B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27839, jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba ta' rapurtaġġ relatata mal-Ipoġew ta' Ħal Saflieni ġew miċħuda u jekk Heritage Malta offrietx lis-stock footage li għandha fuq dan is-sit ferm importanti għal skopijiet ta' PR u attivitajiet oħra edukattivi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Heritage Malta ma żżommx rendikont ta’ talbiet ta’ rappurtaġġ għal kull sit partikolari. Hija policy tal-Aġenzija li ma jsirx filming fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni minħabba raġunijiet ta’ konservazzjoni. Hija prassi li l-istock footage relatat ma dan is-sit jingħata lil kull min jistaqsi għalih.
CEO ta’ Heritage Malta – bejgħ ta’ kotba minn sit elettroniku Malti
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk is-CEO ta’ Heritage Malta ta xi permess speċjali sabiex individwu fi grad maniġerjali fl-istess Aġenzija jbiegħ kotba ġodda bl-isem ta’ Atlas – Mercator: Merchant routes and trade cities in the Mediterranean minn sit elettroniku prominenti Malti? Jekk fil-pożittiv, jista’ jgħid għaliex dawn il-kotba (li kienu parti minn proġett tal-Ewropa) qegħdin jinbiegħu minn dan is-sit elettroniku? Jista' jagħti rendikont ta' kemm il-ktieb ġie mibjugħ s'issa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta ma ta l-ebda permess sabiex jinbiegħu xi kotba minn fuq l-ebda sit elettroniku. Madanakollu l-ebda membru tal-istaff ma’ għandu bżonn l-ebda permess sabiex ibigħ xi ktieb jew affarijiet oħra li huma proprjetà personali tiegħu kif u meta jgħoġbu.
Heritage Malta – Kumitat tas-Saħħa u s-Sigurtà – membri u laqgħat
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28991, jista' l-Ministru jgħid liema kienet l-aħħar ċirkostanza li l-Kumitat tas-Saħħa u s-Sigurtà fi ħdan Heritage Malta ltaqa’ biex jiddiskuti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-kumitat iltaqa’ l-aħħar madwar sena ilu, madanakollu jaġġorna regolarment lill-impjegati kollha permezz ta’ email fuq għadd ta’ materji ta’ saħħa u sigurtà.
Heritage Malta – reġistrazzjoni ta’ attendenza għall-konferenza
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28985, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma nżammitx l-attendenza għall-Cultural Heritage National Forum bħalma kien isir f'snin oħra? Ma' jaħsibx il-Ministru li l-parti tar-reġistrazzjoni hija ħaġa bażika f'kull tip ta' konferenza? Jista' jagħti l-każ li numru ferm żgħir attendew għal din il-konferenza b'differenza għal snin oħra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija parlamentari 28985 kienet tirreferi għall-attendenza miżmuma minn Heritage Malta għall-impjegati tagħha. Ninforma wkoll li l-attendenza ġenerali għall-Forum kienet waħda tajba, b’rappreżentanta tal-istituzzjonijiet kollha tal-wirt kulturali.
Heritage Malta — siti jew mużew – Quality Assured Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-ebda sit jew mużew ta' Heritage Malta mhu inkluż fl-iskema tal-Quality Assured Malta tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, waħda mill-kriterji tal-inizjattiva tal-Quality Assured Seal hija illi s-sit irid ikollu assigurazzjoni li tkopri danni lil terzi persuni f’każ ta’ xi inċident fis-sit.
Billi Heritage Malta hija entita’ governattiva, dawn m’għandhomx aassigurazzjoni privata għas-siti amministrati minnha. Pero’, l-Awtorita’ flimkien ma’ Heritage Malta u l-Ministeru tal-Finanzi qegħdin jaħdmu biex tinsab soluzzjoni f’dan ir-rigward.
Heritage Malta – ħaddiema li ma jkunux kuntenti jew li jridu jbiddlu l-kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex xi ħaddiema ta' Heritage Malta li ma jkunux kuntenti fuq il-post tax-xogħol tagħhom jew li jridu tibdil fil-kundizzjonijiet tagħhom jippreferu jkellmu direttament lill-customer care tal-Ministru milli jindirizzaw lid-Dipartiment tar-Riżorsa Umana ta' din l-Aġenzija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li jidher li l-Onor. Interpellant għandu informazzjoni żbaljata. L-impjegati ta’ Heritage Malta regolarment imorru għand id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani tal-Aġenzija bid-diffikultajiet tagħhom.
Awtorità Maltija għat-Turiżmu – tluq mill-Berġa tal-Italja
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għadha ma ħarġitx mill-Berġa tal-Italja sabiex tagħmel spazju għall-Mużew il-ġdid? Jista' jgħid meta ħa jsir dan?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu ħarġet mill-Berġa tal-Italja u ilha topera u sservi l-klijenti tagħha mill-uffiċċji l-ġodda ġewwa Smart City sa minn nhar it-Tlieta 7 ta’ Frar 2017.
It-trasferiment tal-uffiċċji seħħ matul il-
weekend
ta’ qabel, kif kien imħabbar permezz ta’ avviżi fil-gazzetti ewlenin. Dawn l-avviżi dehru fil-perjodu bejn id-29 ta’ Jannar u t-2 ta’ Frar 2017. Sadanittant, il-kuntratturi mqabbda minn Heritage Malta biex jagħmlu -xogħol fuq il-Mużew il-ġdid jinsabu jaħdmu fil-Berġa tal-Italja, filwaqt li ħafna xogħol preliminari li seta’ jsir mingħajr ma jikkawża periklu jew inkonvenjent, sar ħafna qabel ma ħarġet l-Awtorita’ mill-post.
Rappreżentant ta’ Union jitlaq mill-post tax-xogħol mingħajr permess
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk matul is-sena 2016 rappreżentant ta' waħda mill-Unions il-kbar kienx jitlaq minn fuq il-post tax-xogħol tiegħu mingħajr permess sabiex jikkonvinċi nies sabiex jirriżenjaw mill-Union rappreżentattiva tal-Ħaddiema Kollettivament u minflok jissieħbu mal-Union li jirrappreżenta hu? Jikkonferma l-Ministru li l-Union rappreżentattiva lmentat mas-CEO u ħa l-każ bl-iktar mod leġġer?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li dan il-każ ġie investigat immedjatament mill-Kap Eżekuttiv u li l-Union rappreżentattiva irringrazzjatu tal-intervent immedjat tiegħu.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28997, jista' l-Ministru jgħid għaliex Heritage Malta għadha ma għandhiex sistemi ta' maniġġjar formali fir-rigward tal-voluntiera tagħha? Jista' jgħid jekk hemmx ħsieb li l-Fondazzjoni Valletta 2018, tagħti għajnuna lil Heritage Malta sabiex tistabbilixxi sistema ba¿ika f'dan il-qasam?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li sa issa Heritge Malta ma ħassitx il-ħtieġa li jkollha sistema formali għall-voluntiera.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28996, fir-rigward tas-sistema ta’ commissions ġewwa Heritage Malta, jista' l-Ministru jgħid għaliex dik l-iskema hija miftuħa biss għal ċerti nies, filwaqt li teskludi numru kbir ta' stakeholders fi ħdan is-settur turistiku?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li f’dan l-istadju f’din l-iskema ġew inklużi l-gwidi tat-turisti kkwalifikati, li huma stakeholders maġġuri. It-tour operators diġa huma inklużi awtomatikament bil-liġi. Fil-futur jista’ jiġi kkunsidrat li jiġu nklużi stakeholders oħra skont l-esiġenzi tal-aġenzija.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28996, fir-rigward tas-sistema ta’ commissions ġewwa Heritage Malta, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-individwi li użufruwixxew minn din l-iskema u kemm tħallsu s’issa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li f’dan l-istadju bikri kien hemm tlieta li bbenefikaw minn din l-iskema matul l-2016 għall-ammont ta’ € 45.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28996, fir-rigward tas-sistema ta’ commissions ġewwa Heritage Malta, jista' l-Ministru jgħid għaliex il-bejgħ mill-ħwienet ma ġiex inkluż f'din l-iskema?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li f’dan l-istadju qatt ma kienet l-intenzjoni ta’ Heritage Malta li tinkludi l-bejgħ mill-ħwienet f’din l-iskema.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28995, jista' l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta hijiex obbligata li taċċetta li tintrama’ tinda temporanja bl-istess metodoloġija bħal dik li ttellgħat ġewwa Ħaġar Qim fiċ-CHOGM?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 28995.
Heritage Malta — couriers – oġġetti esebiti barra minn Malta
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28994, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn l-uffiċjali ta' Heritage Malta li għandhom esperjenza ta’ għexieren ta’ snin f’dan ix-xogħol hux ġieli tellgħu xi oġġetti waħedhom u x’tip ta' training ingħataw?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-uffiċjali msemmija ġieli akkumpanjaw oġġetti waħidhom. Ninsab infurmat ukoll li dawn l-uffiċjali għandhom it-taħriġ kollu meħtieġ wara esperjenza prattika ta’ għexieren ta’ snin, tant li ħafna drabi jkunu huma li jħarrġu lill-kuraturi u konservaturi (speċjalment fl-ewwel esperjenzi tagħhom) dwar xi jkun jeħtieġ li jsir f’okkażjonijiet bħal dawn.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27811, jista' l-Ministru jispjega għaliex fl-2015, inħarġet direct order għall-Provision of Turnstiles and Data Barcode Readers - Fort St Elmo għall-kumpanija waħda filwaqt li fl-2016, inħarġet direct order oħra għall-Provision of Supply of Turnstiles for Various HM Sites lill-kumpanija oħra? Jista' jgħid għaliex għaż-żewġ direct orders, ingħata r-raġuni ta' Sole supplier - compatibility with ticketing software?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fl-2015 Heritage Malta għamlet market research u testing estensiv li minnu rriżulta li kien hemm kumpanija waħda li setgħet tipprovdi turnstiles li huma kumpatibbli mas-sistema tal-biljetti ta’ Heritage Malta u li tista’ taqdi l-bżonnijiet partikolari tal-aġenzija f’dan ir-rigward. Dawn inxtraw għal Sant’Iermu biss.
Fl-2016 Heritage Malta kompliet bl-investiment tagħha f’dan il-qasam, u ġew ordnati oħrajn simili għall-bqija tas-siti. Dawn ġew ordnati u pprovduti mill-istess kumpanija li sadanittant kienet biddlet isimha.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa ta' Heritage Malta fir-rigward ta' riċevimenti u festini minn Marzu tal-2013 s'issa? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawn il-festini jew riċevimenti li saru u għal liema okkażżjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Nota: Id-data inkluza fit-tabella hija d-data tal-invoice, mhux tal-avveniment. Il-lista tal-avvenimenti ma tinkludix dawk pubblici li kienu jinkludu xi ikel izda dan kien inkluz fil-prezz.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29554, jista’ l-Ministru jispjega xi jrid ifisser b’żmien opportun u jista’ jispjega kif jista’ jkun li pożizzjoni hekk importanti f’Heritage Malta tibqa’ battala?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li s-sejħa għal din il-kariga tinħareġ skont l-esiġenzi u fl-aħjar interess tal-aġenzija.
B'referenza għal sejħa Jobsplus permit:216/2016, jista' l-Ministru jgħid għaliex Heritage Malta ħarġet sejħa għal Keeper of Models fil-grad ta' Technician u mhux fil-grad ta' Executive? Jista' jassigura li l-eligibility criterias ma ġewx imnaqqsa sabiex jiġi mpjegat xi ħadd partikolari li ma jkunx eleġibbli fi grad ta' Executive?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li wara li saret sejħa għal Keeper of Models fi grad ta’ Executive, ma nstab ħadd li jista’ jimla din il-kariga daqstant speċjalizzata f’dak il-livell. Għalhekk saret sejħa oħra fi grad ta’ Technician sabiex tiżdied il-possibilità li jinstab xi ħadd tajjeb f’dak il-grad u sabiex ikollu wkoll il-possibilità li jitħarreġ u jikber f’din il-pożizzjoni. Il-pożizzjoni għadha vakanti.
B'referenza għax-xiri tas-self portrait ta' Preti li ser titqiegħed ġewwa l-MUŻA, jista' l-Ministru jgħid jekk saritx konsultazzjoni mal-istakeholders interni ġewwa Heritage Malta? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid minn kienu dawn l-istakeholders interni u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta' dawn il-konsultazzjonijiet? Jista' wkoll jgħid kemm minn dawn l-istakeholders interni kienu conservators - paintings?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab informat li informazzjoni estensiva fuq kif seħħew l-affarijiet ġew ippreżentati pubblikament lill-ġurnalisti kollha li attendew għal press briefing apposta li sar minn Heritage Malta fit-22 ta’ Ottubru 2016, inkluż dawk ta’ Media.link.
Infakkrek li jien personalment u privatament għaddejtlek
dossier
estensiv li jirrispekkja dak kollu li ġie pprezentat lill-Mezzi tax-Xandir.