Legislature:
Category:
Reset
Active:

Karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranija – nazzjon

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ta’ liema nazzjonalità huwa dawn il-karozzi bi pjanċi ta' reġistrazzjoni barranija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall- Mistoqsija Parlamentari 20973, fejn għidt li Transport Malta jew kull Awtorita’ regolatorja oħra ma tistgħax tiġbor din l-infomazzjoni għaliex huwa illegali li twaqqaf kull vettura li tiċċirkola fit-toroq Maltin.

Karozzi reġistrati f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi li huma reġistrati f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi minn barra l-Unjoni Ewropea?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 20973, u nżid li Transport Malta ma żżommx rendikont u statistika ta’ kemm hawn vetturi li huma reġistrati f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi minn barra l-Unjoni Ewropea.

Transport Malta – karozzi minn pajjiżi Afrikani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi minn pajjiżi Afrikani li jinsabu Malta bil-permess ta’ Trasport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta ma tistgħax iżżomm rendikont jew statistika ta’ kemm hawn vetturi minn pajjiżi Afrikani.

Transport Malta – stimi ta’ karozzi li jinsabu Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għandhiex statistika jew stimi ta’ karozzi li jinsabu Malta bla permess ta’ ċirkolazzjoni? Jekk iva, x’inhi l-istatistika li tista’ tipprovdi Transport Malta dwar dawn il-karozzi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta m’għandhiex statistika jew stima ta’ vetturi li jinstabu f’Malta bla permess ta’ ċirkolazzjoni u dan għaliex vetturi li qeghdin f’Malta temporanjament m’ għandhom bżonn l-ebda permess ta’ ċirkolazzjoni kif intqal fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 20973.

Is-Swieqi – Triq Uqija – statistika ta’ vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta statistika ta’ kemm jgħaddu vetturi f’ġurnata matul il-ġimgħa minn Triq Uqija, is-Swieqi wara d-data li qed inressaq din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li, matul ġurnata tipika matul il-ġimgħa, Triq Uqija ikollha annual average daily traffic ta’ 1,622 passenger car units.

Is-Swieqi – Triq Uqija – statistika ta’ vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta statistika ta’ kemm jgħaddu vetturi matul il-ġurnata tas-Sibt minn Triq Uqija, is-Swieqi wara d-data li qed inressaq din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li, matul il-ġurnata tas-Sibt, Triq Uqija jkollha annual average daily traffic ta’ 2,126 passenger car units.

Is-Swieqi – Triq Uqija – moniteraġġ tat-tniġġiż

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta statistika dwar moniteraġġ tat-tniġġiż fi Triq Uqija, fis-Swieqi wara d-data li qed inressaq din il-mistoqsija parlamentari u li tali statistika kemm-il darba inġabret fis-snin li għaddew?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

San Ġwann – bandli faċċata tal-Knisja — proġett

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 18273, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan dwar bini ta’ ċentru ċiviku f’San Ġwann, li kien meħsub oriġinarjament li jsir bħala parti mill-proġett tal-ġnien ta’ quddiem il-knisja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif indikajt fit-tweġiba preċedenti, l-uffiċju tal-Kunsill Lokali se jkun inkorporat fil-proġett. Dan ser jinkorpora fiħ sala kbira fejn jistgħu jsiru laqgħat, iżda ma jistax jiġi deskritt bħala Ċentru Ċiviku għax qatt ma kien ippjanat li jsir hekk.

San Ġwann – sistema tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li jekk sad-data li qed inressaq din il-mistoqsija parlamentari, hemmx problemi fis-sistema tad-drenaġġ f’San Ġwann speċjalment fiż-żona ta’ Triq Bella Vista u l-madwar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma illa fl-aħħar xhur il-Korporazzjoni għamlet żewġ interventi lokaliżżati fis-sistema tad-drenaġġ qrib ta’ fejn hemm il-ħajt impinġi bil-graffiti. Fit-8 ta’ Novembru kien hemm żbroff ta’ drenaġġ fi Triq Bella Vista qrib Triq in-Naspli, liema żbroff ġiet lokaliżżat u msewwi fi ftit sigħat. Issa qed issir investigazzjoni bis-CCTV camera biex jiġi stabbilit jekk hemmx xi tkissir fil-katusa li seta’ kkawża l-aħħar blockage.

Tas-Sliema – Underground Parking — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex inhuma l-pjanijiet tal-Gvern li jsir underground parking fl-inħawi tal-Ferries, Tas-Sliema?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 88.

Is-Swieqi – qtugħ ta’ provvista tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jagħti raġuni għalfejn il-Ħadd 25 ta’ Ottubru 2015 inqatgħet il-provvista tad-dawl fis-Swieqi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 20399 (għoxrin elf, tlett mija, disgħa u disgħin).

Noise Pollution Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux beħsiebu jniedi noise pollution policy li tirrifletti r-realtà tal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li naħseb li taf tajjeb li mid-dibattitu li għaddej bħalissa dwar il-liġi ġdida tal-ambjent, l-Awtorita’ tal-Ambjent u r-Riżorsi ser ikollha l-obbligu li tipprepara strateġija ġdida għall-ambjent. Ovvjament din l-istrateġija ser tinkludi it-tematiċi ambjentali relevanti kollha inkluż il-ħsejjes/storbju. Billi hemm miżura fil-Budgetdwar dan, qed naħsbu dwar kif dan il-proċess marbut mat-tniggis tal-ħsejjes għandu jingħata spinta fis-sena finanzjarja ġdida.
Leg 12 PQ #20513 Sitting 332 2015-11-25 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li qed jagħtu servizz lill-Ministeru, jew xi entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu fl-aħħar 12-il xahar? Għal liema skop qed jagħtu din il-konsulenza? Kemm tħallsu għal din il-konsulenza xahar b’xahar fl-aħħar 12-il xahar? Jista’ jgħid jekk dan is-servizz ingħatax wara sejħa b’offerti jew b’direct order?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ konsulenti li taw servizz lill-Ministeru għat-Turiżmu fl-aħħar 12-il xahar huwa ta’ erbgħa, li flimkien jammontaw għal spiża totali ta’ €38,695.14.

San Ġwann – Triq Birkirkara — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn sad-data li qed inpoġġi din il-mistoqsija parlamentari, ix-xogħol f’Birkirkara Road, San Ġwann reġa’ ġie abbandunat wara biss lejl wieħed ta’ xogħol fejn parti biss mit-trinka li kienet inqalgħat, ingħatat it-tarmak? Jista’ jagħti data definittiva meta se jitlesta dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li ġie nstallat main kbir tal-ilma fi Triq Birkirkara u kompla fi Triq Bellavista. Il-kuntrattur tal-WSC ġie mqabbad jagħmel re-instatement temporanju bil-konkos fi Triq Birkirkara peress li din għandha tingħata t-tarmac minn Transport Malta. Sar ukoll tarmac permanenti matul il-lejl fuq it-trinka tal-WSC fi Triq Bellavista kif tispiċċa B’Kara Road.

San Ġwann – Triq Birkirkara — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn sad-data li qed inpoġġi din il-mistoqsija parlamentari, ix-xogħol f’Birkirkara Road, San Ġwann reġa’ ġie abbandunat wara biss lejl wieħed ta’ xogħol fejn parti biss mit-trinka li kienet inqalgħat, ingħatat it-tarmak? Jista’ jagħti data definittiva meta se jitlesta dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Interconnector – kapaċità addizzjonali tal-provvista

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proposta li kien hemm fl-ewwel dokument tal-Budget 2016 li ġie ppreżentat (paġna 140 pt 8.26), fejn is-settur privat kien se jingħata l-possibilità li juża l-kapaċità addizzjonali tal-provvista mill-interconnector bejn Malta u Sqallija, hux se tiġi implimentata?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proposta indikata tirreferi għall-użu tal-fibre optic clusters addizzjonali li jiffurmaw parti mill-Malta-Italy Interconnector u mhux għall-provvista tal-elettriku pprovduta mill-istess infrastruttura. Din il-proposta ġiet implimentata kif indikat fid-dokument imsemmi. Aktar kmieni din is-sena tħabbret sejħa pubblika għal espressjonijiet ta’ interess mis-settur privat biex jagħmlu proposti dwar kif jistgħu jintużaw il-konnessjonijiet tal-fibre optic imsemmija. Bħalissa l-proposti li rċeviet il-Kumpanija qed jiġu evalwati bir-reqqa biex tinstab l-aktar soluzzjoni vantaġġjuża għal Enemalta plc. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istqarrija li kienet ħarġet mill-Enemalta dwar is-sejħa pubblika li kienet saret.

Kappara Junction – Ftuħ ta’ Triq tal-Franċiż fis-Swieqi

Question

Fid-dawl li se jkun hemm inkonvenjent inevitabbli minħabba għeluq f'arterji kawża tax-xogħlijiet fil-Kappara Junction, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani biex tinfetaħ Triq tal-Franċiż fis-Swieqi biex titnaqqas il-pressjoni tat-traffiku fi Triq il-Keffa s-Swieqi u jkun faċilitat il-passaġġ tat-traffiku minn Triq il-Qasam fiċ-ċentru tas-Swieqi għall-inħawi tal-Ibraġġ, Victoria Gardens u l-Madliena fid-dawl tal-fatt li l-ammont tat-traffiku devjat minn San Ġwann lejn is-Swieqi se jiżdied konsiderevolment minħabba l-proġett tal-Kappara Junction?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq tal-Franċiż mhiex identifikata bħala waħda mir-rotot ta’ devjazzjoni marbuta mal-proġett tal-Kappara.

Kappara Junction – Ftuħ ta’ Triq il-Terz fis-Swieqi

Question

Fid-dawl li se jkun hemm inkonvenjent inevitabbli minħabba għeluq f'arterji kawża tax-xogħlijiet fil-Kappara Junction, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani biex tinfetaħ Triq it-Terz, fis-Swieqi biex titnaqqas il-pressjoni tat-traffiku fi Triq il-Keffa s-Swieqi u jkun faċilitat il-passaġġ tat-traffiku minn partijiet minn Triq il-Keffa għal Triq l-Ibraġġ u dawk li jkunu ħerġin għal Triq St. Andrews fid-dawl tal-fatt li l-ammont tat-traffiku devjat minn San Ġwann lejn is-Swieqi se jiżdied konsiderevolment minħabba l-proġett tal-Kappara Junction?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq it-Terz mhiex identifikata bħala waħda mir-rotot ta’ devjazzjoni marbuta mal-proġett tal-Kappara.

Ħal Għargħur – qtugħ ta’ provvista tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jagħti raġuni għalfejn il-Ħadd 25 ta’ Ottubru 2015 inqatgħet il-provvista tad-dawl f’Ħal Għargħur?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat li l-qtugħ fil-provvista tal-elettriku kmieni filgħodu fid-data indikata f'xi partijiet tal-lokalità msemmija u nħawi fil-madwar seħħ wara xogħol ta' switching li daħħal fis-seħħ il-proċedura awtomatika ta' load shedding bħala miżura ta' protezzjoni. Il-provvista ngħatat lura wara ftit minuti.