Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem ta' Heritage Malta (mis-sena 2013 sas-sena 2015) ingħataw l-opportunità li jattendu għall-konferenzi jew taħriġ speċjalizzat barra minn xtutna?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li mill-2013 sal-2015 kien hemm 51 okkazjoni meta uffiċjali minn Heritage Malta attendew konferenzi jew żjarat speċjalizzati f’mużewijiet, inkluż laqgħat marbutin ma’ proġetti ko-finanzjati mill-UE.
Heritage Malta – infiq fuq sessjonijiet ta’ team building
Question
Jista' l-Ministru jgħid x' kienet in-nefqa ta' Heritage Malta allokata speċifikament għall-attivitijiet ta' sessjonijiet ta' team building fis-snin 2013, 2014 u 2015, sena b’sena? Jista' jgħid kemm saru attivitajiet ta' team building f'dawn is-snin, sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bejn l-2013 u l-2015 ma sarux sessjonijiet ta’ team building f’Heritage Malta ħlief għal sessjoni informali b’mod volontarju fil-Katakombi ta’ San Pawl f’Settembru 2015. Programm speċifiku ta’ team building beda fl-2016 u diġa saru żewġ sessjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi involuta l-komunità lokali tar-Rabat Għawdex fil-proġett tal-Gozo Museum? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta Heritage Malta ħa tibda dan il-proċess ta' laqgħat ta' konsultazzjoni u liema individwi/għaqdiet ħa jkunu mistiedna jipparteċipaw?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Heritage Malta għandha l-ħsieb tikkonsulta mal-lokalitajiet kollha f’Għawdex, mhux biss mal-komunita’ lokali tar-Rabat. Dan għax temmen li kull lokalita’ għandha xi ħaga partikulari x’toffri fir-rigward tar-rakkont tal-istorja tal-gżira Għawdxija fit-twettiq ta’ dan il-mużew ġdid. Il-proċess ta’ diskussjoni huwa ppjanat li jibda aktar tard din is-sena.
Heritage Malta – Tas-Silġ, Borġ in-Nadur u San Pawl Milqi — viżitaturi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm viżitaturi li żaru s-siti ta' Tas-Silġ, Borġ in-Nadur u San Pawl Milqi fis-sena 2015? Jista' jgħid x'inhuma l-pjanijiet ta' Heritage Malta marbuta ma’ dawn is-siti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li matul l-2015 kien hemm 162 persuna li zaru Borg in-Nadur, 262 li żaru Tas-Silġ, u 383 li marru San Pawl Milqi. Dawn is-siti jinfetħu biss b’appuntament. Ma hemmx pjani speċifiċi għal San Pawl Milqi, ħlief manutenzjoni u konservazzjoni meħtieġa. Għal Tas-Silġ qed jiġu mħejjija faċilitajiet bażiċi għall-viżitaturi, b’kollaborazzjoni mad-Direttorat tar-Restawr. Fl-istess waqt, qed jitħejja master plan għall-integrazzjoni tal-fdalijiet ta’ Borġ in-Nadur f’Heritage Park għall-inħawi ta’ Wied Dalam.
Heritage Malta – proġetti ġodda ppreżentati matul il-Valletta Visual Arts Festival
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġetti ġodda ta’ Heritage Malta ġewx ippreżentati u diskussi waqt il-Valletta Visual Arts Festival (VIVA) tas-sena 2015? Jekk fl-affermattiv, x’kienu dawn il-proġetti diskussi kif ukoll x’qed jagħmel il-Ministeru sabiex dawn l-ideat li ġew ikkonċepiti f’Malta jiġu mwettqa?
Response (BONNICI, OWEN)
L-informazzjoni għal din il-mistoqsija parlamentari għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru totali ta' ħaddiema ta' Heritage Malta sal-31 ta' Marzu 2015? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-ħaddiema għandhom ċertifikat validu fuq l-ewwel għajnuna (First Aid)?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li n-numru totali ta’ ħaddiema ta’ Heritage Malta f’Marzu 2015 kien ta’ 278. Iċ-ċertifikat tal-ewwel għajnuna skada u qed isiru tħejjijiet sabiex dan jiġġedded.
Heritage Malta – policy fuq copyright ta’ ideat/materjal ikkreat minn impjegati
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19171, jista' l-Ministru jikkonferma wkoll li apparti pubblikazzjonijiet, qed jiġu inklużi ideat u kull ħsieb jew materjal ieħor li seta’ ġie kkreat waqt il-ħin tax-xogħol?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 19171 tapplika għal dak kollu li jista’ jiġi ġġġenerat waqt il-ħin tax-xogħol.
Heritage Malta — pjan ta’ evakwazzjoni f’mużewijiet/siti
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19164, jista' l-Ministru jagħti update fuq il-policy ta' evakwazzjoni u proċedura ġenerika għall-mużewijiet u s-siti kollha ta' Heritage Malta? Jista' jgħid liema ħa jkun l-ewwel sit jew mużew fejn se jsir dan it-taħriġ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-policy ta’ evakwazzjoni ġenerika hija lesta. L-ewwel sit fejn se tiġi pprattikata huwa Għar Dalam.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19174, jista' l-Ministru jikkonferma li fid-data msemmija, l-Auberge d'Italie kienet taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu (MTA)? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid għaliex ma ġietx ordnata waqfien mix-xogħol minħabba li l-ħaddiema ma kenux mgħammra b’ilbies protettiv?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, f’Ġunju 2015, il-Berġa tal-Italja kienet amministrata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. L-operazzjoni msemmija kienet responsabilità ta’ Heritage Malta u tmexxiet minn ħaddiema ta’ Heritage Malta.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19174, jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ħaddiema li wettqu dan ix-xogħol ma ngħatawx ilbies prottettiv? Jista' jgħidilna jekk l-uffiċjal tas-saħħa u s-sigurtà ta' Heritage Malta kienx fuq il-post waqt li kienu qed jseħħu dawn ix-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-makkinarju użat fl-operazzjoni msemmija kien iċċertifikat u li l-ħaddiema kellhom dak kollu meħtieġ sabiex jagħmlu x-xogħol b’mod sigur. Ma nħassitx il-ħtieġa li jkun hemm il-preżenza fiżika tal-uffiċċjal tas-sigurta’ waqt din l-operazzjoni relattivament żgħira.
Ninsab infurmat li Heritage Malta ħadet nota ta’ xi kummenti li saru dwar din l-operazzjoni sabiex ikun hemm koordinazzjoni aħjar.
Forti Sant’Iermu – bibien magħluqa għall-viżitaturi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li fis-16 ta’ Awwissu 2015, il-Forti Sant’ Iermu għalaq il-bibien tiegħu għall-viżitaturi qabel il-ħin uffiċjali? Jista’ wkoll jgħid għaliex seħħ dan mingħajr avviż u f’ħin propizju?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fid-data msemmija inġabru ħafna nies li riedu jidħlu Sant’ Iermu u għalhekk ftit qabel il-ħin uffiċjali ta’ għeluq ma ġewx aċċettati iżjed nies għax inkella l-viżitaturi kollha ma kienx se jkollhom ħin biżżejjed sabiex iżuru l-forti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Mużew tal-Arti (MUŻA) jkun awtonomu minn Heritage Malta u jsir istituzzjoni indipendenti ffukat fuq l-Arti u msejjsa fuq l-artist?
Response (BONNICI, OWEN)
Jiena s’intendi nippreferi mudell fejn il-mużew tal-arti (MUŻA) jkun parti minn Heritage Malta, bħalma ġara f’ħafna proġetti oħra maġġuri ko-finanzjati mill-fondi strutturali tal-UE. B’dan il-mod nimmassimizzaw fuq is-sinerġija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fis-sena 2015, Heritage Malta, għamlitx użu minn riklami (bi ħlas) li dehru fuq il-midja soċjali? Jekk iva, kemm intefaq fuq dawn?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Heritage Malta ghamlet hames kampanji pubblicitarji fuq midja socjali fl-2015, li kienu jikkoncernaw wirjiet u attivitajiet kulturali ohra, u li b’kollox swew €477.99.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda r-restawr tal-pavimentar tal-injam tas-salon li jinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li din is-sena Heritage Malta se tkun qed tagħmel ix-xogħlijiet strutturali meħtieġa fis-saqaf tas-Salon tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Il-pjan hu li meta dan ikun lest, jibda x-xogħol ta’ konservazzjoni tal-bqija tas-sala. Il-pavimentar ma jidhirx li għandu bżonnijiet urġenti ta’ restawr. Madanakollu ix-xogħol kollu meħtieġ ikun jista’ jsir f’dak l-istadju.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Heritage Malta ħarġet il-post ta’ Principal Curator għal tliet dipartimenti biss? Jista’ wkoll jgħid meta dawn il-posts se joħorġu għad-Dipartmenti tal-Kuratorjat l-oħra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li sejħiet simili jiġu ppubblikati jekk tinħass il-ħtieġa u meta l-Aġenzija tħoss li huwa l-aħjar żmien li jsir dan.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19166, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ pjan ta’ konservazzjoni li Heritage Malta ser tadotta fir-rigward tat-Tempji ta’ Kordin issa li dan is-sit għadda f’idejha?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-Tempju ta’ Kordin għadda formalment f’idejn Heritage Malta fil-11 ta’ Marzu. Minn dakinhar it-tempju tnaddaf mill-ħaxix u ħwejjeġ oħra u issa wieħed jista’ jistabbilixxi xi ħtiġijiet ta’ konservazzjoni għandu. Ladarba dan ikun lest, it-Tempju ta’ Kordin jidħol fil-programm ta’ xogħlijiet ta’ konservazzjoni tat-tempji preistoriċi l-oħra.
Nieħu l-opportunita’ li nirringrazzja lill-ħaddiema ta’ Heritage Malta ta’ dan ix-xogħol li sar. Perswaz li l-Onor. Interpellant jaqbel miegħi fuq dan il-punt.
Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn ebda membru fil-Restorers’ Warrants Board għadu ma ġiex nominat, u meta beħsiebu jinnomina kull membru sabiex dan il-bord ikun jista’ jiffunzjona?
Response (BONNICI, OWEN)
Fl-2007 kien inħatar bord ad hoc biex jeżamina l-artikli 31 sa 39 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, li jitrattaw il-warrant tar-restawraturi. Dan il-bord kien immexxxi minn Dr Philip Farrugia Randon, Prof. Joanne Cassar, Dr Nicholas Vella u S-Sur Nathaniel Cutajar. Dan il-bord identifika diversi problemi legali f’dawn l-artikli. Il-bord kien tal-parir li l-artikoli 31 – 39 ma setgħux ikunu implimentati. Il-bord għamel rakomandazzjonijiet dwar kif dawn il-problemi legali setgħu ikunu sorvolati. Dawn ir-rakomandazzjonijiet qed jiġu evalwati fil-reviżjoni li qed issir ta’ titjib fil-liġi.
Jista’ l-Ministru jispjega jekk il-Gvern għadux bil-ħsieb li jagħmel review tal-Atti dwar il-Patrimonju Kulturali (Kap. 445) u jekk iva, f’liema stadju wasal dan ir-review u meta beħsiebu jressaq l-emendi quddiem il-Parlament?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentar 37584 u jinforma l-Kamra kemm huwa n-numru ta' street lights ġewwa t-toroq ta' Malta u Għawdex separatament? Kemm hu l-konsum ta' elettriku? Kemm tiswa l-maintenance ta' dawn il-bozoz? Kemm jinbidlu bħala medja kull sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill- Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm huwa n-numru ta' street lights ġewwa t-toroq ta' Malta u Għawdex separatament? Kemm hu l-konsum ta' elettriku? Kemm tiswa l-maintenance ta' dawn il-bozoz? Kemm jinbidlu bħala medja kull sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill- Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.