Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda full-time u part-time fid-dekasteru tiegħu separatament skont l-iskali stabbiliti tal-Gvern, u f'każ fejn l-iskali ma japplikawx jagħti ekwivalent ta' skala (inkluż ekwivalent ta' aktar minn skala 1) għall-2013, u fl-2014 sal-aħħar ta’ Ottubru?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #12241 Sitting 200 2014-11-17 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi – impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda full-time u part-time separatament fid-dekasteru tiegħu għal kull sena mill-2008 sal-2013 u fl-2014 sal-aħħar ta’ Ottubru 2014? Jista’ jgħid, separatament, fejn ġew ingaġġati dawn?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #12242 Sitting 200 2014-11-17 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi – impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati fid-dekasteru tiegħu, impjegati ġodda full-time u part-time separatament skont l-iskali stabbiliti tal-Gvern u f’każ fejn l-iskali ma japplikawx, jagħti ekwivalent ta’ skala (inkluż ekwivalent ta’ aktar minn skala 1) għall-2013, sal-aħħar ta’ Ottubru 2014?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Bord tal-Koperattivi — website

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex il-Bord tal-Koperattivi tneħħietlu l-website madwar sena ilu, u s’issa baqgħet ma ttellgħetx oħra u b’hekk il-pubbliku huwa mċaħħad mill-għarfien dwar il-koperattivi, inkluż l-indirizz elettroniku tal-Bord?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-website li kellu l-Bord tal-Koperattivi kellha diversi problemi tekniċi minkejja li din kienet mantenuta minn kuntrattur privat. Għaldaqstant il-Bord ħass li kellu jitwaqqaf dan il-kuntratt u tiġi żviluppata website oħra permezz tas-servizz tal-MITA. Bħalissa l-Bord qed jaħdem fuq kontenut aktar aġġornat għall-website li mistennjia tkun qed topera mill-ġdid fi żmien qasir.

Settur tad-Digital Games — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpaniji li jaħdmu fis-settur tad-digital games fl-2013 u sa Ottubru 2014, u mingħajr il-ħtieġa li jissemmew l-ismijiet tal-kumpanija jgħid kemm qed iħaddem impjegati separatament?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise mhux awtorizzata li tagħti informazzjoni dwar impjiegi fuq bażi settorjali irrispettivament ta’ liema settur. Dan għaliex din l-informazzjoni hi miġbura u tinżamm mill-ETC jew NSO.

Proġett ta’ FDI — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il proġett ta' FDI tnieda sena b' sena, fl-2012, 2013 u sa Ottubru 2014, u kemm qiegħed iħaddem impjegati kull proġett separatament?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fis-sena 2012 tnieda biss proġett wieħed u mpjega persuna waħda. Din il-kumpanija eventwalment għalqet f’qasir żmien. Għas-sena 2013 irid qabel xejn jingħad li minkejja n-numru ta’ proġetti approvati dawn mhux kollha kienu mnedija sa issa. Ta’ min ifakkar li proġett ta’ FDI ġdid jirrikjedi perjodu ta’ zmien konsiderevoli biex jibda jopera normalment u perjodu itwal biex jimmatura u jopera ottimament. Mill-proġetti approvati fl-2013 s’issa kienu mnedija 13, li skont l-aħħar statistika tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (Awwissu 2014) b’kollox s’issa qed iħaddmu 73. Fir-rigward tas-sena 2014, s’issa (Ottubru 2014) kienu mnedija sitt proġetti li preżentament qed iħaddmu 25. Wieħed irid jgħid li dawn huma ċifri proviżorji. Hawn ukoll, l-istatistika dwar impjiegi, hija dik mogħtija mill-ETC. Minħabba l-obbligi legali stabbiliti fl-Att dwar il-Malta Enterprise 2003 mhuwiex possibli li tissemma kull kumpanija individwalment u kemm din qed tħaddem nies.

Malta Enterprise — skemi

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-iskemi kollha li nħarġu mill-Malta Enterprise sena b’sena mill-2008 sa Ottubru tal-2014? Għal kull skema, jista’ jgħid jekk għalqitx jew għadhiex miftuħa? Għal kull skema jista' jgħid x'tip ta' għajnuna kienet qed tingħata lill-industrija u kemm kien hemm fondi allokati għaliha?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Liċenzji ta’ casinos – adjudication boards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-membri tal-adjudication board jew boards fil-proċess tal-għażla għall-għoti ta’ liċenjza jew liċenzji ġodda ta’ casinos ġewwa Malta u Għawdex?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress illi fuq dan is-suġġett ta’ liċenzji ta’ casinos ġie ippreżentat Mandat ta’ Inibizzjoni u għalhekk dan il-każ preżentement qiegħed quddiem il-Qorti, ma jkunx għaqli f’dan l-istadju li jingħataw l-ismijiet ta’ dawn il-membri.

Liċenzji ta’ casinos – preferred bidder

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li ngħatat lilu għalfejn il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament kienet il-preferred bidder għal liċenzja ta' casino ġdid minkejja li ma kellhiex l-aktar offerta vantaġġuża?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raġuni għalfejn il-kumpanija Eden Leisure Group Limited kienet il-preferred bidder kienet li l-Valur Finanzjarju tal-proposta ta’ din il-kumpanija kien sostanzjalment għola minn tal-proponenti l-oħrajn. L-Offerta Finanzjarja ta’ darba, li huwa aspett distint mill-Valur Finanzjarju tal-proposta, ma kien qatt il-fattur determinanti fid-deċiżjoni dwar min għandu jkun il-proponent favurit. L-Offerta Finanzjarja hija pagament ta’ darba filwaqt li l-Valur Finanzjarju jieħu in konsiderazzjoni l-perjodu kollu tal-konċessjoni. Il-metodoloġija finanzjarja li ġiet użata fl-evalwazzjoni taż-żewġ proposti kienet waħda li hija adottata internazzjonalment fl-assessjar ta’ proġetti. Fl-opinjoni tal-Adjudication and Evaluation Committee (‘EAC’), il-proposta tal-proponent favurit kienet l-aqwa waħda. Din id-deċiżjoni tal-EAC ġiet ibbażata fuq analiżi profond li għamel l-EAC stess u fuq żewġ analiżi oħra dettaljati, wieħed tas-Sotto Kumitat Tekniku u l-ieħor tas-Sotto Kumitat Finanzjarju.

Liċenzji ta’ casinos — Negozjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex il-Gvern fetaħ in-negozjati għal żewġ liċenzji ta' casinos ġewwa Malta meta s-sejħa oriġinali kienet għal liċenzja waħda?

Response (CARDONA, CHRIS)

Il-Gvern iddeċieda li jistieden lit-tieni l-aktar proponent favurit biex jidħol f’negozjati miegħu bl-eventwalita’ li tingħata t-tieni liċenzja għal Casino. Din id-deċizjoni ttieħdet wara perijodu adegwat ta’ deliberazzjoni professjonali, fejn ittieħed in konsiderazzjoni t-tkabbir ekonomiku f’terminu ta’ impjiegi, dħul akbar għall-Gvern u attivita’ ekonomika fis-settur kummerċjali tad-divertiment f’reġjun ġeografiku partikulari f’Malta. B’hekk, il-Gvern ikun qed jimxi mal-istrategija kurrenti tiegħu li għandha żewġ objettivi: (i) li l-ġenerazzjoni tad-dħul għall-Gvern tilħaq il-massimu tagħha – u dan permezz tal-għoti ta’ konċessjoni ġewwa San Ġiljan; u (ii) li jiġġenera l-attivita` ekonomika f’lokalita` ġeografika turistika staġjonali – u dan permezz ta’ għoti ta’ konċessjoni ġewwa Buġibba.

Marsa Shipbuilding – proċess tal-għażla tal-operatur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi rwol għandu l-persuna, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fil-proċess tal-għażla tal-operatur jew operaturi tas-sit tal-Marsa Shipbuilding u jgħid għaliex u f'liema kapaċità dan l-aħħar bagħat għal u ltaqa' ma' żewġ shortlisted bidders fil-Ministeru?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dan l-istadju, peress illi l-proċess tal-għażla għadu ma ġiex konkluż, miniex f'pożizzjoni li nagħti informazzjoni fuq individwi. Il-kompitu li wieħed jibgħat u jiltaqa' mal-proponenti huwa f'idejn iċ-Chairperson u l-Membri tal-Evaluation and Adjudication Committee, u nista' nikkonferma li dejjem ġiet segwita din il-proċedura meta saru xi laqgħat mal-proponenti.
Leg 12 PQ #10387 Sitting 182 2014-07-21 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għall-Finanzi

NSO – qgħad — tnaqqis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-fattur ewlieni skont l-istatistika pubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) kif ikkwotata mill-Eurostat (Stqarrija Nru 10-4/2014 datata l-1 ta’ Lulju 2014) li wassal għat-tnaqqis fil-qgħad għax-xahar ta’ Mejju 2014?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninsab infurmat li din l-istatistika hija maħduma fuq mudell matematiku mill-Eurostat u hija bbażata fuq informazzjoni mil-Labour Force Survey u fuq figuri kkumpilati mill-ETC, li jiġu mgħoddija darba fix-xahar lill-NSO. L-NSO m’għandux aċċess għal dan il-mudell.
Leg 12 PQ #10388 Sitting 182 2014-07-21 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għall-Finanzi

NSO – persuni li jirreġistraw għax-xogħol – tnaqqis

Question

Peress li skont footnote numru 4 tal-istqarrija maħruġa mill-Eurostat għax-xahar ta’ Mejju 2014 (Stqarrija Nru 10-4/2014 datata l-1 ta’ Lulju 2014), jirriżulta li r-rata ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol f’Malta naqset minn 6.7% għal 5.7% wara aġġustament ta’ punt perċentwal li sar fl-istatistika mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), jista’ l-Ministru jgħid jekk dan huwiex minnu? Jekk dan huwa minnu, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn f’każ ta’ pajjiżi oħra tissemma r-raġuni li wasslet għal dan l-aġġustament fl-istatistika waqt li fil-każ ta’ Malta din ir-raġuni ma tissemmiex fl-istqarrija ppubblikata mill-Eurostat?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qatt ma irreveda l-figuri li ppubblika mil-Labour Force Survey. Rigward l-istqarrija ppubblikata mill-Eurostat, l-NSO m’għandux kontroll fuq dak li jinkiteb jew dak li jigi ppubblikat minn din l-istituzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — Membri tal-Bordijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-membri tal-bordijiet tal-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Xi kwalifiki għandu kull membru? X'esperjenza jew expertise għandu kull membru relatata mas-settur fejn ġie ingaġġat bħala membru ta’ bord? F'każ li m'għandhom l-ebda esperjenza relatata, x'kienu l-kriterji li fuqhom intgħażlu dawn il-membri?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferri għal mistoqsijiet Parlamenatri numri 2694, 5144, 5271, 5272, 5273.Il-kriterji li ntużaw kienu l-istess bħal ma dejjem isiru.

Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva — Membri tal-Bordijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-membri tal-bordijiet tal-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tas-Segretarju Parlamentari tagħha? Xi kwalifiki għandu kull membru? X'esperjenza jew expertise għandu kull membru relatata mas-settur fejn ġie ingaġġat bħala membru ta’ bord? F'każ li m'għandhom l-ebda esperjenza relatata, x'kienu l-kriterji li fuqhom intgħażlu dawn il-membri?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferri għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija Parlamentari numru 1409.

MCA – Tnaqqis fil-budget

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5239, jista’ l-Ministru jiċċara jekk għadhiex taħdem is-sistema fejn kull dħul li jkollha l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni irid jintuża biss għall-attivitajiet tal-Awtorità u allura ma jistax jkun hemm trasferiment ta’ fondi mill-Awtorità għall-Fond Konsolidat?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dħul tal-Awtorità mis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jintuża speċifikament sabiex jiġu finanzjati l-ispejjeż amministrattivi għar-regolamentazzjoni tas-settur. Jekk ikun hemm dħul żejjed jingħadda lura lill-operaturi hekk kif definit fil-liġi. Id-dħul tal-Awtorità mis-settur postali jintuża biss biex jiffinanzja l-ispejjeż amministrattivi għar-regolamentazzjoni tas-settur. Minbarra dan id-dħul, l-Awtorità tiġbor ukoll għan-nom tal-Gvern ħlasijiet li għandhom x’jaqsmu mal-użu ta’ riżorsi skarsi (eżempju l-użu ta’ spektrum tar-radju, u ”Rights of Way”) u minn liċenzji ta’ tagħmir ta’ radjukomunikazzjoni. Parti minn dan id-dħul jintuża biex jiġu finanzjati l-ħtiġijiet tal-Awtorità għal dak li għandu x’jaqsam mas-settur ta’ eCommerce, ‘management’ u ‘monitoring’ ta’ spektrum tar-radju u l-‘management’ tal-liċenzji tat-tagħmir ta’ radjukomunikazzjoni. Il-bqija jingħadda lill-Gvern u jiġi trasferit għall-Fond Konsolidat. Il-mod ta' kif jiġi ttrattat id-dħul tal-Awtorità, kif għadni kif iddeskrivejt, ma kellu l-ebda tibdil dawn l-aħħar snin.
Leg 12 PQ #7845 Sitting 127 2014-03-10 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ġnien Kunsill tal-Ewropa — bejgħ

Question

Wara li s-sindki ta’ Ta’ Xbiex u tal-Gżira kkonfermaw mal-media li għaddejjin diskussjonijiet dwar il-bejgħ tal-ġnien Kunsill tal-Ewropa bejn Ta’ Xbiex u l-Gżira, jista’ l-Prim Ministru jgħid ma’ min qed isiru dawn in-negozjati? F’dawn in-negozjati huma biss il-Kunsilli Lokali rispettivi li qed ikunu nvoluti jew hemm involviment min-naħa tal-Gvern jew il-Ministeru konċernat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onorevoli Membru li tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Kumpaniji — sensja lill-impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjani hemm sabiex kumpaniji bħal din il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li qegħdin jaffaċċjaw problemi finanzjarji u qegħdin jagħtu s-sensja lill-impjegati tagħhom, jiġu megħjuna sabiex jiġu salvati l-impjiegi? X’inizzjattivi qed jingħataw sabiex isalvaw l-operaw tagħhom?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li id-deċizjoni ta’ din il-kumpanijja hija rizultat ta’ avvenimenti li seħħew fis-snin ta’ qabel taħt l-amministrazzjoni preċedenti u li dan il-gvern qatt ma kellu kontroll fuqhom. Sabiex dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet ma niġux rinfaċjati bihom, dan il-gvern qed jimplimenta politika li ma tagħtiex qtajja lil-intrapriżi kif kien isir qabel. Nixtieq inżid ukoll li dan il-Ministeru huwa kommess li jgħin lil din il-Kumpanijja u fil-ġimgħat li għaddew ġiet imwaqqfa Task Force li sejra tkun qed tiltaqa’ b’mod regolari bil-għan li jinħoloq pjan strateġiku għal ħaddiema ta’ din il-kumpannijja f’kaz li xi wħud minnhom jitilfu l-impjieg tagħhom. Hawnhekk nixtieq infakkar lill-Onor.Interpellant li sa dan l-istadju dawn għadhom jobs at risk.

Kumpaniji li qed jaffaċjaw problemi finanzjarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux indikazzjoni dwar jekk hemmx fabbriki jew kumpaniji li qed jiffaċċjaw problemi finanzjarji bħal kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk għandu indikazzjoni, jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ dawn il-kumpaniji u x’inhu n-numru ta’ impjegati li qegħdin fir-riskju li jispiċċaw bla xogħol?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru: 7759.