B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20084, jista' l-Ministru jgħid f’liema xahar qed titħallas il-lump sum ta' €300 lill-anzjani ta' 'l fuq minn 75 sena?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-sena, l-Għotja għall-Anzjani ta’ €300, għal dawk li għandhom 75 sena jew aktar, tħallset kollha kemm hi fis-6 ta’ Frar 2016. L-għotja, nerġa’ ntenni sħiħa, tħallset lil dawk kollha li s-sena l-oħra kellhom 75 sena jew aktar.
Kif dejjem sar sa mill-bidu tal-ħlas ta’ din l-għotja, dawk li għalqu jew jagħlqu l-75 sena mill-bidu ta’ din is-sena ‘l quddiem, jitħallsu pro-rata minn meta jagħlqu ¿mienhom sal-aħħar ta’ din is-sena. Għalhekk, kull xahar isir proċess biex jitħallsu dawk kollha li jagħlqu 75 sena matul ix-xahar kurrenti. Dawn imbagħad mis-sena d-dieħla ‘il quddiem jirċievu it-€300
sħaħ
huma wkoll.
Bħalma tista’ tinnota l-Onorevoli Membru, dan hu għal kollox kontra l-misinformazzjoni qarrieqa li ngħatat minn xi ġurnali lokali u xi membri parlamentari fil-Parlament.
Transport Malta – Laqgħa mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann
Question
B’referenza għad-diversi rapporti li saru fil-media fejn intqal li Transport Malta se tiltaqa’ mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann sabiex tiġi diskussa s-sitwazzjoni tat-trasport pubbliku fil-lokalità, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk Transport Malta għamlitx kuntatt mat-tali Kunsill Lokali (sad-data li qed inressaq din il-mistoqsija parlamentari) sabiex issir il-laqgħa msemmija? Jekk fl-affermattiv, jista’ l-Ministru jgħid meta mistennija li sseħħ it-tali laqgħa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret laqgħa mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann bejn il-Ministeru tat-Trasport u Infrastruttura, Transport Malta u rappreżentanti tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann fil- 5 ta’ Frar 2016, li fiha ġiet diskussa s-sitwazzjoni tat-trasport pubbliku f’din il-lokalità.
Barra minn hekk fl-istess ġurnata ukoll, ltqajt mas-Sindki tal-Kunsilli Lokali kollha, fejn ġie diskuss it-trasport pubbliku. Dan wara li f’laqgħa li saret fil-ġimgħat li għaddew, kien intqal li se jiġi evalwat l-impatt tar-rotot il-ġodda.
Il-laqgħa kienet waħda kostruttiva ħafna fejn attendew kważi l-Kunsilli Lokali kollha.
Matul il-laqgħa, li għaliha kienu preżenti wkoll rappreżentanti tal-operatur tat-trasport pubbliku kif ukoll uffiċjali ta’ Transport Malta, ġie nnotat li f’ħafna mill-każijiet, l-ilmenti li qed jitressqu mill-pubbliku huma aktar marbutin ma’ puntwalità fis-servizz milli man-natura tar-rotta. Dwar dawn l-ilmenti, inġibdet l-attenzjoni tal-operatur tat-trasport pubbliku, li min-naħa tiegħu, se jkun qed jieħu passi biex dawn jiġu indirizzati.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li fil-ħin tal-inċident li sar fi Triq il-Keffa fis-Swieqi, nhar is-Sibt 28 ta’ Jannar, fit-8 ta’ filgħodu, kif ġie wkoll rrapurtat fil-media, l-għassa tas-Swieqi kienet magħluqa?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tiċċara d-data li qed tagħmel referenza għaliha fil-mistoqsija.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk saritx venda tal-karozzi tal-linja fis-Swieqi? Jekk fl-affermattiv, f’liema triq saret u xi studju/stħarriġ sar qabel din il-venda ġiet ippożizzjonata fil-post li saret?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li dak li l-Onor. Interpellant qed tirreferi għaliha bħala venda tal-karozzi tal-linja fis-Swieqi fil-fatt huwa post minn fejn ir-rotot li jservu lil din il-lokalità, jiġifieri ir-rotta 16 u 233 jibdew jew itemmu il-vjaġġ tagħhom. Ikun hemm ħinijiet fejn sabiex il-vjaġġ jibda fil-ħin skedat, il-karozzi tal-linja jistennew għal xi ħin fi Triq tal-Franċiż.
Infurmat ukoll li fil-preżent, Transport Malta flimkien mal-operatur tat-trasport pubbliku qed jevalwaw il-possibilità li jinstab post alternattiv fl-istess lokalità fejn il-karozzi tal-linja jkunu jistgħu jistennew il-ħin sabiex jibdew il-vjaġġ tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex infurmat li d-dawl tat-triq fit-tarf ta’ Triq B’Kara, San Ġwann (min-naħa ta’ Triq Tas-Sliema) hu maqtugħ? Jista’ jgħid meta hu ppjanat li ssir it-tiswija meħtieġa minħabba l-urġenza tal-każ peress li f’din iż-żona għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni u nuqqas ta’ dawl jista’ jikkostitwixxi f’periklu kemm għas-sewwieqa kif ukoll għan-nies li jkunu għaddejjin minn dawn l-inħawi?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mill-Enemalta plc li l-lampa viċin l-area ta’ kostruzzjoni ġiet skonnettjata minħabba x-xogħlijiet li għaddejjin. Lampa oħra ġiet imqegħdha n-naħa l-oħra tat-triq f’post adekwat.
Jista’ l-Ministru jgħid preżentament jekk qiegħedx isir ingaġġ ta’ carers f’Isptar Mater Dei? Jekk fl-affermattiv jista’ jgħid xi kwalifiki jeħtieġu u x’taħriġ qiegħed jingħatalhom qabel ma jiġu ngaġġati? Jista’ jgħid kemm hu twil it-taħriġ li qiegħed jingħatalhom?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ingaġġ tal-carers fl-Isptar Mater Dei isir skont it-termini tal-kuntrat mal-kuntrattur.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinbeda x-xogħol fuq Triq il-Ġojjin, (Kappara) San Ġwann? Jista’ jgħid meta hu ppjanat li jibda tali xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta.
San Ġwann – Ġnien Dun Ġorġ Preca – xogħol u tiswija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jistax isir xogħol ta’ tiswija u tindif fi Ġnien Dun Ġorġ Preca San Ġwann fejn minkejja li l-manutenzjoni ġenerali hija taħt ir-responsabilità tal-kunsill, dan ġarrab ħsarat waqt ix-xogħol li kien qiegħed isir fi Triq San Ġiljan waqt ix-xogħol li kien ikkummissjonat mill-Gvern?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21718, peress li fil-mistoqsija ma staqsejtx għat-triq u l-lokalità tal-persuna li tirraporta l-ilment iżda d-data dwar dawk it-toroq li jsir ilment fuqhom, jista’ l-Ministru jgħid dwar liema toroq Transport Malta tirċievi ilmenti, jista’ jelenka din l-informazzjoni sena b’sena mill-2013 ‘l hawn?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li nikkjarifika li għall-Mistoqsija Parlamentari 21718 l-Onor. Interpellant staqsiet “minn liema lokalitajiet, Transport Malta tirċievi l-ilmenti dwar it-toroq” u mhux “fuq liema” ninfurmaha wkoll li bejn l-2013 ul-2015 Transport Malta rċeviet 3,787 talba jew ilment rigward toroq. Minħabba li l-informazzjoni mitluba tirrikjedi ħafna ħin u riżorsi biex tinġabar, ma narax li hu opportun li din l-istess informazzjoni tingħata.
San Ġwann – Il-Kappella ta’ Santa Margerita – tiswija ta’ bus shelter
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jistax isir xogħol ta’ tiswija fuq il-bus shelter ta’ quddiem il-Kappella ta’ Santa Margerita, San Ġwann?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ser tkun qed tagħmel spezzjoni fuq il-bus shelter imsemmi sabiex tistabbilixxi x-xogħol ta’ tiswija meħtieġ fuq dan ix-shelter.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21722, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux studji dwar sistema ta’ immaniġġar ta’ traffiku aħjar? Jekk fl-affermattiv, jista’ jippreżenta tali studji?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tkun iktar speċifika fil-mistoqsija tagħha billi tindika għal-liema sistemi ta’ immaġġjar tat-traffiku qed tirreferi għalihom jew tispeċifika l-lokalità li għaliha qed tagħmel referenza.
B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 21816 u 21817, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux konxju li minkejja t-tabella li pprovda, is-servizz tat-trasport pubbliku għar-residenti ta’ San Ġwann u Kappara iddeterjora fil-frekwenza u qed ikun hemm żieda sostanzjali fid-dewmien?
Response (MIZZI, JOE)
Nibda biex nikkoreġi lill-Onor. Interpellant fir-rigward tal-kumment tagħha fejn qed tgħid li kien hemm deterjorazzjoni fil-frekwenza tat-trasport pubbliku ġewwa l-Kappara. Fit-tabella li ġiet ippreżentata mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari bin-numru 22256 jidher biċ-ċar li r-rotta 24, liema rotta isservi wkoll il-lokalita’ tal-Kappara , kellha żieda ta’ vjaġġ fis-siegħa fuq dak li kien hemm qabel l-20 ta’ Diċembru 2015.
Ġie innotat li wara li daħlu fis-seħħ ir-rotot il-ġodda, fir-rotta li tgħaqqad lill-lokalita ta’ San Ġwann mal-Belt Valletta , hemm ċertu partijiet tal-lokalita ta’ San Ġwann fejn kien hemm tnaqqis fil-frekwenza tat-trasport pubbliku fuq din ir-rotta.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-team tekniku ta’ Transport Malta qiegħed jevalwa alternattivi diversi sabiex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata mill-aktar fis possibli filwaqt li fil-ġranet li ġejjin ser issir laqgħa bejn il-Kunsill lokali ta’ San Ġwann, il-Ministeru tiegħi flimkien ma’ Transport Malta fejn huwa mistenni li tiġi diskussa s-sitwazzjoni tat-trasport pubbliku f’din il-lokalita’.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex minkejja d-diversi stqarrijiet li kienu jgħidu li l-għassa tas-Swieqi se tiftaħ 24 siegħa, sad-data li qed inressaq din il-mistoqsija parlamentari, ħafna mill-iljieli l-għassa qiegħda tkun magħluqa?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li kif hemm tajjeb fl-interpellanza, l-għassa tal-Pulizija tas-Swieqi, ingħalqet fix-xift tal-11 u 19 ta’ Jannar, 2016 kif ukoll bejn il-ħamsa u sebgħa ta’ fil-għodu tas-17 ta’ Jannar. Dan kien riżultat ta’ problema fil-qtugħ ta’ elettriku, liema problema qed tiġi ndirizzata min-tekniċi f’dan il-qasam. Infurmat ukoll li matul dawk l-iljieli, issaħħaħ il-patrol tal-Pulizija, fiż-żona tas-Swieqi.
Infakkar ukoll li l-Onor. Interpellant li tista’ tagħmel mistoqsija fuq l-Għassa tas-Swieqi għax kien dan il-Gvern li fetaħ din l-Għassa minkejja l-bosta wegħdiet li kienu saru mill-oppożizzjoni meta din kienet fil-Gvern.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex se jinbidel il-pjan lokali għall-iżvilupp fis-Swieqi? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk hux se jkun hemm tibdil fil-height limitations fiż-żona tal-iżvilupp? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’tibdil se jkun hemm u f’liema toroq?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ix-xogħol fuq il-pjan lokali tas-Swieqi għadu fi stadju preliminari.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk fil-lokalità tas-Swieqi hux se jkun hemm bidla fil-pjan lokali? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk hemmx żoni ta’ żvilupp residenzjali fis-Swieqi li permess tal-pjan lokali se jinbidlu għal żoni tal-iżvilupp kummerċjali? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid f’liema toroq se jsiru dawn it-tibdiliet?
San Ġwann – Vjal ir-Rihan – flood lighting u l-belishia lights
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xogħol ta’ tiswija fuq il-flood lighting u l-belishia lights fi Vjal ir-Rihan, San Ġwann peress li sad-data li qed issir din il-mistoqsija parlamentari, dawn ilhom ix-xhur ma jaħdmu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-belisha u l-flood lights imsemmija ġew irranġati.
San Ġwann – Vjal ir-Rihan – globu tal-belishia lights
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jissewwa l-globu tal-belishia lights fi Vjal ir-Rihan f’San Ġwann, peress li sad-data li qed issir din il-mistoqsija parlamentari dan ilu x-xhur miksur?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22449.
San Ġwann – Vjal ir-Rihan – tiswija ta’ central strip
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol ta’ tiswija fiċ-central strip fin-naħa ta’ fuq ta’ Vjal ir-Rihan, San Ġwann peress li ilha x-xhur imkissra?