Legislature:
Category:
Reset
Active:

Heritage Malta – tempji megalitiċi – tined temporanji

Question

Jista' l-Ministru jiggarantixxi li Heritage Malta ma tagħti l-ebda permess li jittellgħu tined temporanji fil-madwar tat-Tempji Megalitici għal skopijiet ta' avvenimenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28995. Kull talba għal xi attività fil-mużewijiet u s-siti kollha ta’ Heritage Malta, inkluż it-tempji Neolitiċi, tiġi evalwata fuq il-merti tagħha, u b’mod li dejjem jiġu salvagwardjati l-ewwel u qabel kollox is-siti nfushom.

Heritage Malta – ħaddiema ingaġġati

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26025, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni partikolari għaliex il-ħaddiema ġodda li ġew impjegati ma’ Heritage Malta minn Marzu tal-2014 sa issa, kważi ftit inqas min-nofs huma mit-3 u 4 Distrett Elettorali u allura d-distretti fejn jikkontesta l-Ministru?

Response (BONNICI, OWEN)

Nassigura lill-Onor. Interpellant li f’kull kaz ta’ reklutaġġ ġew segwiti l-proċeduri kollha meħtieġa. Nikkoregi lill-Onor. Interpellant li waqt li hu veru li fl-aħħar elezzjoni jiena kkontestajt it-3 u r-4 Distrett Elettorali, fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss se nikkontesta it-3 u l-5 Distrett Elettorali. Dan hu diġà magħruf ma’ kulħadd.

Heritage Malta – siti u mużewijiet — bejgħ ta’ ikel mhux meqjus tajjeb għas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Heritage Malta qed tinkoraġixxi bejgħ ta' ikel li mhux meqjus tajjeb għas-saħħa minn ġewwa s-siti u l-mużewijiet tagħha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-museum shops ta’ Heritage Malta wiehed jista’ jsib għall-bejgħ prodotti simili għal dawk li wieħed isib fi museum shops oħra madwar id-dinja.

Heritage Malta – Ġurija — ismijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27800, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-ġurija li għażlet Heritage Malta? Jista' jgħid kemm minnhom huma kwalifikati fil-marketing, product development u f'business development?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-membri kollha tal-gurija kellhom l-esperjenza u l-kwalifiċi kollha meħtieġa sabiex jevalwaw il-proposti minn kull aspett fi proġett bħal dan.

Heritage Malta – Sistema ta’ POS fir-ristoranti

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 27797 u 27802, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sejħa għall-immaniġġar tal-ispazji kummerċjali fil-Forti Sant’Iermu hux se tobliga lil Heritage Malta tipprovdi sistema tal-POS tagħha għal raġunijiet ta’ awditjar u kontabbiltà?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li peress li l-mudell li se jitħaddem Sant’Iermu huwa differenti, mhux se jkun hemm bżonn li Heritage Malta tipprovdi sistema ta’ Point of Sale.

Heritage Malta – Stabbiliment — ħinijiet

Question

B'referenza għas-sejħa HM 28/6/2016 - MUŻA ta’ Heritage Malta, jista’ l-Ministru jgħid sa x’ħin l-istabbiliment ħa jitħalla jopera?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-istabbiliment jitħalla jopera skont il-permessi u liġijiet applikabbli.

Heritage Malta – ħaddiema — inizjattivi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27799, jista' l-Ministru jassigura li kull talba sabiex ħaddiema jkomplu jistudjaw fil-livelli tad-dottorat jew post-doc tiġi aċċettata fuq l-istess livell tat-talbiet preċedenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li kull talba għal tkomplija ta’ studju tiġi kkunsidrata skont il-Ftehim Kollettiv.

Heritage Malta – Dipartiment tal-Exhibitions, Design u Upkeeping – sigħat ta’ overtime

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ sigħat ta’ overtime li d-Dipartiment tal-Exhibitions, Design u Upkeeping fi ħdan Heritage Malta wettaq minn Diċembru 2015 sal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minn Dicembru 2015 sa Novembru 2016* il-ħaddiema kollha tad-Dipartiment imsemmi għamlu 18,573 siegħa ta’ overtime bejniethom. *L-ammonti ta’ Diċembru 2016 għadhom qed jinħadmu u għadhom ma ġewx imħallsa

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali – persuna — membru f'xi bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara Marzu 2013, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, qattx ġiet offruta li tkun membru ta' xi bord minn kwalsijasi entità li taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Ġustizzja u Kultura?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba diġà qiegħda fid-dominju pubbliku.

Heritage Malta –Mużew tal-arti — avveniment

Question

B'referenza għall-avveniment li Heritage Malta organizzat fil-5 ta' Ottubru ġewwa l-Mużew tal-Arti fil-Belt, jista' l-Ministru jikkonferma li kien hemm żewġ ħaddiema ta' Heritage Malta jillitigaw fil-preżenza ta' xi mistednin? Jista' ukoll jgħid jekk dawn il-ħaddiema ngħatawx l-opportunità li jattendu għal taħriġ fil-customer care?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li kien hemm diżgwid żgħir fuq proċedura amministrattiva, kif jista’ jiġri fiq kull post tax-xogħol, bejn impjegat ta’ Heritage Malta u impjegat ta’ kuntrattur privat. Il-kwistjoni mietet ftit minuti wara li twieldet.

Mużew tal-Arti – ftehim kollettiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna hemm fit-team tal-Mużew tal-Arti li hija fi grad D jew inqas tal-ftehim kollettiv? Jista' jgħid ukoll kemm din il-persuna/i għamlu sigħat ta’ overtime fis-snin 2014, 2015 u 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-Mużew tal-Arti hemm persuna waħda fil-gradi msemmija, li jagħmel xogħlijiet anki f’postijiet oħra skont il-ħtieġa. F’dawn is-snin saru dawn is-sigħat ta’ overtime: 2014 – 306.25 sigħat 2015 – 261.5 sigħat 2016 – 367.45 sigħat

Heritage Malta – xogħlijiet tal-arti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura ta' kif Heritage Malta takkwista xogħlijiet tal-arti jew xogħlijiet ta’ valur skoriku minn irkanti, dealers jew individwi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li kull kuratur huwa obbligat li jżomm għajnejh miftuħa għal xi okkażjonijiet li jistgħu jinqalgħu sabiex jiġu akkwistati oġġetti ta’ importanza għall-kollezzjonijiet rispettivi. Dan isir billi jsegwu x-xena tal-irkantijiet u dealers, u/jew inkella jiġu avviċinati minn individwi privati li jagħmlu l-offerta tagħhom. Meta l-kuratur ikkonċernat jaħseb li għandu jinxtara xi oġġett partikolari jagħmel ir-rakkomandazzjoni tiegħu eċċ. kif spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28246.

Heritage Malta – akkwist ta' pittura

Question

B'referenza għall-pittura li Heritage Malta akkwistat għal €75,000, jista' l-Ministru jgħid min kienu l-esperti li taw il-parir sabiex tiġi akkwistata din il-biċċa xogħol tal-arti? Jista' ukoll l-Ministru jgħid min kienu l-courier/s li akkumpanjaw din il-pittura f’triqitha lejn Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li originarjament kien l-Imħallef Dr Giovanni Bonello li għarraf lil Heritage Malta bil-possibbiltà li tinxtara din il-pittura. Saret ukoll ir-riċerka kollha meħtieġa mill-kuraturi ta’ Heritage Malta. Il-pittura twasslet direttament fil-laboratorji tal-konservazzjoni ta’ Bighi minn kumpanija privata ta’ courier .

Heritage Malta – school visits – bejgħ ta’ ikel li mhux tajjeb għas-saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jassigura li ma jinbiegħx ikel u xorb (li mhux meqjusa bħala ikel tajjeb għas-saħħa) lit-tfal tal-iskejjel waqt school visits fil-mużewijiet ta' Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li l-museum shops jipprovdu estensjoni tal-esperjenza lill-udjenza kollha, b’mod ġenerali, li żżur il-muzewijiet, u mhux lil udjenza waħda partikolari.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali – impjieg ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara Marzu 2013, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, qattx ġiet offruta impjieg minn kwalsijasi entità li taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Ġustizzja u Kultura?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li kuntrarjament għas-settur privat, is-settur pubbliku jimxi bir-regoli stipulati dwar l-ingaġġ ta’ persuni. Il-persuna indikata ma għandha l-ebda impieg ma’ ebda entità.

Heritage Malta — siti u mużewijiet - stallazzjoni ta' turnstiles

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema siti u mużewijiet ta' Heritage Malta għandhom installati turnstiles u kemm minn dawn it-turnstiles jaħdmu u jintużaw?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta hemm 23 turnstiles istallati fil-Palazz tal-Granmastru, Forti Sant’Iermu, Forti Sant’Anġlu, il-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Katakombi ta’ San Pawl, Ħaġar Qim, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u d-Domus Rumana. Dawn kollha jintużaw.

Heritage Malta — Augmented reality fil-mużewijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandhiex ħsieb tinvesti fit-teknoloġija tal-augmented reality għal ġewwa l-mużewijiet tagħha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta qed tikkunsidra xi possibiltajiet f’dan ir-rigward.

Heritage Malta — fondi allokati għall-użu ta' teknoloġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-budget ta' Heritage Malta li huwa allokat speċifikament għall-użu ta' teknoloġija fl-interpretazzjoni ġewwa s-siti u mużewijiet tagħha? Jista' jgħid kif intefaq dan il-budget s'issa u x'hemm ippjanat fil-futur qrib?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li qatt ma kien jeżisti budget speċifiku għall-użu ta' teknoloġija fl-interpretazzjoni fil-mużewijiet. Dan jiġi evalwat skont il-każ u ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull proġett.

Heritage Malta — ħaddiema - ħlas ta' internet tad-dar

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li hemm xi ħaddiema ta' Heritage Malta li għandhom l-internet tad-dar imħallas mill-istess aġenzija? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Karma lista ta' dawn l-individwi u f'liema grad jaqgħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda ħaddiem ta’ Heritage Malta li għandu l-internet tad-dar imħallas mill-aġenzija.

Heritage Malta — riċevimenti u festini - nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa ta' Heritage Malta fir-rigward ta' riċevimenti u festini minn Marzu tal-2013 s'issa? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawn l-festini jew riċevimenti li saru u għal liema okkażżjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.