Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #26669 Sitting 418 2016-07-13 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Madliena – Ta’ Stronka — konsultazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’wassal lill-Gvern biex jagħti struzzjonijiet lill-MEPA biex toħroġ avviż fil-gazzetti għal rispons u feedback dwar konsultazzjoni dwar reviżjoni għall-pjan tal-iżvilupp taż-żona Ta’ Stronka, fil-Madliena?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onorevoli membru għar-risposta għal mistoqsija 26668. It-tibdil huwa maħsub biex jipproteġi l-wirt storiku li hemm fuq dan is-sit, liema wirt kien ippjanat li jinqered taħt il-pjan attwali approvat fl-2006.

L-Imsida – traffic counts

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati tat-traffic counts li Transport Malta għamlet dwar iż-żona tal-Imsida?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 26631.

San Ġwann – Triq Salvu Busuttil – stallazzjoni ta’ speed camera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux jikkonsidra li jistalla speed camera fi Triq Salvu Busuttil, San Ġwann, peress li din issa ġiet triq arterjali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta m’għandha l-ebda talba biex tiġi stallata speed camera f’din l-akwata.

Żieda fl-Impjiegi – ħaddiema barranin

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19515 fejn juri ċ-ċifra ta' żieda fl-impjiegi full-time u part-time separatament fost il-ħaddiema b'nazzjonalità mhux Maltija, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn huma minn pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea u kemm minn dawn mhumiex mill-Unjoni Ewropea? Jista' għaż-żewġ kategoriji jelenka l-aktar ħames nazzjonalitajiet fl-Unjoni Ewropea fejn kien hemm l-akbar żieda fl-impjiegi f'pajjiżna, u l-aktar ħames nazzjonalitajiet li mhumiex fl-Unjoni Ewropea?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Leg 12 PQ #26666 Sitting 417 2016-07-13 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Madliena – Ta’ Stronka — proprjetà

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hux beħsiebu jbigħ proprjetà jew partijiet mill-proprjetà fl-inħawi Ta’ Stronka fil-Madliena fejn hemm il-Medical Stores?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li qed issir konsultazzjoni dwar revi¿joni parzjali tal-pjan lokali dwar din iż-żona mill-Awtorità tal-Ippjanar ,id-Dipartiment tal-Artijiet qed jistenna l-eżitu ta’ din il-konsultazzjoni qabel ma jikkonsidra bejgħ ta’ propjetà fl-inħawi Ta’ Stronka fil-Madliena.
Leg 12 PQ #26667 Sitting 417 2016-07-13 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Madliena – Ta’ Stronka — proprjetà

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk sal-lum qattx ħarġet sejħa għall-offerti biex din il-proprjeta' Ta’ Stronka fil-Madliena jew inkella partijiet minn din il-proprjetà jew artijiet fl-inħawi jinbiegħu? Jekk fl-affermattiv, kemm daħlu offerti u jekk intlaħqux l-offerti minimi li stabbilixxa l-Gvern għal din l-offerta? Jekk le, il-Gvern huwa beħsiebu jerġa’ joħroġ din l-offerta? Jekk iva, jista’ l-Ministru jindika jekk il-parametri tas-sejħa għall-offerti hux se jkunu l-istess jew inkella humiex se jinbidlu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Settembru 2013 kienet ħarġet sejħa għall-offerti għall-bejgħ ta’ ħdax-il sit individwali fiz-zona ta’ Stronka l-Madliena izda l-ebda waħda minn dawn is-siti ma nbiegħu. F’din is-sejħa intefgħet offerta waħda għal sit wieħed u offerta oħra għal sit ieħor. Għalkemm iz-zewġ offerti kienu ftit ogħla mill-valur minimu li stabbilixxa l-Gvern, dawn iz-zewġ offerti ma ġewx milqugħa. Dwar l-aħħar parti tad-domanda, nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 26666.
Leg 12 PQ #26668 Sitting 417 2016-07-13 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Madliena – Ta’ Stronka – pjan ta’ żvilupp

Question

Jista’ l-Prim Ministru jindika jekk għaż-żona Ta’ Stronka fil-Madliena hux qed ikun ippjanat tibdil fil-Pjan ta’ Żvilupp għal din iż-żona? Jekk fl-affermattiv, x’tip ta’ tibdil qed ikun ippjanat għal din iż-żona? It-tibdil li qed ikun ikkunsidrat jinkludi tibdil fil-height limitations u tibdil fit-tip ta’ żvilupp fuq dak li jista’ jsir s’issa fiż-żona Ta’ Stronka? Jekk iva, x’tip ta’ żvilupp qed ikun ikkunsidrat? Qed ikun ikkunsidrat li jista’ jsir żvilupp li mhumiex villel? Qed ikun ikkunsidrat li jsiru xi forma ta’ appartamenti bit-tibdil li qed ikun ikkunsidrat fil-pjan ta’ żvilupp?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab nfurmat mill-Awtorita tal-Ippjanar li l-avviż tal-istess Awtorita, jindika biċ-ċar li ser ikun hemm tibdil fil-Pjan ta’ Żvilupp għaż-żona ta’ Stronka. It-tibdil huwa maħsub biex jipproteġi l-wirt storiku li hemm fuq dan is-sit, liema wirt kien ippjanat li jinqered taħt il-pjan attwali approvat fl-2006. Id-direzzjoni tal-Gvern kienet tindika li l-ambjent residenzjali għandu jiġi mħares u għalhekk mhux se jkun propost l-ebda żvilupp li jkun imur kontra din id-direzzjoni. Il-proposta dettaljata għada qed tiġi ppreparata mill-Awtorita’ tal-Ippjanar u wara tkun ippubblikata għall-konsultazzjoni pubblika.

Light Pollution – miżuri biex tittaffa l-problema

Question

In vista tal-problema tal-light pollution f'Malta u Għawdex u tenut kont tar-riċerka ppubblikata x-xahar li għadda li tpoġġi lil Malta bħala wieħed mill-iżjed pajjiżi effettwati (per unit area) mil-light pollution, jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti qed jittieħdu minn dan il-Gvern sabiex jittaffew l-effetti ta' din il-problema li ġġib magħha ħela ta' enerġija kif ukoll impatti negattivi fuq l-ambjent?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fix-xhur li għaddew kien inbeda proċess mill-MEPA bi twaqqif ta’ Kumitat Konsultattiv fuq dan is-suġġett sabiex jitressqu proposti u linji gwida dwar dan. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ser tkun qed tieħu passi minn naħa tagħha la darba jiġi konkluż ix-xogħol ta’ dan il-kumitat.

Riċerka dwar tnaqqis ta’ light pollution

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk in vista ta' riċerka ppubblikata fil-journal ‘Science Advances’ teżistix policy intiża sabiex jitnaqqsu l-effetti tal-light pollution li kull entità tal-Gvern (inkluż iżda mhux limitati għal dipartimenti, aġenziji Transport Malta, kunsilli lokali eċċ.) jistallaw biss dawl li jkun (i) tat-tip full cutoff; u (ii) b'CCT mhux iżjed minn 3000K?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ERA ser tkun qed tevalwa il-proposti li qed jiġu rreferuti f’din il-mistoqsija Parlamentari skond il-linji ta’ gwida li ha jittresqu mil-Kumitat Konsultattiv fuq dan is-suġġett, la darba jiġi konkluż ix-xogħol ta’ dan il-kumitat. Informazzjoni fuq dan il-kumitat ingħatat fir-risposta għall- Mistoqsija Parlamentari 26618.

Kunsill Lokali San Ġwann – konsultazzjoni ma’ Transport Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'konsultazzjoni saret mal-Kunsill Lokali ta' San Ġwann u Transport Malta dwar it-tibdil fis-sistema tat-traffiku fil-junction ta' San Ġwann, bejn Vjal ir-Rihan, Triq Caruana Dingli u Triq Salvu Busuttil? Jista' jgħid fuq xiex kienu nfurmati, jekk kienx hemm xi tibdil li sar mingħajr l-għarfien tal-Kunsill u meta bdiet il-konsultazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab informat li l-proċess ta’ konsultazzjoni beda fil-11 ta’ Mejju bil-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann jaqbel mal-proposta globali tat-tqassim tat-traffiku qabel ma din ġiet implimentata fit-18 ta’ Ġunju. Minn mindu ġiet implimentat din is-sistema, inżammu żewġ laqgħat, fit-28 ta’ Ġunju u fil-11 ta’ Lulju, bl-għan illi jsiru xi aġustamenti ibbażżati fuq il-feedback tal-Kunsill Lokali u tal-GRTU wara l-ewwel esperjenzi tal-arranġamenti tat-traffiku l-ġodda.

San Ġwann u Kappara – traffic counts

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati tat-traffic counts li Transport Malta għamlet dwar iż-żona ta' San Ġwann u l-Kappara?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm ma speċifikatx il-perjodu li għalih qed tirreferi, qed nassumi li l-mistoqsija tagħha hija relatata mal-proġett tal-Kappara. Għaldaqstant ninfurmaha li l-arranġamenti tat-traffiku kurrenti u li huma marbuta ma’ dan il-proġett mhumiex ibbażati fuq traffic counts attwali iżda ġew maħsuba b’tali mod li jakkomodaw il-volum ta’ traffiku li mistenni jiżdied f’din l-akwata meta x-xogħlijiet fuq dan il-proġett jintensifikaw.

Is-Swieqi, l-Ibraġġ u l-Madliena – traffic counts

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati tat-traffic counts li Transport Malta għamlet dwar iż-żona ta' tas-Swieqi, l-Ibraġġ u l-Madliena?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 26631.

Ta’ Xbiex – traffic counts

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati tat-traffic counts li Transport Malta għamlet dwar iż-żona ta' Ta’ Xbiex?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 26631.
Leg 12 PQ #26385 Sitting 415 2016-07-11 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għall-Finanzi

Borża ta’ Malta – ħatra ta’ General Manager

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-kariga ta' General Manager fil-Borża ta' Malta hijiex okkupata? Jekk fl-affermattiv, min qiegħed jokkupa din il-kariga? Xi kwalifiċi għandu/għandha din il-persuna? Jista' jgħid meta nħatret din il-persuna fil-kapaċità ta' General Manager u minn meta l-ħatra f'din il-kariga se tkun effettiva?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa l-kariga ta’ General Manager għadha vakanti, iżda l-General Manager ġdid ġie maħtur mil-Bord waqt il-laqgħa li saret fil- 4 ta’ April 2016. Din il-kariga tiġi fis-seħħ mill-1 ta’ Settembru 2016. Dan il-persuna ilu impjegat mal-Borża għall-18 il-sena. Għamel żmien twil fl-IT u imexxi s-Central Securities Depository w ilu jokkupa l-post ta’ kap ta’ l-uffiċċju responsabbli għal Human Resources & Corporate Services għal dawn l-aħħar 9 snin. Huwa kkwalifikat fil-Human Resources. Dan sar minħabba li l-operat tal-Borża sar kumpless ħafna, iżjed minn qatt qabel. Fix-xhur li ġejjin, sejrin jiġu mplementati direttivi tal –UE ġodda bħal MiFID 2 u CSDR li jirrikjedu bdil sostanzjali fl-operat, proċeduri w teknologija. Barra minn hekk għadu kif ġie mniedi Prospects, suq ġdid immirat għal SMEs li wkoll jinvolvi responsabbilitajiet kbar u operat ġdid, kif ukoll il-Borża qiegħda timplementa servizzi u prodotti oħra ġodda. Għalhekk ġie deċiż li il-pożizzjoni ta’ General Manager terġgħa tiġi ntroddotta wara li ilha vakanti għal dawn l-aħħar snin biex l-individwu maħtur ikun jistgħa jgħin il-Kap Eżekuttiv fit-dmirijiet tiegħu. Il-General Manager sejjer ikun responsabbli għar-riżorsi umani, għal faċilitajiet kollha tal-Borża inkluż il-premises, il- procurement, safar, training, w customer services.
Leg 12 PQ #26386 Sitting 415 2016-07-11 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għall-Finanzi

Borża ta’ Malta – General Manager u Chief Executive Officer — job description

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-job description ta' General Manager tal-Borża ta' Malta u x'inhi l-job description ta' Chief Executive Officer fl-istess entità?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-General Manager sejjer ikun responsabbli għar-riżorsi umani, għal faċilitajiet kollha tal-Borża inkluż il-premises, il-procurement, safar, training, w customer services. Ic-Chief Executive huwa responsabbli għall-operat kollu tal-Borża nkluż ir-regulation, il-finanżi, it-teknoloġija, is-suq l-ġdid li jissejjah Prospects, u business development.

Ta’ Xbiex Junction – nuqqas ta’ Floor Markings

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentri 25971 rigward nuqqas ta’ road markings u sinjali tat-traffiku f’Ta’ Xbiex, jista’ l-Ministru jwieġeb b’referenza għal Triq ix-Xatt, Triq Sir Augustus Bartolo, Triq l-Ambaxxati u Triq Sir Ugo Mifsud li jenħtieġu floor markings u sinjali tat-traffiku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda f’diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali dwar l-implementazzjoni tal-aħħar fażi tal-arranġamenti tat-traffiku hekk kif ser jibdew id-devjazzjonijiet marbuta mal-proġett tal-Kappara. Għalhekk, Transport Malta se tkun qed tara x’sinjali jew road markings se tkun qed tagħmel fit-toroq imsemmija ladarba jiffurmaw parti mid-devjazzjonijiet indikati.

Kappara Junction --sistema tat-traffiku San Ġwann

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk is-sistema tat-traffiku li ġiet implimentata f’San Ġwann Junction hijiex se tkun permanenti jew temporanja u sakemm jitlesta l-proġett tal-Kappara Junction?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema tat-traffiku li qiegħda titħaddem bħalissa hija marbuta mal-proġett tal-Kappara. Din is-sistema tat-traffiku qed isirilha monitoraġġ kontinwu u kwalunkwe titjib li jista’ jsir qiegħed isir. Il-monitoraġġ tas-sistema tat-traffiku se jibqa’ għaddej tul il-proġett kollu.

San Ġwann – Il-Kappara – Triq Birkirkara – tiswija ta’ bankina

Question

Jista' l- Ministru jara li jsir dik il-manutenzjoni li hemm meħtieġ fuq il-bankina fi Triq Birkirkara, il-Kappara, San Ġwann peress li partijiet sostanzjali minnha tkissru waqt ix-xogħol estensiv li kien sar fit-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ix-xogħlijiet għandhom isiru skont ir-responsabbiltajiet, il-prioritajiet, fondi disponibbli u l-proċess tal-akkwist.

San Ġwann – Il-Kappara – Triq Birkirkara – Bus Stop — road markings neċessarji

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru r-road markings neċessarji fuq il-bus stop fi Triq Birkirkara, il-Kappara, San Ġwann?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ix-xogħlijiet se jitwettqu skont il-prioritajiet u ċ-ċirkostanzi tas-sit.

Kappara Junction – tibdil fis-sistema tat-traffiku f’Tas-Sliema

Question

Jista' l-Ministru, f'dan l-istadju, jgħid fejn se jsiru aktar tibdiliet fis-sistema tat-traffiku fiż-żona ta’ Tas-Sliema b'rabta mal-proġett tal-Kappara Junction? Jista’ jagħti d-dettalji ta' dawn il-bidliet? Meta se jidħlu fis-seħħ? Dawn il-bidliet se jkunu temporanji jew permanenti? Kemm se jiswew ix-xogħlijiet fuq tali ħidmiet?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26285.