Gwardjani Lokali – inċidenti li jinvolvu karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranija
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22247 li ilha pendenti minn Jannar 2016 u jgħid s’issa kemm kien hawn inċidenti, sena b’sena, mis-sena 2013 ‘l hawn, li kienu jinvolvu karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjonijiet barranija u li ġew irrapurtati lill-Gwardjani Lokali? F’liema pajjiż kienu reġistrati dawn il-vetturi? F’liema lokalità seħħew dawn l-inċidenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il promozzjoni ngħatat fi Transport Malta mill-2013 'l hawn? X'kienet ir-raġuni għal kull promozzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2013 sal-lum ngħataw 86 promozzjoni ġewwa Transport Malta. Dawn il-promozzjonijet ngħataw wara li kellhom jimtlew pożizzjonijiet vakanti ta’ mpjegati li tterminaw l-impjieg (replacements), u f’każijiet oħra minħabba ristrutturar fi ħdan l-Awtorita’ li wassal għall-bżonn ta’ pożizzjonijiet ġodda.
Ta’ Xbiex – Konsultazzjonijiet fuq bidliet fis-sistema tat-traffiku
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex u jekk ġewx notifikati r-residenti tal-istess post,qabel il-bidliet li saru fis-sistema tat-traffiku f'Ta' Xbiex Junction?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex, flimkien ma’ kunsilli lokali u stakeholders oħra, kien ġie mistieden għal laqgħa ta’ informazzjoni fuq il-proġett tal-Kappara, fejn anki ġew diskussi rotot alternattivi li qed jiġu suġġeriti b’rabta ma’ dan il-proġett, kif ukoll miżuri oħra sabiex jgħinu biex itaffu mill-impatt tal-proġett fuq it-traffiku. Il-pubbliku in ġenerali qiegħed jiġi kontinwament nfurmat u aġġornat permezz tal-mezzi tax-xandir fuq kull żvilupp relatat ma’ dan il-proġett, li jinkludu informazzjoni dwar rotot alternattivi, xogħlijiet li jkunu għaddejjin u arranġamenti ġodda fl-immaniġġar tat-traffiku. Barrminhekk, qed isiru laqgħat addizzjonali mal-Kunsilli Lokali inkluż ta’ Ta’ Xbiex sabiex jiġu ndirizzati xi problemi li jistgħu jinqalgħu waqt l-implimentazzjoni tar-rotot alternattivi li se jintużaw waqt il-proġett tal-junction tal-Kappara.
Jista' l-Ministru jagħti raġuni għalfejn Triq ix-Xatt, Ta' Xbiex saret one way, liema triq normalment tintuża għad-dħul u l-ħruġ fil-lokalità u issa l-karozzi se jkollhom jgħaddu min-numru ta' toroq dojoq sabiex joħorġu minn Ta' Xbiex? Minħabba din id-deċiżjoni qiegħed jinqala' inkonvenjent kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk ix-xufiera li jkunu qegħdin isuqu lejn Triq l-Abate Rigord u issa ma jistgħux isuqu lejn Ta' Xbiex minn din it-triq iżda jkollhom isuqu lejn il-Gżira fi triq li normalment hija traffikuża ħafna?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellan li l-bidla ta’ Triq ix-Xatt Ta’ Xbiex f’one way lejn il-Belt Valletta hija waħda mill-miżuri varji sabiex jiffaċilitaw u jimmaniġġjaw aħjar l-andament tat-traffiku b’rabta mal-proġett tal-Kappara. Din it-triq mistennija sservi bħala rotta ta’ ħruġ mil-lokalijtajiet ta’ tas-Sliema u l-Gżira sabiex kemm jista’ jkun tiġi evitata konġestjoni f’din l-akwata. Transport Malta hija konxja mill-fatt li dan il-proġett mistenni joħloq xi nkonvenjent għall-pubbliku in ġenerali speċjalment għar-residenti u stakeholders ta’ dawn il-lokalitajiet. Għaldaqstant l-Awtorita’ se tibqa’ tiltaqa’ u tiddiskuti mal-kunsilli lokali u stakeholders konċernati tul il-fażijiet differenti tal-proġett sabiex kemm jista’ jkun dan l-inkonvenjent jiġi ndirizzat u minimizzat.
Ta’ Xbiex – sistema ġdida tat-traffiku — inkonvenjent
Question
Jaf il-Ministru li bis-sistema l-ġdida tat-traffiku f'Ta' Xbiex, fejn it-traffiku qed ikollu jgħaddi minn Triq l-Ambaxxati u toroq dojoq oħrajn, qed ikun ta' inkonvenjent kbir kemm għar-residenti kif ukoll għas-sewwieqa li ħafna drabi qegħdin ikomplu jżidu l-iġġammjar tat-traffiku f'dawn it-toroq residenzjali?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlametari 25475.
Jaf il-Ministru li l-bus shelter fi Triq ix-Xatt, Ta' Xbiex ilu inaċċessibbli għal dawn l-aħħar ġimgħat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li minħabba xi xogħlijiet li għaddejjin fil-mument, is-servizz tat-trasport pubbliku mhux qiegħed jgħaddi minn Triq ix-Xatt, iżda minflok qed jgħaddi mir-Rampa ta' Ta' Xbiex.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li persuna jew persuni li ma jaħdmux fid-Dipartiment tal-Manutenzjoni fi Transport Malta, qed jingħatalhom overtime biex jagħmlu xogħol fuq manutenzjoni s-Sibtijiet, meta hemm dipartiment speċifikat għall-manutenzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm każijiet fejn impjegati li ma jaħdmux fit-Taqsima tal-Manutenzjoni ngħatalhom sahra (overtime) fuq xogħol ta’ manutenzjoni, b’mod speċifiku ħaddiema mit-taqsima ta’ Maritime Enforcement li ġew mogħtija xogħol li għandu x’jaqsam ma’ manutenzjoni fuq il-baħar.
Inżid ukoll li meta l-ammont ta’ xogħol ta’ manutenzjoni li jkun hemm ikun aktar milli jistgħu jlaħħqu miegħu il-ħaddiema tal-Manutenzjoni, ikun hemm drabi fejn ħaddiema oħra jintalbu jagħmlu dan ix-xogħol speċjalment meta x-xogħol ikun ta’ natura urġenti.
Transport Malta – Maintenance Manager u Executive Manager – membri għall-bord tal-inverviews
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-membri tal-bord għall-interviews li ġew ingaġġati fuq il-posts ta' Maintenance Manager u Executive Manager fi ħdan Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bord għall-interviews ta' Maintenance Manager fi ħdan Transport Malta kien kompost minn tliet uffiċċjali mid-Direttorat tal-Corporate Services fi ħdan l-istess Awtorità.
Transport Malta ma kellha l-ebda vakanza ta’ Executive Manager.
Jista' l-Ministru jara li jsir ix-xogħol meħtieġ fil-parti ta' Triq Bellavista li tagħti għal Triq San Ġiljan, f'San Ġwann fejn hemm patch imraqqa’ bil-konkos, fi triq li ġiet identifikata bħala rotta alternattiva waqt ix-xogħol fil-Kappara Junction?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet in kwistjoni jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Għaldaqsant nitlobha tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
NGOs, għaqdiet u lista ta’ entitajiet — sponsorships
Question
Jista' l-Ministru jelenka l-lista ta' entitajiet, għaqdiet, NGOs u oħrajn li qegħdin jibbenefikaw minn sponsorships u għajnuna finanzjarja oħra mill-Bank of Valletta?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bank of Valletta hija kumpanija kummerċjali u ndipendenti mill-Gvern, għalhekk l-informazzjoni mitluba mhux aċċessibli.
San Ġwann – Triq R. Caruana Dingli – sinjali fit-toroq
Question
Jista' l-Ministru jara li jsiru s-sinjali kollha meħtieġa fi Triq R. Caruana Dingli, San Ġwann, li hija identifikata bħala rotta alternattiva waqt ix-xogħol fuq il-Junction tal-Kappara, u li issa wara li għaddew ġimgħat mit-tlestija ta' din it-triq xorta din it-triq għadha mingħajr sinjali ta’ zebra crossing, sinjali ta' parking, sinjali ta' reserved parking spaces u anke sinjali ta' bus stop?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ line markings fuq ir-rotot alternattivi kollha huma ppjanati li jitlestew sa nofs Mejju.
San Ġwann – Triq il-Kappella – manutenzjoni/bdil ta’ bus shelter
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari preċedenti jista’ l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni jew saħansitra tinbidel il-bus shelter fi Triq il-Kappella, San Ġwann?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li saret spezzjoni fuq dan il-bus shelter li jinstab fuq bus stop bl-isem “Kappella” fejn instab li dan il-bus shelter għandu ħsarat konsiderevoli u għaldaqstant, mhux ekonomikament vijabbli li jiġi msewwi.
Infurmat ukoll li Transport Malta ser tkun qed tapplika għall-permessi neċessarji sabiex dan il-bus shelter jkun jista’ jinbidel.
Jista’ l-Ministru jara li jsir ix-xogħol speċjalment ta’ tarmak, fi Triq in-Naxxar, San Ġwann, li hija t-triq ewlenija f'San Ġwann l-aktar triq traffikuża, fejn hemm patches li huma mraqqa’ bil-konkos u anke ħofor fi triq, issa wkoll li ġiet identifikata bħala rotta alternattiva waqt ix-xogħol fil-Kappara Junction?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 24416.
Jista' l-Ministru jara li jsiru s-sinjali kollha meħtieġa fi Triq in-Naxxar, San Ġwann, peress li wara li sar xi xogħol fuq din it-triq, għadha mingħajr sinjali ta’ zebra crossing, sinjali ta' parking u sinjali ta' reserved parking spaces?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ line markings fuq ir-rotot alternattivi kollha huma ppjanati li jitlestew sa nofs Mejju.
Kappara Junction – lista aġġornata ta’ rotot alternattivi
Question
Fid-dawl tal-fatt li l-proġett fil-Kappara Junction se jibda fl-aħħar ta' dan ix-xahar, jista' l-Ministru jelenka l-lista aġġornata ta' rotot alternattivi li ġew identifikati kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk li jgħaddu minn dawn l-inħawi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, hekk kif intqal fit-tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari preċedenti, Transport Malta qegħda taħdem sabiex l-inkonvenjent għall-pubbliku jkun l-inqas possibli u għalhekk il-ħsieb huwa li kemm jista’ jkun il-karreġġjati tal-Kappara junction, kemm dawk direzzjoni lejn in-naħa ta fuq u dawk in-naħa t’isfel ta’ Malta, jibqgħu aċċessibli. Madanakollu, anke minħabba raġunijiet ta’ saħħa u sigurta’ u fil-każ li effettivament jkun hemm xi karreġġjati magħluqin waqt ix-xogħlijiet, Transport Malta, wara diversi konsultazzjonijiet, ippjanat numru ta’ rotot alternattivi li ser ikunu disponibbli biex kemm jista’ jkun il-pubbliku jevita ż-żona tal-proġett minn meta jkun avżat anke fil-każ li t-triq tal-Kappara tkun għadha aċċessibli. Primarjament, ir-rotot li qed ikunu proposti huma toroq fiż-żoni tal-madwar li wħud minnhom diġa sarilhom upgrade filwaqt li oħrajn qegħdin fil-proċess, u dan sabiex jakkomodaw aħjar id-domanda ikbar tat-traffiku.
Dawn ir-rotot jinkludu:
- Triq l-Istefanotis, Triq il-Pelikan u Triq il-Qasam bejn Swieqi u San Ġwann
- Triq l-Ibraġġ bejn is-Swieqi u San Ġwann
- Triq Seracino Inglott u Triq Ħal Għargħur bejn San Ġwann u Birkirkara
- Triq Dun Karm Birkirkara
- Triq il-Baltiku, Triq il-Bies u Triq Caligares San Ġwann
- Triq Salvu Busuttil San Ġwann
- Ix-Xatt (Triq Borg Olivier) San Ġiljan
- Ix-Xatt Tas-Sliema
- The Strand il-Gżira
- Ix-Xatt ta’ Ta Xbiex
- L-
Industrial Estate
ta’ San Ġwann
- Triq Bellavista, Vjal ir-Rihan Triq in-Naxxar f’San Ġwann
- Triq Birkirkara u Telgħet San Ġiljan f’San Ġwann / San Ġiljan
- Rue D’Argens Msida u Gżira
- Triq Reggie Miller Gżira
- Triq Luqa Briffa Gżira
- Triq Testaferrata minn Ta’ Xbiex sal-Gżira
- Triq MA Vassalli Msida
Fil-ġimgħat li ġejjin u waqt il-proġett kollu, Transport Malta mistennija tkompli bil-kampanja t’informazzjoni, sabiex żżomm il-pubbliku kontinwament aġġornat tul il-fażijiet differenti tal-proġett. Fost dan kollu, il-pubbliku se jiġi nfurmat b’dawn ir-rotot alternattivi li ġew identifikati u mħeġġeg jagħmel użu minnhom sabiex kemm jista’ jkun jevita s-sit tal-proġett.
Ta’ min wieħed iżid li apparti dan kollu, Transport Malta se tkun qed tintroduċi xi miżuri oħra sabiex kemm jista’ jkun jiġu minimizzati problemi tat-traffiku. Fost dawn huwa mistenni li jitneħħew xi postijiet ta’ parkeġġ sabiex tiżdied il-kapaċita’ tar-rotot alternattivi, l-upgrade ta’ numru ta’ junctions biex jiffaċilitaw il-fluss tat-traffiku, u s-sospensjoni tal-priorty lanes bejn tas-Sliema u Ta’ Xbiex biex iżidu il-kapaċita’ tat-triq, kif ukoll it-triq mill-Ferries ta’ Tas-Sleima sal-Imsida se tinbidel għal żewġ karreġġjati għat-traffiku f’din id-direzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li parti minn Triq l-Istefanotis f’San Ġwann, il-parti li tiġi quddiem Triq il-Plejju, mhux se tingħata t-tarmak mill-ġdid bħall-bqija tal-istess triq? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti r-raġuni għaliex mhux se jsir xogħol fuqha peress li evidentament li għandha bżonn tingħata t-tarmak, speċjalment fid-dawl li ġiet identifikata bħala rotta alternattiva waqt ix-xogħol fuq il-Kappara Junction?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq li ngħataw jew ser jingħataw resurfacing saru jew se jsiru wara evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-wiċċ tat-triq mill-periti ta’ Transport Malta, skont prassi stabbiliti.