Legislature:
Category:
Reset
Active:

Politika Soċjali — Ħaddiema part-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema part-timers ingaġġati mad-dipartiment, entitajiet, azjendi parastatali, korporazzjonijiet u anke ministeri li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu sat-8 ta' Marzu, 2008 li lkoll kienu qegħdin jitħaddmu fuq bażi ta' ħaddiema part-time iżda li kienu reġistrati bħala self employed? Kif inhuwa mifhum li ġara saħansitra anke fl-ETC li suppost tirregola fost oħrajn il-qasam ta' l-impjiegi. Jista' jagħti l-istess informazzjoni mit-8 ta' Marzu, 2008 sal-lum?.

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li ma jirriżultax li hemm xi dipartiment jew entita’ li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali jew ,minn Marzu 2008 ’l hawn, taħt il-Ministeru għall-Politika Soċjali li mpjegaw ħaddiema part-time u rreġistrawhom mal-Korporazzjoni għall-Impjieg u t-Taħriġ bħala self-employed. Ta’ minn jgħid li fil-każ ta’ persuna self-employed ir-responsabbilita’ li tinnotifika lil-Korporazzjoni bix-xogħol tagħha hi tal-persuna konċernata nnifisha u mhux ta’ xi prinċipal. Irrid nippreċiża li mhix ir-responsabbilta’ tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ li tirregola l-qasam ta’ l-impjieg.
Leg 11 PQ #178 Sitting 5 2008-05-19 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħatriet f'bordijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta l-Gvern beħsiebu jġib fis-seħħ il-wegħda elettorali tiegħu nru 258 tal-manifest tal-PN li għal aktar trasparenza ħatriet f'bordijiet tal-Gvern isiru wara sejħa pubblika għal applikazzjoni? Dan ser jgħodd għall-bordijiet kollha inklużi dawk tal-kumpaniji parastatali jew le? U jekk le, għal liema bordijiet ser jgħodd?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Libyan Arab Maltese Holding Company

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-programm ta' privatizzazzjoni tal-Gvern għal din il-leġislatura? Hemm il-ħsieb li tiġi privatizzata wkoll il-Libyan Arab Maltese Holding Company? Liema kumpanniji privati saru kuntatti magħhom qabel u wara l-elezzjoni dwar privatizzazzjoni parzjali tat-Tarznari?

Response (FENECH, ANTONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Open source software

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema livell l-Gvern beħsiebu japplika l-open source software fl-oqsma li huwa responsabbli għalihom? Sal-lum diġa' ġie applikat l-open source software, u jekk iva fejn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Taxxa fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi

Question

Billi f'intervista ma' ġurnal lokali l-Ministru diġa' ndika t-tibdil mistenni dwar it-taxxa fuq reġistrazzjoni tal-karozzi kif wkoll li idealment kien jippreferi li kieku s-sistema kellha tibqa' l-istess, jista' għall-benefiċċju kemm tal-bejjiegħa tal-karozzi kif wkoll tal-konsumaturi jagħti ndikazzjoni ta' x'wieħed għandu jistenna f'dan ir-rigward, flok jħalli lil kulħadd mdendel sakemm jiġi ppubblikat il-pre-budget consultation document aktar minn xahar u nofs ieħor? Jikkonferma l-Ministru li x'aktarx li l-piż finali fuq il-konsumatur u d-dħul tal-Gvern mistenni jibqa' xi ftit jew wisq l-istess anke wara li jiġi fis-seħħ dan it-tibdil? Għaliex fil-manifest elettorali ma ngħata ebda ħjiel dwar dan kollu meta l-manifest tkellem biss dwar il-ħtieġa li tinbidel it-taxxa fuq il-karozzi?

Response (FENECH, ANTONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Missjonijiet diplomatiċi

Question

Jista' l-Viċi Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid fhiex waslu l-pjani tal-Gvern li jiftaħ missjonijiet diplomatiċi f'Tel Aviv u Ramallah? Huwa minnu li fil-każ ta' l-aħħar jista' jkun hemm facility sharing ma' gvernijiet oħrajn ta' l-UE? Jekk iva, ma' liema pajjiżi mistenni jsir dan?

Response (BORG, TONIO)

Tħejjijiet għall-ftuħ taż-żewġ missjonijiet diplomatiċi msemmija għadu għaddej. Il-ħsieb tal-Gvern huwa li dawn iż-żewġ missjonijiet jibdew joperaw mill-aktar fis possibbli. Iva. Hemm il-ħsieb li jkun hemm "facility sharing" u ser isiru taħdidiet f'dan is-sens mal-Gvern Ċiprijott.

Ristrutturar tat-tarznari

Question

Billi fil-manifest tal-PN ntqal li l-Gvern ser ikompli l-programm ta' ristrutturazzjoni sabiex it-Tarznari jsiru vijabbli skond il-ftehim negozjat fil-pakkett ta' sħubija fl-Unjoni Ewropea, u billi baqa' biss ftit aktar minn seba' xhur sa l-aħħar tas-sena, jista' l-Ministru jgħid x'sar fil-konkret s'issa f'dan ir-rigward mill-elezzjoni ġenerali 'l hawn?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 91.

Kap tax-Schengen Unit

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 29628 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lill-Prim Ministru, billi ftit ilu l-Ministru għarraf lill-Kamra li l-post tal-Kap tax-Schengen Unit fil-Ministeru baqa' ma mteliex għaliex fost dawk li applikaw kien hemm min ma nstabx adegwat filwaqt li kandidat ieħor ġie skwalifikat, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk u meta ser tinħareġ sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet? Jista' jikkonferma li l-persuna li qed tikkordina din it-taqsima bħalissa oriġinarajment kellha kuntratt ta' advisor? Jista' jgħid jekk il-kuntratt għadux l-istess? Jista' jgħid jekk hux minnu li qed jġi esplorat flimkien mal-MPO fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru jekk dan il-kuntratt jistax jinbidel għall-ieħor b'titlu differenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li l-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin ta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29628.

MEPA — PA 7245/05

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-eżitu tal-petizzjoni tat-12.01.08 lill-MEPA dwar PA 7245/05 fejn għadd ta' residenti minn St. Andrews u l-Ibraġġ talbu li jiġi republished for consultation is-site notice ta' l-applikazzjoni minħabba f'tibdil allegatament sostanzjali fl-iżvilupp propost?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ittra ta' petizzjoni datata 12 ta’ Jannar 2008 ġiet sottomessa lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fit-22 ta’ Jannar 2008. L-applikazzjoni pendenti PA 7245/05, li għaliha tirreferi, qegħda tkun ipproċessata u analizzata mid-Direttorat ta' l-Ippjanar b’riżultat li għadu ma ntlaħaqx qbil fuq il-pjanti. Fil-każ li l-proposta tinbidel, jista' jintalab li l-applikazzjoni tiġi ppubblikata mill-ġdid (republishing). Għalhekk, il-pubbliku se jkun jista' jibgħat il-kummenti tiegħu fi żmien opportun.

Taxxa tad-dħul — Konjuġi separati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28797 u jikkunsidra li jnaqqas it-taxxa tad-dħul minn fuq dik il-parti tal-paga li konjugi separati jkunu obbligati li jħallsu f'manteniment għat-tfal tagħhom lill-parti l-oħra anke meta ma jkollhomx kustodja fuq dawn it-tfal sakemm dan kollu jkun qed isir skond digriet tal-Qorti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29131.
Leg 10 PQ #29693 Sitting 613 2008-01-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Host Families

Question

Billi fil-11 ta' Ġunju, 2007 l-host families kienu ġew avżati bil-miktub mic-Chairman ta' l-MTA li dawk li kienu għamlu contributions għas-sena 2007 kienu ser jingħataw moratoriumu refund in full tal-kontribuzzjoni tagħhom, jista' l-Ministru jgħid meta dan ir-refund ser jinħareġ u għaliex tħalla jgħaddi dan ż-żmien kollu biex jinħareġ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi r-refund in full tal-kontribuzzjoni tal-host families għas-sena 2007 ingħata kollu lura lill-familji f'Settembru tas-sena li għaddiet. Nixtieq inżid ukoll illi l-host families qed jiġu eżentati milli jħallsu l-kontribuzzjoni ta' l-MTA anke din is-sena.

Dipartiment ta' l-Agrikoltura — Agricultural officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi vacancies għall-agricultural officers fid-dipartiment konċernat u jekk iva, hemmx xi ħsieb li jinħarġu xi applikazzjonijiet għall-mili ta' dawn il-postijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li jeżistu vakanzi għal Agricultural Officers fid-Dipartiment konċernat. Bħalissa għaddej il-proċess biex jimtlew dawn il-vakanzi.

Taż-Żwejt Road — Dawl

Question

Tista' ġentilment il-korporazzjoni Enemalta tikkonsidra li ssaħħaħ l-istreet lighting ta' Taż-Żwejt Road qrib ir-residenza 231 fejn hemm dlam kważi ċappa, bit-tentazzjoni li dan jista' iġib miegħu serq, fastidju, eċċ.?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-installazzjoni tad-dawl pubbliku jaqa' taħt ir-responsabbilta tal-Kunsill Lokali u mhux ta' l-Enemalta.

Riċerka CERN

Question

Jista' l -Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29625 u cioe': B’referenza għall-ftehim li ġie milħuq dan l-aħħar ma' l-organizazzjoni ta’ riċerka CERN fl-Isvizzera, jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk dan kienx ftehim formali jew biss memorandum of understanding li għad irid iwassal għal sensiela ta’negozjati intensivi qabel ma l-kollaborazjoni tiġi fis-seħħ u ċ-ċittadini Maltin ikunu jistgħu jibbenefikaw minnu? Meta huwa mistenni li jintlaħaq il-ftehim bejn iż-żewġ naħat ħalli jkun jista' jibda jiġi attwat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

San Gwann — Triq Alessio Xuereb

Question

Jista' l -Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29627 u cioe': Billi meta l-Gvern ċentrali oriġinarjament għamel it-tarmac fi Triq Alessio Xuereb, San Gwann sar xogħol fuq tarmac diġa' mqiegħed u billi b'riżultat ta' dan ħafna mill-katusi li jinżlu minn fuq il-bejt ġew f'ċerti każi taħt it-tarmac bil-konsegwenza li meta tagħmel ix-xita l-ilma qed jidħol fil-basements ta' ħafna residenti tat-triq. Għalkemm normalment problemi simili jiġu trattati mill-kunsilli lokali ta' bliet u rħula, f'każ bħal dan fejn jirriżulta ċar li l-problema kienet kkawżata minn nuqqas ta' ippjanar serju mill-Gvern ċentrali, jista' l-Ministru jara li l-Gvern jidħol direttament biex isolvi problema li ilha tkaxkar għadd ta' snin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Nies fin-negozji

Question

Filwaqt li napprezza li l-maġġoranza tan-nies fin-negozju huma nies serji u ma jippruvawx jabbużaw mill-konsumatur, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hiex, u jekk le għaliex mhix, policy tal-Gvern li juża name and shame policy ma' dawk in-negozji fejn jiġi stabbilit mingħajr ebda dubju li abbużaw fil-prezzijiet tal-oġġetti mpurtati tagħhom, b'mod partikolari fejn jirriżulta li jkunu qegħdin jbiegħu prodotti - speċjalment mediċinali - 'l fuq ferm mill-medja Ewropea? Għaliex ma sarx dan diġa' fejn irriżultaw każi simili?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru tal-Kompetittività qegħdin għaddejjin f’konsultazzjoni mal-Ministeru tal-Finanzi fuq dan is-suġġett.

Ta' Xbiex — Riħa ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi beħsiebu jieħu l-gvern dwar l-ilmenti ta' diversi residenti Msidjani minħabba l-irwejjaħ tad-drenaġġ li spiss qed ikun hemm fix-Xatt ta' Ta' Xbiex mill-parti ta' ħdejn il-Knisja ta' l-Imsida li tieħu lejn il-Busy Bee?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korproazzjoni għaddejja b'xogħolijiet ta' bdil ta' 'rising mains' tal-pumping station tal-Gżira, liema xogħolijiet ser isolvu dawn il-problemi fix-Xatt Ta' Xbiex.

Addolorata — Oqbra ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies fuq il-waiting lists għall-oqbra u kemm hemm u meta huma mistennija jiġu allokati l-oqbra ġodda li hemm referenza għalihom mad-daħla taċ-ċimiterju ta' l-Addolorata? Jista' jgħid ukoll fejn tinsab it-talba tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, fil-waiting list għall-qabar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29635, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 3320 talba fil-waiting list għal xiri ta' qabar fiċ-Ċimiterju Santa Marija Addolorata. Il-pjan huwa li jinbnew 2782 qabar ġdid fiċ-Ċimiterju Santa Marija Addolorata. Minn dawn 2500 ser ikunu għall-pubbliku, l-oħrajn għall-komun. Huwa mistenni li dawn l-oqbra jiġu allokati fil-futur viċin.

Visudyne Therapy

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Isptar Mater Dei huwiex attrezzat għall-Visudyne (Vertepurfin) Therapy? Jekk le, x'rimedju alternattiv hemm?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Trattament bil-mediċina msemmija mill-Onor. Interpellant ma' jiġix offrut b'xejn mis-Servizz Pubbliku tas-Saħħa. Qed tintuża mediċina alternattiva li ħafna studji internazzjonali wrew li hi effettiva ugwalment.