Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux ippjanat li jsir tkabbir fil-proġett ta’ bandli fil-park ta’ Kennedy Grove?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-proġett ta’ tisbiħ ġewwa l-Park ta’ Kennedy Grove, li jagħmel parti mill-Park tas-Salina, jinkludi żieda ta’ apparat tal-logħob għat-tfal ġdid, stallazzjoni ta’ apparat tal-gym, dwal u għamara ġdida tal-ġonna u tisbiħ ieħor ġenerali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tal-parks li jaħdmu fuq bażi ta’ shift huwiex mistenni li jingħatalhom shift allowance? Jekk iva, meta hu mistenni? Jekk le, x’inhi r-raġuni wara din id-deċiżjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-ħaddiema tal-PARKS li jaħdmu fuq bażi ta’ ġurnata xogħol u oħra le, jiġifieri bid “day in” u “day out” u mhux shift, dan ma jġorrx miegħu d-dritt ta’ shift allowance però l-istess ħaddiema jitħallsu “allowances” għall-Ħdud u l-Festi Pubbliċi.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17320, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li l-għassa tas-Swieqi kemm-il darba qed tkun magħluqa peress li l-pulizija li jkunu assenjati hemm ikollhom jagħlqu u jmorru l-għassa ta’ San Ġiljan biex jassistu hemm?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li għalkemm li jista jkun li kien hemm xi okkazzjonijiet rari fejn il Pulizija tas-Swieqi jagħlqu l-għassa biex jassistu lill-Pulizja ta’ San Giljan, din mhiex il-prassi il-għaliex min ikun iddettaljat hemmhekk jibqa jaqdi id-doveri tiegħu fil-post. Madankollu jkun hemm diversi okkazzjonijiet fejn il-pulizija ta’ l-għassa ta’ San Giljan imorru jassistu lill-Pulizija tas-Swieqi, speċjalment f’ħinijiet fit-tard.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ pulizija assenjati fl-għassa ta’ San Ġiljan? Jista’ jgħid jekk in-numru jvarjax matul ix-xhur tas-Sajf u fil-weekend?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li n-numru ta Pulizija assenjati fl-għassa ta’ San Giljan ivarja matul il-weekend, u cioe il-Gimgħa, is-Sibt u il-Ħadd, fejn jintbagħtu bejn sitta u tmien Pulizija oħra biex jassitu fil-bon ordni ġewwa Paceville.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17324, jista’ l-Ministru jgħid jekk skont l-istħarriġ li għamel kienx hemm indikazzjoni li jridu jiżdiedu n-numru ta’ Pulizija li jkunu assenjati fl-għassa ta’ San Ġiljan?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Ninsab infurmat li l-compliment tal-Pulizija f’kull għassa u sezzjoni jiġi studjat regolarment u l-uffiċċjali jiġu assenjati skond il-ħtieġa speċjalment meta jsir ingaġġ ġdid, fost possibilitajiet oħra. Għaldaqstant il-probabilita li jiżdiedu il-Pulizija fl-għassa tas-Swieqi definitivament tiġi mistħarġa meta jsir it-tqassim ta’ membri ġodda jew skond dak il-bżonn partikulari.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid s’issa kemm kienet l-ispiża governattiva fi sponsorships, promotions, marketing, konferenzi, artikli, safar u affarijiet oħra relatati mal-iskema tal-IIP?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li l-ECB/MFSA joint committee intervjenewx wara li l-Air Malta ngħatat unsecured loans kif ġie irrapportat mill-ġurnal The Sunday Independent fil-ħarġa tal-Ħadd, 5 ta’ Lulju? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’passi ttieħdu s’issa? Jista’ jgħid x’inhuma r-rakkomandazzjonijiet tal-ECB, x’inhi r-reazzjoni tal-BOV u x’inhi l-pożizzjoni taċ-Chairman attwali fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-ECB?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-MFSA hi tal-fehma illi l-informazzjoni mitluba hija ta' natura superviżorju kunfidenzjali u għalhekk l-MFSA mhix f'pożizzjoni li tipprovdi l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jelenka l-ġonna u l-parks kollha f’Malta u Għawdex li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ħaddiema assenjati għall-manutenzjoni u t-tindif tal-ġonna u parks li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti n-numru ta’ ħaddiema hands on, assenjati għall-manutenzjoni u t-tindif tal-ġonna u parks li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tad-Direttorat tal-PARK huma ta’ 120. 11 minn dawn il-ħaddiema jaħdmu direttatment fuq il-proġett b’Fondi Ewropej li huwa Life + Saving Buskett.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx programm ta’ manutenzjoni u tindif fuq il-ġonna u l-parks li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’inhu dan il-programm? Jekk m’hemmx programm, jista’ jgħid jekk il-manutenzjoni ssirx skont il-ħtieġa jew fuq bażi kontinwa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, kemm ix-xogħol ta’ tindif kif ukoll ix-xogħol ta’ manutenzjoni jsiru fuq bażi regolari.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-aħħar ħidma ta’ manutenzjoni u meta sar dan ix-xogħol f’kull ġnien u park li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, kif indikat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 17876 ix-xogħol ta’ manutenzjoni jsir fuq bażi regolari u meta jkun hemm bżonn skond il-ħtieġa. Dan ix-xogħol jikludi: xogħol ta’ manutenzjoni tal-apparat tal-logħob u tal-water features ġewwa l-Adventure Park u l-Park tal-Familja f’Marsaskala, l-apparat tal-ilma ġewwa l-Water Park ta’ Buġibba, il-funtani tal-ilma ġewwa l-Park tas-Salina u dawk ġewwa l-Park Nazzjonali ġewwa ta’ Qali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kient l-aħħar xogħol ta’manteniment u meta saret din il-manutenzjoni fil-park ta’ Kennedy Grove?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-manutenzjoni fil-park ta’ Kennedy Grove li huwa parti mill-Park tas-Salina, ukoll issir regolarment mill-ħaddiema tal-PARK. Ix-xogħol jinkludi tindif u servicing tal-funtani.
Responsible Gaming Foundation – benefiċjarji u ammonti allokati
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17181, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk l-10 applikazzjonijiet li ma ġewx magħżula mill-Corporate Social Responsibility Program? Jista’ jgħid ir-raġuni għaliex dawn ma bbenefikawx minn dan il-programm?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B’referenza ghall-mistoqsija parlamentari 17182, jista’ jgħid kemm il-Maltco, il-Malta Gaming Authority u l-operaturi l-oħra kkontribwixxew fir-Responsible Gaming Foundation mit-tnedija tal-Fond sal-lum?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Maltco hija obbligata skond il-kuntratt iffirmat mal-Gvern li tikkontribwixxi €50,000 fis-sena lil dan il-fond. L-informazzjoni l-oħra mitluba hija kummerċjalment sensittiva peress li fost oħrajn tinkludi nformazzjoni fuq kumpaniji terzi.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk humiex għaddejjin diskussjonijiet biex l-ARMS tkun privatizzata? Jekk le, il-Gvern jeskludi għal kollox li t-tmexxija tal-ARMS tgħaddi f’idejn kumpanija privata? Jekk iva, il-Gvern se jiftaħ sejħa għall-offerti jew se jkun qed jagħti l-ARMS jew it-tmexxija tagħha għal perjodu ta’ żmien b’direct order?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ARMS għaddejja minn proċess ta’ business process improvement. Bħalissa għaddej ukoll proċess biex titħaddem aħjar is-sistema tal-iSmart Meters flimkien mal-Enemalta u l-Water Services.
Jista’ l-Ministru jgħid meta mistennija titlesta Triq Ċensu Farrugia, l-Imsida?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni hija waħda mit-toroq identifikati li għad iridu jiġu asfaltati għall-ewwel darba minn Transport Malta. Dawn ix-xogħlijiet isiru skont il-progress tal-formazzjoni, fondi disponibbli kif ukoll il-proċess tal-akwist tas-servizzi tal-kuntratturi.
Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni għalfejn din is-sena s-slielem max-xatt ta’ Tas-Sliema (in-naħa tal-Ferries taħt il-Knisja tan-Nazzarenu) għadhom ma twaħħlux, minkejja li qbiżna l-ewwel ġimgħa ta’ Lulju?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel l-istaġun tas-sajf saret laqgħa ta’ koordinament bejn id-Direttorat għat-Tindif u Kunsill Lokali Sliema, fejn id-Direttorat ġie nfurmat sabiex temporanjament ma jitwaħħlux s-slielem fiż-żona imsemmija. Dan għaliex kien hemm il-ħsieb minn Transport Malta li ż-żona isservi sabiex jorbtu d-dgħajjes mal-moll. Ma jagħmilx sens li kienu jitwaħħlu s-slielem minħabba din ir-raġuni, kif ukoll minħabba kwistjoni ta’ sigurta’.
Ftit tal-jiem wara li saret laqgħa ta’ aġġornament bejn iż-żewġ naħat, ġie deċiż li jitwaħħal sellum wieħed f’żona fejn mhux qed tintuża mid-dgħajjes.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex infurmat li nhar s-Sibt, 13 ta’ Ġunju cruise liner tal-kumpanija MSC ingħata l-permess biex jidħol fil-Port fil-Kbir minkejja li l-Kaptan kien infurmat b’theddida ta’ bomba hekk kif kien se jitlaq minn port fil-Greċja? Huwa infurmat li l-imsemmi cruise liner ipprova jidħol f’portijiet oħra imma ma ngħatax awtorizzazzjoni minħabba raġunijiet ta’ sigurtà peress li kien informa l-awtoritajiet konċernati bit-theddida ta’ bomba? Jaf f’liema portijiet dan il-cruise liner ipprova jidħol qabel ingħata l-awtorizzazzjoni biex jidħol fil-Port il-Kbir ta’ Malta? Huwa infurmat jekk il-cruise liner ingħatax l-awtorizzazzjoni biex jidħol fil-Port il-Kbir mal-ewwel talba? Jekk mhux mal-ewwel talba, jaf ma’ liema attentat il-cruise liner tħalla jidħol fil-Port il-Kbir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li nhar is-Sibt 13 ta’ Ġunju ma daħal l-ebda cruise liner tal-kumpanija MSC.
Jista’ l-Ministru jgħid x’safar sar minn uffiċjali mill-Ministeru, mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari u mill-entitajiet li jaqgħu taħtu fl-aħħar 12-il xahar? Jista’ jgħid fejn sar is-safar (belt u pajjiż) u x’kienet ir-raġuni għal kull safra? Jista’ jgħid min mar għal kull safra? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — Safar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu safar fl-aħħar 12-il xahar? Jista’ jgħid fejn siefer (belt u pajjiż) u x’kienet ir-raġuni għal kull safra? Min kienu l-uffiċjali li akkumpanjawh f’kull safra? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.