Legislature:
Category:
Reset
Active:

Heritage Malta – visitor services – senior clerks – probation period

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-probation period tas-Senior Clerks li ġew impjegati f'dawn l-aħħar xhur fil-Visitor Services ta' Heritage Malta tniżżlet minn sena għal 6 xhur u dan bi ksur tal-Ftehim Kollettiv preżenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li skond l-Employment and Industrial Relations Act (Cap 452) il-perjodu ta’ probation ta’ senior clerk hu ta’ sitt xhur (u mhux sena) minħabba li s-salarju mhux aktar mid-doppju tal-paga minima nazzjonali, u għalhekk ġie modifikat sabiex ikun konformi mal-liġi.

Forti Sant’Iermu – front of house

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-front of house li ġew impjegati għal-Forti Sant’Iermu kienu obbligati waqt l-intervista tagħhom li jagħmlu t-tours filwaqt li l-front office li ġew impjegati lejn l-aħħar tas-sena l-oħra ma ġewx ingaġġati bl-istess kundizzjonijiet? Ma jarax li d-Dipartiment tar-Riżorsi Umani qed jimxi b'two weights two measures u l-ħin kollu jċaqlaq il-goal posts skont min ikollu quddiemu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li is-senior clerks li ġew ingaġġati dawn l-aħħar snin dejjem ġew ingaġġati fuq l-istess job description u xogħol isir skont l-eżiġenza tas-servizz.

Heritage Malta – rikonoxximent lill-ħaddiema li jikkontribwixxu għall-esebizzjonijiet li jittellgħu barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Heritage Malta ma tirrikonoxxix il-kontribut ta' ħaddiema oħra tal-istess Aġenzija li jikkontribwixxu għall-esebizzjonijiet li jittellgħu barra minn Malta? Ma' jaħsibx li mhux sew li dawn il-ħaddiema (li jagħmlu l-parti kbira tax-xogħol) jiġu mħollija barra, anke fejn jidħol sempliċement acknowledgment u grazzi li ma jiswewx flus?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta tirringrazzja lill-ħaddiema kollha li jkunu taw sehemhom fi kwalunkwe wirja, skont il-każ.

Heritage Malta – proċeduri biex jiġu evitati konflitti ta’ interess

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 29309 u 29310, jista' l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandhiex proċeduri interni sabiex tevita konflitt ta' interess fil-każijiet fejn żewġ ħaddiema ta' Heritage Malta jaħdmu direttament flimkien u jiġu minn xulxin u saħansitra wieħed jirraporta direttament lil ieħor? Jekk fin-negattiv, meta ser issir din il-policy interna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta tevita ċ-ċirkostanzi msemmija kull meta jkun possibbli li jsir hekk.

Heritage Malta – smoking shed

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijijiet parlamentari 26853,26023 u 16851 jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li s-smoking shed storika fi ħdan il-kwartieri ġenerali ta' Heritage Malta, tkun restawrata? Jista' jgħid għaliex dan ir-restawr s'issa għadu ma sarx u taparsi jiċċaqlaq kif issir xi mistoqsija bħalma kien hemm kif imsemmi iktar qabel?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq l-ismoking shed se jitkompla kemm jista’ jkun malajr skont il-prijoritajiet tal-aġenzija.

Heritage Malta — GSOs, Senior Clerks u ħaddiema tal-maintenance - uniformijiet

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra min qed jissupplixxi lil Heritage Malta bl-uniformijiet tal-GSOs, is-Senior Clerks kif ukoll tal-ħaddiema tal-maintenance?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li preżentement is-site officers u senior clerks jixtru l-ħwejjeg huma personalment minn fejn jogħġob lilhom, skond il-kriterji tal-aġenzija, u jiġu rimborsati minn Heritage Malta. Il-ħaddiema tal-maintenance bħalissa ma għandhomx uniformi. Huwa mistenni li jiġi ppubblikat tender fil-ġimghat li ġejjin f’dan ir-rigward.

Heritage Malta – Forti Sant’Iermu — Mużew tal-Gwerra – vetturi militari li jistgħu jkunu esebiti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk Heritage Malta għandhiex fil-pussess tagħha vetturi militari li jistgħu jiġu esebiti fil-Mużew tal-Gwerra ġewwa Forti Sant Iermu? Jekk fl-affermattiv jista' jagħti elenku ta' dawn l-esebiti u fejn qed jinżammu bħalissa u x'inhi l-kundizzjoni tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Heritage Malta — senior curators/managers u principal conservators/curators/senior executives – per diem allowance meta jsiefru barra

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-per diem allowance ta' kull ġurnata li Heritage Malta tagħti lill-gradi ta’ senior curators/managers u principal conservators/curators/senior executives meta dawn ikunu meħtieġa li jsiefru barra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li r-rati ta’ ħlas għal kull lejl li tagħti Heritage Malta meta l-ħaddiema tagħha jsiefru fuq xogħol huma dawk stabbiliti mill-gvern u bir-regolamenti li japplika l-gvern

Heritage Malta — Heads u CEO – objectives

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-objectives abbinati mal-Heads u s-CEO ta' Heritage Malta abbinati mas-sena 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-objectives huma meqjusa bħala data personali u għaldaqstant, din l-informazzjoni ma tistax tingħata.

Heritage Malta — Heads u CEO – objectives

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-objectives abbinati mal-Heads u s-CEO ta' Heritage Malta għas-sena 2016? Jista' jgħid kemm minn dawn l-objectives inħolqu b'mod individwali u b'liema persentaġġ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-objectives huma meqjusa bħala data personali u għaldaqstant, din l-informazzjoni ma tistax tingħata.

Heritage Malta – ħwienet – stokk mormi jew written off

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' stokk (li jinbiegħ mill-ħwienet ta' Heritage Malta) li ġie mormi jew written-off għas-snin 2014, 2015 u 2016? Jista' jgħid x'kien il valur ta' dan l-istokk mormi?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Heritage Malta – Dipartiment tar-Riżorsi Umani

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani fi ħdan Heritage Malta m'għadux jinforma lill-ħaddiema biċ-ċaqlieq intern li jsir kultant żmien b'mod regolari? Ma jaħsibx li jkun iktar trasparenti li din il-prassi terġa’ ssir iktar spissa, sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà ġewwa l-postijiet fejn hemm partijiet mill-kollezzjoni nazzjonali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ċirkularijiet simili jiġu ppubblikati b’mod regolari kull meta jkun hemm informazzjoni rilevanti x’tiġi rrapurtata. L-aħħar informazzjoni ġiet iċċirkolata fi Frar 2017.

Heritage Malta – reklamar fuq electronic billboards

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Heritage Malta tippermetti reklamar fuq electronic billboards li mhux dejjem ikunu qed jiffunzjonaw sew? Ma jaħsibx il-Ministru li dan qed jitfa’ dawl ikrah fuq l-Aġenzija u x-xogħol tant siewi li qed isir?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li r-reklamar imsemmi huwa pprovdut mingħajr ħlas bħala parti minn ftehim ta’ patrunaġġ. Huwa normali li apparat bħal dan jista’ jiżviluppa xi ħsarat tekniċi kull tant żmien.

Heritage Malta – xiri ta’ defibrillators

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29308, ma jaħsibx il-Ministru li kien ikun iktar għaqli kieku Heritage Malta xtraw defibrillators biex jiġu użati f'każ ta' emerġenza, minflok tdan il-bieb bla bżonn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-bieb imsemmi kien importanti għax-xogħol ta’ Heritage Malta.

Upkeep Maintenance and Design – job sheets

Question

Jaħsibx il-Ministru li Heritage Malta għandha tintroduċi job sheets li s'issa ma jeżistux fis-sezzjoni tal-Upkeep Maintenance and Design li fiha jkun inkluż il-ħin dedikat lil dik il-biċċa xogħol u jaċċerta li min jirċievi s-servizz, jiċċertifika li jkun sar ix-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li għalkemm is-sezzjoni tal-maintenance ma għandhiex sistema formali ta’ job sheets, tħaddan sistema fejn kull talba hija rreġistrata u segwita sakemm tkun kompluta, u din is-sistema taħdem.

Heritage Malta — Ħaddiema Grad A sa Grad F – sick leave

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kemm-il ġurnata sick leave totali ttieħdet mill-ħaddiema bejn Grad A sa Grad F matul is-sena 2014, 2015 u 2016? Jista’ wkoll jagħti break down grad grad?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Heritage Malta — Management, CEO, Heads, Managers u Principal Curators/Principal Conservators/Senior Executives – sick leave

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kemm-il ġurnata sick leave totali ttieħdet mill-Management, mis-CEO, Heads, Managers u Principal Curators/Principal Conservators/Senior Executives matul is-sena 2014, 2015 u 2016? Jista’ wkoll jekk jogħġbu jagħti break down grad grad?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Heritage Malta — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem hemm fi ħdan Heritage Malta sal-ġurnata tal-lum? Jista' wkoll jgħid f'liema grad jinsabu, kif ukoll jgħid kemm minnhom huma on secondment?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li bħalissa Heritage Malta timpjega 298 persuna. Tlettax minnhom huma b’self minn istituzzjonijiet oħra kif spjegat fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Heritage Malta — Artistic Expression/s at City Gate,Valletta HM28.10.2016

Question

B'referenza għas-sejħa li Heritage Malta ħarġet bl-isem ta' Artistic Expression/s at City Gate,Valletta HM28.10.2016, jista' l-Ministru jagħti iktar dettalji ta' kif il-marki relatati mal-kriterja Artistic Significance, huma mqassma?Jista' wkoll jgħid x'kienu s-subkriterji abbinati ma’ dan il-kriterju li ġarr miegħu 60% tal-marka totali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-kriterja ta’ artistic significance ma għandux sub-kriterji. Huwa responsabbiltá ta’ kull membru tal-ġurija li jinterpreta l-brief u li jagħti l-marki skond il-kriterji ppubblikati fis-sejħa.

Heritage Malta – karozzi mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza għandha mikrija Heritage Malta u kemm kienet in-nefqa totali tal-fuel relatata ma’ dawn il-vetturi għas-sena 2015 u 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.