Legislature:
Category:
Reset
Active:

Heritage Malta — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem kellha Heritage Malta fil-15 ta' Marzu 2013? Jista' jgħid kemm minn dawn il-ħaddiema kienu impjegati diretti ta' Heritage Malta, fuq secondment jew mal-IPSL (illum RSSL)? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu nisa, il-grad tagħhom kif ukoll il-livell tal-edukazzjoni li jħaddnu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-15 ta’ Marzu 2013 Heritage Malta kellha 293 impjegat. 86 minnhom nisa u 207 irġiel. Il-livell ta’ edukazzjoni qiegħed spjegat iktar dettaljat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċentru tal-Viżitaturi f’Ħaġar Qim u reception tal-Palazz tal-Inkwiżitur – air conditioners

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb sabiex jiġu stallati air conditioners fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi ġewwa Ħaġar Qim kif ukoll fir-reception tal-Palazz tal-Inkwiżitur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-proċess sabiex jiġu nstallati air conditioners fiż-żewġ siti diġà beda. Dan se jkun proċess twil minħabba d-diffikultajiet prattiċi ppreżentati mis-siti msemmija.

Heritage Malta – Coordinator — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'Heritage Malta fi grad ta' Coordinator? Jista' jgħid kemm minnhom għandhom diploma qualification jew ċertifikat f'livell MQR 4?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fi ħdan Heritage Malta hemm 21 impjegat fil-grad ta’ Coordinator, li minnhom hemm ħdax li għandhom livell ta’ MQR 4.

Heritage Malta – grad ta’ conservator

Question

B'referenza għal sejħiet futuri li Heritage Malta għad trid toħroġ għal grad ta’ conservator, jista’ l-Ministru jassigura li kull persuna li tingħata din ir-responsabilità jkollu kwalità ta' livell MQR 6 fuq is-suġġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li kull darba li Heritage Malta timpjega xi konservatur dan dejjem isir b’osservazzjoni sħiħa tal-obbligi legali.

Heritage Malta — staff

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Heritage Malta qatgħet għal kollox l-appoġġ li tagħti lil istaff tagħha sabiex jorganizzaw avvenimenti għall-impjegati tagħha stess?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-għajnuna li Heritage Malta kienet tagħti lill-istaff rigward attivitajiet għall-impjegati qatt ma naqset.

Ħal Saflieni – Ipoġew – qtugħ fil-provvista tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li fl-14 ta' Lulju 2017, kien hemm qtugħ fil provvista tad-dawl ġewwa l-Ipoġew ta' Ħal Saflieni? Jista' jikkonferma li dan il-qtugħ ġara waqt li kien għaddej tour, u li l-istaff ta' Heritage Malta ma kenux jafu kif jerġgħu jixegħlu d-dawl peress li hu pprogrammat? Jista' jikkonferma li l-persuna inkarigata minn dan is-sit ma kenitx disponibbli biex tagħti l-għajnuna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Katakombi ta’ San Pawl — kimika

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li lejn l-aħħar ta' Ġunju 2017, intużat xi kimika ġewwa l-Katakombi ta' San Pawl li kienet ta' ħsara għas-saħħa kemm tal-viżitaturi kif ukoll għal ħaddiema ta' Heritage Malta? Jista' jgħid jekk Heritage Malta nnotifikatx lill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) b'dan l-inċident?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li f’Ġunju 2017 ingħata trattament ġdid lill-art tal-injam taċ-ċentru tal-viżitaturi tal-Katakombi ta’ San Pawl peress li din, bħal kull art tal-injam oħra, għandha bżonn ta’ manutenzjoni. Dan ix-xogħol sar mill-kunrattur sabiex jonora l-obbligi kuntrattwali tiegħu. Il-materjal li ntuża ma kien jeħtieg l-ebda tip ta’ prekawzjoni la għal min japplikaħ u l-anqas għal nies oħra. Jekk l-Onorevoli Interpellant jaf b’xi każ nitolbu ikellimni.

Fondazzjoni Valletta 2018 – proġett ta’ Heritage Malta — MUŻA

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Fondazzjoni Valletta 2018, mhux qed tagħti l-prominenza mistħoqqha għall-proġett ta' Heritage Malta - MUŻA? Jista' jgħid għaliex f'dawn l-aħħar ġimgħat, l-uniku prominenza li ngħatat lil dan il-proġett kienu ta’ ftit ritratti ta’ ġebel u saqaf? Ma jaħsibx il-Ministru li dan il-proġett għadu jingħata iktar prominenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tikontribwixxi direttament u b’mod attiv ħafna fit-tqassim ta’ tagħrif dwar il-MUZA u fil-promozzjoni ta’ dan il-proġett interessanti permezz ta’ inizjattiva msejħa ‘Naqsam il-MUŻA’ mtella’ fi sħab ma' Heritage Malta, li hija l-entità Governattiva responsabbli mill-MUZA. Permezz ta' interventi f'numru ta' lokalitajiet Maltin u Għawdxin, il-pubbliku qed isir jaf aktar x’inhu dan il-proġett u l-kunċett li fuqu huwa mibni, iġifieri dak ta’ mużew maħsub u ikkurat mal-komunità. ‘Naqsam il-MUZA’ beda fl-2016 u diġa saru interventi fil-Belt Valletta, Marsa, Kalkara, Gżira u Siġġiewi. Dawn il-laqgħat ta’ tagħrif u diskussjoni ser jiġu wkoll estiżi għall-Università ta’ Malta u għall-Freeport. F’dawn l-interventi, l-komunitajiet diversi jsiru jafu wkoll dwar il-kollezzjoni nazzjonali tal-arti u jitqassmilhom materjal komunikattiv varjat. Il-budget totali allokat għal dan l-eżerċizzju ta' match funding kien ta' €10,000 (2016), €10,000 (2017) u €15,000 (2018).

Heritage Malta — Proġett MUŻA - inawgurazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-proġett MUŻA ta' Heritage Malta ħa jiġi inawgurat f'Marzu 2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Kif tħabbar pubblikament, il-proġett MUZA huwa ppjanat li jiġi inawgurat lejn nofs is-sena 2018.

Pittura ta’ Preti – esebizzjoni permanenti fil-MUŻA

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li hemm il-ħsieb li l-pittura ta' Preti li nxtrat mill-Ministeru għal Għawdex se tkun esebita b'mod permanenti fil-Mużew il-ġdid ta' Heritage Malta - il-MUŻA?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif tħabbar ħafna drabi fil-mezzi tax-xandir, il-pittura ta’ Mattia Preti se tiġi eżebita fil-Mużew ta’ Għawdex.

Heritage Malta – Ipoġew — tickets

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ticket tal-Ipoġew ħarġet Heritage Malta b'xejn fix-xahar ta' Ġunju u Lulju? Jista' jgħid min ibbenefika minn dawn it-tickets?

Response (BONNICI, OWEN)

Matul Ġunju u Lulju inħargu sbatax-il biljett mingħajr ħlas għall-Ipoġew. Dawn inħargu għal mistiedna distinti ta’ Heritage Malta.
Leg 12 PQ #32737 Sitting 506 2017-04-11 Oral · Final From: KARL GOUDER To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – post fejn jinħadmu l-karrijiet tal-karnival

Question

B'referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 25784, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex identifikat il-post fejn jistgħu jinbnew l-imħażen fejn ikunu jistgħu jinbnew il-karrijiet tal-Karnival f'Għawdex? Jekk iva, meta hu maħsub li jibda x-xogħol u f’liema sena hu ppjanat li d-dilettanti tal-Karnival f'Għawdex jibdew jutilizzaw dawn l-imħażen?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li dan il-proġett ser jinvolvi fil-konversjoni minn l-istat dilapidat u ta' telqa li jinsab fiha s-sit li qiegħed kantuniera u jmiss mat-tliet toroq - Triq Baqqari, Triq tal-Ħamrija u Triq l-Ibisku fix-Xewkija fi 33 garaxx li ser jiġu allokati għal small and medium enterprises u li 6 minnhom ser jingħataw lid-dilettanti tal-Karnival fejn fl-aħħar d-dilettanti Għawdxin ser ikollhom lok fejn jaħdmu u jippreservaw ix-xogħol artistiku tagħhom.

Heritage Malta – Dipartiment tar-Riżorsi Umani

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32295, jista' l-Ministru jispjega l-fatt kif "ċirkularijiet simili jiġu ppubblikati b’mod regolari" meta fiċ-ċirkulari li semma hu stess ngħatat informazzjoni ta' "staff movements as from 10th June 2016 to date"? Ma jaħsibx li mhux ġust li tistenna tmien xhur biex tiġi disseminata ċertu informazzjoni? Jista' jgħid x'qed isir minn Heritage Malta sabiex il-ħaddiema kollha tal-Aġenzija jiġu magħrufa min se jkunu l-kollegi ġodda?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ċirkolari simili jinħarġu meta jinħass li jkun hemm biżżejjed x’wieħed jirraporta. F’kull każ, din hija formalità. Ninforma l-Onor. Interpellant li l-arranġamenti kollha meħtiega jkunu saru u li dawk kollha ikkonċernati jkunu ilhom li ġew infurmati.

Heritage Malta — GSOs, Senior Clerks u ħaddiema tal-maintenance - uniformijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32301 u ċjoè: "li preżentement is-site officers u senior clerks jixtru l-ħwejjeġ huma personalment minn fejn jogħġob lilhom", ma jaħsibx allura l-Ministru li dawk ma jistgħux jibqgħu jissejħu uniformijiet meta tara impjegati jilbsu qliezet u dbielet b'4 skali ta' kulur griż differenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li din is-sistema sa issa ħadmet mingħajr problemi ta’ xejn. F’kull każ, nerġa nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tieni parti tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32301: “Huwa mistenni li jiġi ppubblikat tender fil-ġimghat li ġejjin f’dan ir-rigward”.

Heritage Malta — biljetti għad-dħul fl-Ipoġew

Question

B'referenza għal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 445.05, li tirregola l-ħlasijiet għad-dħul fis-siti u l-mużewijiet, kif ukoll wirjiet ta' kollezzjonijiet nazzjonali, jista' l-Ministru jgħid għaliex Heritage Malta għolliet il-biljett tad-dħul għall-Ipoġew ta' Ħal Saflieni u injorat il-leġiżlatura li tirregola dan il-qasam?

Response (BONNICI, OWEN)

Se nagħmel il-verifiki meħtieġa.

Heritage Malta — siti u mużewijiet - miżata tad-dħil - żieda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb sabiex Heritage Malta iżżid il-miżata tad-dħul tagħha f'siti u mużewijiet oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ma hemmx dawn il-pjani fl-immedjat. S'intendi Heritage Malta tirriżerva d-dritt li tvarja l-miżati minn żmien għal żmien.

Heritage Malta – impjegati fuq xogħol barra minn Malta – roaming charges

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta tkoprixr-roaming charges (calls u data) fil-każ li impjegat ta' Heritage Malta jkun fuq xogħol barra minn Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-communication allowance li tipprovdi Heritage Malta lill-uffiċjali tagħha (skond il-grad) tkopri wkoll roaming charges.

Heritage Malta – principal curator

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28999, ma jaħsibx il-Ministru li kieku Heritage Malta kellha pjan serju u trasparenti fuq ir-riżorsa umana kienet toħrog din is-sejħa għal żewġ individwi mill-ewwel, milli toqgħod timxi skont iċ-ċirkustanza?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31940 .

Heritage Malta – Senior Executive – architect

Question

B'referenza għas-sejħa HM09/2016, li s-CEO ta' Heritage Malta ħareġ għal sejħa ta' Architect u li ftit ħin wara ġiet mibdula għal Senior Executive - Architect, jista' l-Ministru jgħid x'ġara biex sar dan il-bdil fin-nomenklatura?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li dan ġara peress li rriżenjat Senior Executive – Architect u kien hemm bżonn ta’ sostitut f’dak il-grad. L-ewwel ċirkolari bis-sejħa ghal Architect ħarget bi żball u dan ġie kkoreġut mill-ewwel.

Belt Valletta — Mużew tal-Arti – ħsarat fil-kollezzjoni tar-riserva

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-2015, sarux xi ħsarat fil-kollezzjoni tar-riserva fi ħdan il-Mużew tal-Arti fil-Belt minħabba xi ċaqlieq li ma sarx skont il-proċeduri stabbiliti? Jekk fil-pożittiv, jista' jelebora fuq dawn iċ-ċirkustanzi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemmx informazzjoni li ġara dak li qed jiġi allegat.