Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġwann – Ġnien iż-Żwejt – bus shelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jistax isir xogħol ta’ tiswija fuq il-bus shelter ta’ quddiem Ġnien iż-Żwejt, San Ġwann?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li Transport Malta ser tkun qed tagħmel spezzjoni fuq il-bus shelter imsemmi sabiex tistabbilixxi x-xogħol ta’ tiswija meħtieġ fuq dan ix-shelter.

Karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni bi kliem bl-Għarbi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20979, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux konxju li bħalissa f’Malta hawn kwantità kbira ta’ karozzi bi pjanċi tar-reġistrazzjoni bl-Għarbi? Jaf kif daħlu Malta?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infrumat li l-Pulizija m’għandhiex din l-informazzjoni.

Karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni bi kliem Għarbi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20980, jista’ l-Ministru jgħid f’każ li wieħed jixtieq jagħmel rapport dwar inċident jew xi irregolarità, kif wieħed jista' jagħmel rapport, meta l-pjanċi tar-reġistrazzjoni huma bl-Għarbi u allura issib diffikultà biex tinterpreta n-numru ta’ reġistrazzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk persuna tixtieq tagħmel rapport dwar xi inċident jew xi irregolarita’, għandu jinforma lil Transport Malta jew lill-pulizija. Il-pjanċi ta’ reġistrazzjoni huma kollha identifikabbli għaliex maġenb il-kliem kollha fihom xi numru.

Karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni bi kliem Għarbi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20981, jista’ l-Ministru jgħid f’każ li wieħed jixtieq jagħmel rapport dwar inċident jew xi irregolarità, kif wieħed jagħmel rapport, meta l-pjanċi tar-reġistrazzjoni huma bl-Għarbi u allura isib diffikultà biex jinterpreta n-numru ta’ reġistrazzjoni?

Response (ABELA, CARMELO)

Filwaqt li nifhem li jista’ jkun hemm din id-diffikulta, mill-banda l-oħra l-Pulizija f’każi ta’ rapporti jkollha bżonn aktar dettalji fuq il-vettura jew dettalji oħra fuq is-sewwieq biex il-vettura tiġi identifikata u tinstab.

Gwardjani Lokali – inċidenti li jinvolvu karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid s’issa kemm kien hawn inċidenti, sena b’sena, mis-sena 2013 ‘l hawn, li kienu jinvolvu karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjonijiet barranija u li ġew irrapurtati lill-Gwardjani Lokali? F’liema pajjiż kienu reġistrati dawn il-vetturi? F’liema lokalità seħħew dawn l-inċidenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f'seduta oħra.

Road Side Checks – vetturi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru road side checks sena b’sena mill-2013 ‘l hawn fuq vetturi bi pjanċi ta’ reġistrazzjonijiet barranin fejn fuq dawn il-vetturi ġie vverifikat li għandhom id-dokumenti kollha meħtieġa inkluż koperti b’polza ta’ assigurazzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jsiru roadside checks fuq bażi regolari fit-toroq ta’ Malta u Għawdex iżda l-istatistika ma tiġix klassifikata skont kif mitlub f’din il-Mistoqsija Parlamentari.

Road Side Check — vetturi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mir-road side checks li saru sena b’sena mill-2013 ‘l hawn, fuq vetturi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranin, kemm minn dawn instabu li għandhom irregolarità u li fallew milli jipproduċu d-dokumenti kollha meħtieġa?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22248.

Autobuses de Leon – spiża fuq fuel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża fuq fuel mill-vetturi tal-Autobuses de Leon matul l-2015?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li l-kumpanija Autobuses de Leon hija entita’ privata u l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali, tali informazzjoni mhiex disponibli.

Karozzi b’number plates barranin

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20973, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ moniteraġġ isir biex ikun magħuf jekk vetturi bi pjanċi barranini ma jibqgħux Malta għal aktar miż-żmien stipulat skont Kap 368, kif ġiet imwieġba fl-istess mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid xi programm ta’ infurzar għandha Transport Malta dwar dan?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll l-uffiċjali ta’ Transport Malta jwaqqfu dawk is-sidien ta’ vetturi bi pjanċi barranin u jitolbuhom dawk id-dokumenti kollha meħtieġa. Fejn jinstab li l-vettura mhux qiegħda skont ir-regolamenti stipulati allura dik il-vettura tiġi irmunkata.

Karozzi b’number plates barranin

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20973, jista’ l-Ministru jgħid x’data qed tinżamm ta’ kemm hemm vetturi bi pjanċi barranin li jinstaqu f’pajjiżna minn żmien għal żmien ladarba jidher li la hemm data fuq il-kwantità u l-anqas nazzjonalità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma tinżamm l-ebda data u dan peress li Art. 18 ta’ l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni u l-Liċenzjar ta’ Vetturi bil-Mutur, jistipula li kull vettura rreġistrata f’pajjiż ieħor tista’ tiddaħħal u tinstaq f’Malta temporanjament għal perjodu konsekuttiv li ma jkunx jaqbeż seba xhur f’perjodu ta’ tnax il-xahar.

Transport Malta – vetturi – polza ta’ assigurazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar x’qed tagħmel Transport Malta, sabiex taċċerta li kull vettura li tinstaq fit-territorju Malti inkluż dawk bi pjanċi barranin għandhom polza ta’ assigurazzjoni minima hekk kif stabilità mil-liġi Maltija?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi għat-tweġiba li ngħatat ghall-Mistoqsija Parlamentari 22239.

Inċidenti Stradali — claims

Question

Jista’ l-Ministur jgħid kif qed jiġi assigurat li kwalunkwè claim ġustifikata kontra vetturi bi pjanċi barranin involuta f’inċidenti stradali f’Malta qed tiġi onorata?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mhiex ir-responsabilita’ tal-Ministeru tiegħi jew ta’ Transport Malta għal xi claim li jsiru minn kull sid ta’ vettura f’xi inċident stradali iżda kull claim għandha tiġi riferuta lill-kumpaniji ta’ l-assigurazzjoni.

Gwardjani Lokali – vetturi bi pjanċi tar-reġistrazzjoni barranin

Question

Jista’ l-Ministru jinforma dwar kif qed jiġi infurzati somom amministrattiva imposti mill-gwardjani lokali fuq vetturi bi pjanċi tar-reġistrazzjoni barranin u x’mekkaniżmi hemm sabiex jiġi aċċertat li tali somom qegħdin jinġabru?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellent jirreferi għat-tweġiba li ngħatat mill-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura għal mistoqsija parlamentari 17282.

L-Ibraġġ (Swieqi) – rotot tal-karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jagħti n-numri tal-karozzi tal-linja li jgħaddu minn l-Ibraġġ u r-rotot rispettivi li jgħaddu minnhom il-karozzi tal-linja fil-preżent? Jista’ jagħti l-istess informazzjoni skont kif kienu r-rotot qabel ma saru l-aħħar tibdiliet?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22260.

L-Ibraġġ (Swieqi) – Frekwenza tas-servizz tal-karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-iskeda tal-frekwenza tas-servizz tal-karozzi tal-linja li jgħaddu minn l-Ibraġġ (Swieqi) fil-preżent u l-iskeda tal-frekwenza tas-servizzi tal-karozzi tal-linja li kienu jgħaddu minn l-Ibraġġ (Swieqi) sa qabel ma saru l-aħħar tibdiliet fl-iskeda?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22260.

L-Ibraġġ (Swieqi) – servizzi tal-karozza tal-linja

Question

Jikkonferma l-Ministru jekk is-servizz tar-rotot tal-karozzi tal-linja li jgħaddu minn l-Ibraġġ (Swieqi) naqqsitilhomx il-frekwenza? Jekk iva, x’wassal għal dan it-tnaqqis fil-frekwenza tas-servizz? Dan it-tnaqqis kien marbut ma’ xi studju li sar minn Transport Malta? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-istudju?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22260.

Kuntratt bejn il-Gvern u l-Autobuses de Leon

Question

B’referenza għal diversi mistoqsijiet parlamentari li tressqu lill-Ministru dwar il-kuntratt li l-Gvern għamel ma’ Autobuses de Leon, jista’ l-Ministru jippubblika dan il-kuntratt?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22252.

Autobuses de Leon — sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li s-sussidju li qiegħed jingħata lill-Autobuses de Leon, ikoprix jew huwiex ekwivalenti għall-ammonti li l-kumpanija tħallas fis-sena sħiħa fuq pagi li l-kumpanija tħallas u fuq fuel kkunsmat mill-vetturi tal-karozzi tal-linja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sussidju mħallas huwa dak maqbul mal-operatur tat-trasport pubbliku riżultat ta’ Espressjoni ta’ Interess internazzjonali li kienet inħarġet fl-2014. Ta’ min wieħed jinnota li dan is-sussidju huwa madwar 10 miljun Ewro fis-sena inqas minn offerta oħra u mal-15-il miljun Ewro orħos minn dak li kienet talbet il-kumpanija preċedenti biex tkompli topera s-servizz tat-trasport pubbliku.

Autobuses de Leon — pagi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu f’pagi mill-kumpanija Autobuses de Leon matul l-2015 xahar b’xahar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li l-kumpanija Autobuses de Leon hija entita’ privata u l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali, tali informazzjoni mhiex disponibli.

Il-Kappara (San Ġwann) — rotot tal-karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jagħti n-numru tal-karozzi tal-linja li jgħaddu minn Kappara (San Ġwann) u r-rotot rispettivi li jgħaddu minnhom il-karozzi tal-linja fil-preżent? Jista’ jagħti l-istess informazzjoni skont kif kienu r-rotot qabel ma saru l-aħħar tibdiliet?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22256.