingħata biss meta jkun hemm Status Of Forces Agreement.Mhuwiex previst li ftehim bħal dan jiġi diskuss .
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 27828, 27385, 28160, 28434, 28565 u 28771 u jgħid x'kienet in-nefqa totali taż-żjara tiegħu u tad-delegazzjoni fl-Awstralja, inkluż l-passaġġi ta' l-ajru, etc?
Jista' l-Ministru jara li l-ADT tikkonsidra t-talba miċħuda għal reserved parking quddiem ir-residenza tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Din it-talba qed issir mhux f'isem il-persuna li toqgħod hemmhekk, billi hu ma jistax isuq minħabba saħħa u spiss ikollu bżonn is-servizzi tas-sewqan tal-karozza ta' bintu li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, speċjalment biex twasslu regolarment l-isptar u għand speċjalisti mediċi.
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġġjar tat-Traffiku irriżulta li ġej:
· L-applikant ma jsuqx vetturi bil-mutur.
· Ma’ hemmx vetturi bil-muturi reġistrati fl-indirizz tar-residenża ta’ l-applikant.
·
Għaldaqstant, għal dawn ir-raġunijiet, l-applikant ma jissodifax il-kriterji għal-eliġibilita’ għal dan is-servizz.
Billi f'partijiet ta' Sliema Road Kappara, inti u nieżel minn San Ġwann fuq ix-xellug, hemm parti fejn titwessa' sew il-bankina u r-residenti ġieli jipparkjaw fuqha minħabba li m'għandhomx fejn jipparkjaw fit-triq u din għandha wisgħa ta' żewġ karozzi u nofs, jista' l-Ministru jara li jingħataw struzzjonijiet biex l-istess kif il-wardens m'humiex jagħtu ċitazzjonijiet lir-residenti minħabba dan il-każ ġenwin, isir l-istess mill-pulizija tat-traffic li jkunu għaddejjin mill-area biex jitnaqqas l-inkonvenjent tar-residenti li ħafna minnhom kellmuni dwaru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-Regolamenti dwar Vetturi bil-Mutur jipprojbixxu l-ipparkjar ta' vetturi fuq il-bankina sakemm ma jkunx indikat xort'oħra b'sinjal addatt, ħlief jekk ma jiġix ordnat jagħmel xort'oħra minn uffiċjal tal-Pulizija jew minn Gwardjan Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġu u meta għalqu l-applikazzjonijiet għal Kap tad-Dipartiment fil-Ministeru risponsabbli mix-Schengen, magħruf bħala x-Schengen Unit?
Kemm kien hemm applikanti?
Kemm minnhom kienu nvalidi?
Fhiex wasal il-proċess ta' l-għażla?
Huwa minnu li ma ntgħażel ħadd?
Jekk kemm-il darba baqa' ma ntgħażel ħadd x’se jkun il-pass li jmiss?
Response (FRENDO, MICHAEL)
L-applikazzjonijiet għal Kap tax-Schengen Unit ħargu nhar il-11 ta' Ġunju 2007 u għalqu fit-28 ta' Ġunju 2007. Kien hemm tlett applikazzjonijiet imma waħda ma ssodisfatx il-kriterji mitluba fit-Talba għall-Applikazzjonijiet. Dan l-istadju tal-proċess issa huwa magħluq. Ma ġie magħżul ħadd għal din il-kariga. F'konsultazzjoni mal-Management and Personnel Office ta' l-OPM qed nikkonsidraw kif l-aħjar nipproċedu f'dawn iċ-ċirkostanzi.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi konkreti dwar il-problema ta' flooding li jkollhom fil-jiem tal-maltemp ir-residenti ta' Edgar Bernard Str, Gżira speċjalment minħabba ilmijiet li jkaxkru ħafna affarijiet minn taħt il-pont?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi t-triq imsemmija mill-Onor Interpellant hija parti minn zona li dwarha l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ħejja proġett li qiegħed quddiem il-MEPA għal ħruġ tal-permessi meħtieġa.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28797 u jikkunsidra li jnaqqas it-taxxa tad-dħul minn fuq dik il-parti tal-paga li konjugi separati jkunu obbligati li jħallsu f'manteniment għat-tfal tagħhom lill-parti l-oħra anke meta ma jkollhomx kustodja fuq dawn it-tfal sakemm dan kollu jkun qed isir skond digriet tal-Qorti?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28844 u jgħid liema kumpanniji ħadmu riklamar u kampanji ta’ informazzjoni għall-mezzi tax-xandir awdjo-viżivi u stampati għan-nom tal-Ministeru/Segretarjat Parlamentari tiegħu u għan-nom ta’ dipartimenti, awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-snin 2003, 2004, 2005, 2006 u bejn Jannar u Settembru 2007? Kemm kien il-ħlas involut għal kull biċċa xogħol?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28843 u cioe' : Minkejja li t-taqsima tal-consumer complaints unit tal-MFSA hija mifhuma li tagħmel xogħol tajjeb, jista' l-Prim Ministru jara li jkun hemm aktar viġilanza fuq kif ċerti banek kummerċjali li jużaw hard cell tactics meta ibiegħu Wealth Management products speċjalment fejn jidħlu Overseas Funds għaliex spiss niltaqa' ma' nies li ma jkunux konxji ta' riskji u opportunitajiet ta' dak li jkunu deħlin għalih bi flushom stess? Dan minħabba l-kummissjonijiet għolja li huma mifhuma li jaqilgħu uħud minn dawn l-uffiċjali fuq bejgħ ta' prodotti simili. Dan għandu japplika għas-settur tas-servizi finanzjarji kollu kemm hu, mhux biss għal dak bankarju, possibilment billi jkun hemm customer awareness akbar dwar l-implikazzjonijiet tat-teħid ta' dawn id-deċiżjonijeit ta' investiment.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28740 u 28841 u jgħid kemm daħħlet flus l-Enemalta, xahar b'xahar, mis-surcharge fuq il-konsum tad-dawl u l-ilma bejn Marzu 2007 u Settembru 2007? Jista' jaqsam id-dħul mis-surcharge bejn dak mill-konsum domestiku u dak mill-konsum kummerċjali/industrijali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi l-WSC ma żżomx rekord ta' kemm tkun daħlet flus maqsuma skond dħul normali u dħul dovut għas-surcharge.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi t-tweġiba tad-Dipartiment ta' l-Artijiet għat-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għall-informazzjoni dwar titlu u dritt ta' l-użu ta' plot ta' ħamrija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tinsab faċċata tad-dar tiegħu? Dan il-plot jinsab b'ħajt minnu jagħti għal fuq Triq iċ-Ċedru.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-talba li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant waslet għand it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern fid-29 ta' Ottubru 2007 u għadha ma ingħatat l-ebda risposta formali. L-art in kwistjoni hija tal-Gvern u mhix mikrija. L-applikant in kwistjoni ser jirċievi din l-informazzjoni fi żmien ġimgħa.
Jista' l-Ministru jara li jinħarġu linji ta' gwida lit-tfal ta' l-iskola dwar l-użu tas-servizz 179 biex ma jsirx abbuż minnu għaliex ħafna drabi jsiru rapporti li allegatament ikunu skorretti u inġusti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-servizz tal-179 jaqa' taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali. Il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Zgħazagħ u Xogħol għandu servizz jismu 'Child Safety Services' li joffri servizz għall-iskejjel fuq l-abbuz tat-tfal. Fost il-funzjonijiet ta' programmi ta' prevenzjoni għall-istudenti u f'dawn il-programmi jiġi spjegat l-uzu tal-179.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar ħinijiet li fihom ix-shuttle bus65 titlaq mix-Xatt ta' Tas-Sliema fil-għaxija kemm fis-sajf kif ukoll fix-xitwa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li fix-xitwa l-aħħar ħinijiet tax-shuttle bus 65 hija fl-5.30 ta’ filgħaxija mix-Xatt ta’ Tas-Sliema għar-Rabat u fl-7.30 ta’ filgħaxija mix-Xatt ta’ Tas-Sliema għal ta’ Żwejt.
Fis-sajf, l-aħħar ħinijiet huma ta’ 6.30 ta’ filgħaxija mix-Xatt ta’ Tas-Sliema lejn ir-Rabat u fi 8.00 ta’ filgħaxija mix-Xatt ta’ Tas-Sliema lejn taż-Żwejt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tiġi riveduta l-kirja tal-fond f'isem il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, billi dan l-aħħar l-inkwilin tilef lil martu li kienet intitolata għall-pensjoni wkoll u b'hekk id-dħul totali naqas?
Response (BORG, TONIO)
Ir-reviżjoni tal-kirjiet tal-fondi residenzjali issir mid-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali. Għaldaqstant l-Onor Membru huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.