Legislature:
Category:
Reset
Active:

Taxxa tal-wirt

Question

Ma jaħsibx il-Prim Ministru li hija inġustizzja li t-taxxa tal-wirt ġiet imnaqqsa għal 12%, filwaqt li kien hemm min ftit ġimgħat qabel ma ġiet imħabbra l-miżura l-ġdida ta' l-istess sena, se jkollu jħallas bil-35%?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi għall-eżattezza rridu ngħidu li fil-Budget li għadda ma sar l-ebda tibdil fit-taxxa tal-wirt. Naħseb li l-Onorevoli membru qed jirreferi għat-taxxa fuq trasferiment ta’ proprjeta’ li tkun ġejja mill-wirt. Issa biex wieħed jasal għall-konklużjoni jekk ġewx żvantaġġjati jew le dawk li biegħu ftit ġranet qabel tħabbret il-miżura, wieħed ma jridx iħares biss lejn ir-rata (jekk hux 12% jew 35%) imma lejn is-sistema kollha kif kienet u kif inhi llum. It-35% (jekk wieħed kien jidħol f’din ir-rata) kienet imposta fuq id-differenza bejn il-valur tat-trasferiment u l-valur ta’ l-akkwist (li kien jinkludi wkoll it-taxxa tas-suċċessjoni). Illum it-12% huma imposti fuq id-differenza bejn il-valur tas-suq tat-trasferiment u l-valur ta’ l-akkwist. M’hemmx dubju li wieħed mill-iskopijiet tal-bidla fit-tassazzjoni fejn tidħol il-proprejta’ kien li l-pubbliku jkun aġevolat u biex dan isir, u għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, irid ikun hemm cut-off date. Biex ma jiġux żvantaġġjati la dawk li biegħu qabel u lanqas dawk li biegħu wara, daħħalna fil-liġi numru ta’ dispożizzjonijiet transitorji. Dawn jirriduċu mhux ftit xi effetti negattivi li jistgħu jirriżultaw meta sseħħ il-bidla. Wieħed japprezza li ċ-ċirkustanzi ta’ persuna mhumiex bħall-oħra u lanqas ta’ l-istess persuna fi trasferimenti differenti ma jibqgħu l-istess. Fil-fatt huma dawn iċ-ċirkustanzi li jirrendu sistema favorevoli aktar mill-oħra, imma dan ma jfissirx li s-sistema tkun inġusta.

Riforma tal-Pensjonijiet

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-kelma "median" f'emenda D tar-riforma tal-pensjonijiet imħabbra f'konferenza stampa tiegħu fl-1 ta' Marzu, 2006 tfissirx il-medjan statistiku ta' kwalunkwe distribution curve? Jekk fl-affermattiv, jista' jinforma lill-Kamra x'inhu eżattament il-medjan tal-pagi bħalissa? Jekk fin-negattiv, jista' jispjega eżattament f'liema sens intużat il-kelma medjan? Jista' jikkonferma jekk kellux f'moħħu l-istess dettalji li hemm f'paġna (iii) rakkmandazzjoni finali numru 05 u numru 06 tar-rapport finali ippreżentat tal-pensions working group li ġie mqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra f'jum il-budget?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li t-tweġiba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Taxxa tal-wirt

Question

Ma jaħsibx il-Prim Ministru li hija inġustizzja li t-taxxa tal-wirt ġiet imnaqqsa għal 12%, filwaqt li kien hemm min ftit ġimgħat qabel ma ġiet imħabbra l-miżura l-ġdida ta' l-istess sena, se jkollu jħallas bil-35%?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li t-tweġiba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Dragonara Palace Casino

Question

Jista' il-Ministru jippreżenta kopja tal-ftehim milħuq bejn il-konsorzju Accor u l-MIMCOL fl-1998/9? Jista' il-Ministru jgħid min huwa responsabbli għal manutenzjoni tal-bini nnifsu tal-Palazz Dragonara Casino li jinsab fi stat tal-biki? Fil-fatt fuq din il-materja kien hemm diversi rapporti tal-ħaddiema tal-casino infushom għand l-unions rappreżentattivi tagħhom, peress li qegħdin jibżgħu li jistgħu jċedu xi xorok ta' l-istess bini (li bħalissa huma moħbijin mis-suffett). Huwa minnu li żewġ fanali tal-ħadid li kienu imdendlin fil-kuridur ta' barra waqgħu? Min se jinżamm responsabbli jekk iweġġa' xi ħaddiem jew klijent fl-istabiliment? Il-health and safety authority qatt żaret il-post tax-xogħol konċernat biex tivverifika l-qagħda ħażina ta' din l-istruttura? X'kienu r-reazzjonijiet ta' dawn iż-żjarat? Hu minnu li biex id-Dragonara Casino għaddiet mingħand il-MIMCOL għal konsorzju Accor, kien hemm bżonn ta' votazzjoni mill-ħaddiema? Minnu li l-ftehim milħuq bejn it-tliet unions rappreżentanti tal-ħaddiema mal-konsorzju Accor, ġie mibdul tliet darbiet għaliex kull darba li jkun wasal biex jiġi ffirmat jerġgħu jinbidlu xi dettalji mill-ftehim milħuq bil-fomm u li effettivament dan seta' wassal għal tnaqqis fil-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema? Veru li l-BUPA family health scheme li l-ħaddiema kienu jgawdu qabel it-tmexxija ta' l-Accor ġiet limitata għall-impjegati biss? Veru li filwaqt li l-ħaddiema Maltin ġew imċaħħda mill-family health scheme, il-ħaddiema barranin impjegati direttament ma' l-Accor, ingħatatilhom health scheme ta' livell ogħla fejn setgħu jkomplu jassiguraw il-membri tal-familja tagħhom ukoll? Jaf il-Ministru li l-Accor suppost li kellha r-responsabbilta' li tirranġa l-post li hemm wara l-Palazz, magħruf bħala is-Slott Palace, u li sal-ġurnata tal-lum għadu ma sar xejn f'dan ir-rigward? Riżultat ta' hekk laħqet saret ħsara kbira f'dan il-post u għaldaqstant tajjeb li jsir magħruf issa min se jinżamm responsabbli għal din il-ħsara meta l-kuntratt ta' l-Accor jiskadi. Veru li l-Accor kellha ġġib investiment (f'termini ta' lagħba) barrani u minn dan l-investiment baqa' ma ġie xejn? Għaldaqstant il-qligħ kollu ġej minn fuq dahar il-Maltin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Santa Luċija — Xiri ta' Proprjeta'

Question

Peress li diversi residenti f'Santa Luċija li kienu joqogħdu ġewwa postijiet tal-gvern b'kera xi snin ilu ġew mogħtija l-possibbilta' li jixtru l-proprjeta' tagħhom iżda minkejja li saru l-kuntratti u dawn in-nies saru proprjetarji ta' djarhom il-kuntratti tagħhom ma' l-Awtorita' tad-Djar ġew iffriżati u l-ispejjeż legali tal-kuntratti għadhom ma tħallsux, tista' il-Ministru tgħid meta l-gvern beħsiebu jirrimedja dan l-inkonvenjent?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar ma tistax tiffinalizza kuntratti ta’ bejgħ ta’ postijiet qabel ma jiġi trasferit fuqha mid-Dipartiment ta’ l-Artijiet it-titolu legali ta’ l-art li fuqhom ikunu mibnija dawn il-postijiet. Ninsab infurmata li t-trasferiment ta’ l-art dwar il-postijiet indikati mill-Onor Interpellant għadu ma sarx u għalhekk l-Awtorita’ tad-Djar ma tistax tiffinalizza l-kuntratti tal-bejgħ.

Direttur tal-VAT

Question

Peress li d-direttur tal-VAT qiegħed jimponi taxxa ta' 5% fuq vaċċini li jintużaw għat-tilqim kontra mard infettiv, li ċertament huma sustanzi mediċinali u li jistgħu jiġu amministrati biss minn tobba jew nurses kwalifikati, jista' il-Prim Ministru jispjega għaliex qiegħda tiġi imposta din it-taxxa ta' 5% fuq dawn il-vaċċini, meta huma meqjusa minn kulħadd bħala prodotti mediċinali u għaldaqstant suppost ikunu eżenti mit-taxxa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sabiex wieħed jidentifika t-tip eżatt ta’ vaċċin li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Membru, huwa meħtieġ l-HS Code tal-prodott in kwistjoni. Iżda, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-prodotti li għalihom tista’ tiġi tiġi applikata r-rata ta’ 0% VAT kienu identifikati flimkien mal-Kummissjoni ta’ l-Unjoni Ewropea u għandhom ikunu simili għal dawk li hemm fir-Renju Unit u fl-Irlanda.

Direttur tal-VAT

Question

Peress li d-direttur tal-VAT qiegħed jimponi taxxa ta' 5% fuq vaċċini li jintużaw għat-tilqim kontra mard infettiv, li ċertament huma sustanzi mediċinali u li jistgħu jiġu amministrati biss minn tobba jew nurses kwalifikati, jista' il-Prim Ministru jispjega għaliex qiegħda tiġi imposta din it-taxxa ta' 5% fuq dawn il-vaċċini, meta huma meqjusa minn kulħadd bħala prodotti mediċinali u għaldaqstant suppost ikunu eżenti mit-taxxa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Kunsill Mediku

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'wassal għar-riżenja tar-reġistratur tal-Kunsill Mediku? Għaliex l-istess reġistratur offra r-riżenja darbtejn oħra u dawn ma kenux ġew milqugħa? Jaf il-Ministru li saħansitra s-segretarju tiegħu, kif ukoll l-istess president tal-Kunsill Mediku, għamlu pressjoni tagħhom fuq ir-reġistratur biex dan jirtira r-riżenja? Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-ħatra temporanja ta' aġent reġistratur qatt ma ġiet irratifikata? Jaf il-Ministru li peress li l-ħatra ta' aġent reġistratur ma ġietx ratifikata, ix-xogħol imwettaq mill-Kunsill Mediku bejn is-26 ta' Novembru 2005 u l-31 ta' Jannar 2006 sar kollu illegalment? Jista' il-Ministru jgħid meta se jinħatar reġistratur tal-Kunsill Mediku?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li r-reġistratur tal-Kunsill Mediku iddeċieda li ma jġedditx il-kuntratt tax-xogħol wara li dan għalaq f'Novembru li għadda. L-istess persuna inħatret aġent reġistratur sakemm jinħatar reġistratur regolari. Madankollu, peress li dan l-aġent reġistratur, lejn l-aħħar ta' Jannar 2006, ħareġ bis-sick leave, kellu jinħatar aġent reġistratur ieħor sabiex jiġi assigurat li l-Kunsill Mediku jkun jista' jibqa' jiffunzjona. Nassigura lill-Onor. Membru li l-ħatra ta' aġent reġistratur saret skond il-provedimenti tal-liġi, u għaldaqstant ix-xogħol imwettaq mill-Kunsill Mediku, fil-perjodu li rrefera għalih l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu, huwa kollu regolari. F'dan il-mument għaddej il-proċess sabiex jinħatar reġistratur regolari tal-Kunsill Mediku.

Tiġdid ta' kuntratt

Question

Jaf il-Ministru li meta kuntratt jiġi mġedded l-ebda klawsola u/jew kundizzjoni oħra f'dak l-istess kuntratt ma tista' titħassar u/jew tinbidel? Jista' allura jgħid għaliex ir-reġistratur tal-kunsill dwar l-infermiera u l-qwiebel tela' minn skala 12 għal skala 10 meta ġġeddidlu l-kuntratt?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' pożizzjoni ta' reġistratur tal-Kunsill (li qabel kien jissejjaħ Bord) dwar l-Infermiera u l-Qwiebel fuq bażi ta' kuntratt għal tliet snin li jista' jiġġedded għal perjodi ta' sena kienet maħruġa mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fil-Gazzetta tal-Gvern tat-18 ta' Ġunju 2002. Skond paragrafu 3.1 ta' din is-sejħa, is-salarju tal-persuna fil-pożizzjoni ta' Reġistratur ikun fi Skala 12 jekk ikollha Diploma u fi Skala 10 jekk ikollha first degree. Billi fl-ewwel tliet snin il-persuna magħżula kellha Diploma is-salarju tagħha kien fi Skala 12. Sadanittant, hi kisbet first degree u għalhekk il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku approvat li s-salarju tagħha jitla' għal Skala 10 meta ġie mġedded il-kuntratt tagħha fit-23 ta' Jannar 2006.

CHOGM — Membri tal-korp

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fuq liema merti ntgħażlu l-membri tal-korp biex jaħdmu iċ-CHOGM jew jibqgħu fid-distretti/sezzjonijiet tagħhom? L-uffiċjali tal-pulizija mill-grad ta' spettur 'il fuq se jitħallsu ta' l-overtime jew se jitqiesu bħala disturbance allowance? Jekk se jsir xi forma ta' ħlas, dan se jkun forma ta' bonus jew overtime? Dawk l-ispetturi li baqgħu ileħqu s-sections/distretti sakemm spetturi kollegi tagħhom ħadmu ċ-CHOGM, se jitħallsu xi forma ta' kumpens?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korp tal-Pulizija daħal għall-impenn tal-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvernijiet tal-Commonwealth (CHOGM) bħala Korp wieħed, sħiħ u magħqud. Fil-jiem tac-CHOGM, kull membru tal-Korp tal-Pulizija, irrespettivament minn fejn kien assenjat, kellu sehem importanti sabiex inżamm l-ordni pubbliku fil-pajjiż. Filwaqt li l-Korp tal-Pulizija ried jipprovdi għas-sigurta' tad-dinjitarji li ġew fostna, fl-istess ħin ried ikompli għaddej bil-ħidma tiegħu normali. U kien għal dan is-sens ta' dover muri mill-iżgħar membru sa l-għola membru, li l-Korp tal-Pulizija irnexxielu jżomm livell għoli ta' servizz, ġew evitati milli jseħħu nċidenti mhux mixtieqa u fl-istess ħin identifika l-Korp tal-Pulizija bħala ambaxxatur denju ta' pajjiżna. Dan kollu ssarraf sabiex dan l-avventiment kien ta' suċċess u unur lill-pajjiżna. Għalhekk wieħed ma jistax jifhem għala qed issir din id-distinzzjoni, meta anke` fin-normal, il-Korp tal-Pulizija għandu membri stazzjonati fid-diversi sezzjonijiet u taqsimiet li jagħmlu xogħol differenti, pero' utli u importanti għaż-żamma ta' l-ordni pubbliku fil-ħajja ta' kuljum. Dan hu l-Korp tal-Pulizija - is-sehem ta' kull membru, żgħir jew kbir, huwa importanti daqs ta' l-ieħor, irrelevanti mill-post fejn qed jagħti s-servizz tiegħu f'isem il-Korp tal-Pulizija sabiex jintlaħaq l-għan aħħari. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi membri tal-Korp tal-Pulizija mill-grad ta' Spettur il-fuq m'humiex intitolati għall-ħlas ta' overtime, waqt li l-membri l-oħra tal-Korp u ċioe` is-Surġenti u l-Kuntistabbli se jingħataw il-ħlas bir-rata ta' l-overtime normali.

Awtorita' għas-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kien hemm inspectors jaħdmu ma' l-awtorita' għas-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol 12-il xahar ilu u kemm hemm fil-preżent?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' spetturi jaħdmu ma’ l-Awtorita għas-Saħħa u Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol 12-il xahar ilu, kien ta’ 16-il spettur. In-numru preżenti huwa ta’ 13-il spettur. Informat ukoll li minn dawk l-ispettur li ħallew din l-Awtorita', kien hemm tnejn li ħallew din l-Awtorita’ sabiex jirritornaw mas-servizz pubbliku, filwaqt li ieħor irriżenja peress li fetaħ busines għar-rasu.

Children's allowance

Question

Tista' il-Ministru tgħid: 1) kemm kienet in-nefqa attwali fuq il-benefiċċju taċ-children's allowance sena b'sena, għal dawn l-aħħar għaxar snin, inkluż din is-sena rikorrenti sal-ġurnata tal-lum? 2) Tista' tgħid jekk hux minnu li l-gvern qed jikkonsidra li jekk tfal ifallu mill-iskola għal aktar minn tlett ijiem mingħajr ċertifikati mediċi, titnaqqsilhom iċ-children's allowancepro-rata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li n-nefqa fuq Allowance għat-Tfal matul din is-sena, s’issa, kien ta’ Lm 9.4 miljuni. Dwar in-nefqa fuq l-istess Allowance fid-disa’ snin preċedenti nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23106, li ngħatat f’Seduta Parlamentari Numru 490 fil-Leġiżlatura li għaddiet u għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12161 li jien tajt f’Seduta Numru 263. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninfurmah li mhux minnu li l-Gvern qed jikkunsidra li jorbot il-ħlas ta’ din l-Allowance ma’ l-attendenza tat-tfal l-iskola.

AFM — Klandestini

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid għalfejn ix-shift tas-suldati stazzjonati mal-klandestini f'Ħal Far u Safi barracks inbidlilhom minn shift ta' day/night/rest/off għal dak li jissejjah 3shift cioe' li s-suldati jiddaħħlu ġimgħa sħiħa night shift, ġimgħa sħiħa mornings u ġimgħa sħiħa afternoons? Ma jidhirlux li dan iċ-ċaqlieq qiegħed diġa' ħafna inkonvenjenti għal dawn is-suldati u l-familjari tagħhom? Jista' il-Prim Ministru jara li ma jiġux stazzjonati klandestini eżatt biswit l-armerija ta' l-armata, peress li jekk dawn jirnexxilhom jaħarbu jista' ikollhom aċċess aktar faċli għal dawn l-armamenti, speċjalment meta huwa fatt magħruf li bħalissa qed ikun hemm shifts fejn mijiet ta' klandestini jkunu qegħdin ma' madwar ħames suldati biss?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li t-tibdil fix-xift ta’ dawk li jagħmlu għassa ma’ immigranti irregolari kien meħtieġ minħabba l-influss kbir ta’ dawn l-immigranti f’dawn l-aħħar ġimgħat. It-tibdil fix-xift ippermetta li n-numru ta’ suldati li jagħmlu għassa jiżdied sabiex ikun jista’ jlaħħaq ma’ aktar postijiet fejn qegħdin jinżammu dawn in-nies. Is-sitwazzjoni rigward il-bżonn tax-xift preżenti tiġi riveduta minn żmien għall-ieħor, u jekk jinstab li m’għadx hemm bżonn ta’ dan ix-xift (cioé dak imqassam fuq tliet ġimgħat), is-sistema ta’ xift imqassam fuq erbat ijiem terġa’ tiġi mħaddma. Fir-rigward ta’ stazzjonar ta’ immigranti irrgolari ħdejn l-armeriji ta’ l-Armata, jien infurmat li dan ma jistax jiġi evitat fiċ-ċirkostanzi preżenti, u li l-Armata qed tieħu l-prekawzjonijiet kollha possibbli biex dawn l-armeriji jiġu protetti.

ETC — Permessi għall-impjieg lill-barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi għall-impjiegi lill-ħaddiema barranin mill-ETC matul dawn l-aħħar sitt xhur, xahar b'xahar? Jista' jelenka minn liema pajjiżi kienu ġejjin dawn il-ħaddiema u f'liema setturi ta' l-industrija jew manifattura ġew impjegati? L-ETC qiegħda tissorvelja kemm minn dawn il-ħaddiema barranin fil-fatt qegħdin jaħdmu fl-impjiegi li ngħataw permess għalihom, jew inkella dawn humiex jaħdmu f'xi mpjieg ieħor li m'għandhomx permess għalih?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Dipartiment tas-saħħa — Lantus long-acting insulin

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-dipartiment tas-saħħa għadu kif irrifjuta talba ta' konsulent Malti biex jiġi approvat Lantus long-acting insulin, li huwa intenzjonat għall-użu fuq brittle insulin dependent diabetics, meta din l-istess mediċina diġa' qiegħda tingħata b'xejn lil xi pazjenti Maltin għax ġiet ordnata minn speċjalisti Ingliżi, meta fil-fatt dan l-istess konsulent Malti huwa speċjalizzat u rikonoxxut fl-Ingilterra wkoll?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-insulina Glargine (lantus) ma toffrix kontroll aħjar tad-dijabete minn insulini oħra. L-unika vantaġġ li għandha hu li min ikun fuqha għandu inqas ċans li jinżillu ż-żokkor matul il-lejl. Din l-insulina għadha mhix rakkomandata għall-użu f'każijiet ta' rutina. Ninsab infurmat ukoll li fil-preżent hemm żewġ pazjenti biss approvati fuq din l-insulina. Dawn kienu pazjenti li d-dijabete tagħhom ma setgħet tiġi kkontrollata b'xejn tant li kellhom jintbagħtu barra għal interventi speċjaliżżati. Huma ġew ikkontrollati biss b'din l-insulina ġdida.

Appartament tal-gvern — Lift

Question

Tista' il-Ministru tgħid għalfejn il-lift li ġie istallat fil-block - dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - għadu ma jistax jintuża mir-residenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fl-14 ta' Ġunju 2005, l-Awtorita' tad-Djar tagħat lill-inkwilini tal-blokk hand-overtal-lift li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant.

Siġar

Question

Jista' il-Ministru jagħti spjegazzjoni għaliex is-siġar taż-żebbuġ li tħawlu f'Ta' Qali mhumiex marbutin skond is-sengħa? Għaliex mhumiex jissaqqew? Għaliex huma imħawlin f'xulxin u għaliex mhumiex imnaddfa mill-ħaxix ħażin? Barra minnhekk, jista' il-Ministru jara li s-siġar li għandhom mal-50 sena u li jinsabu f'Ħas-Saptan, Għar Dalam u ħdejn il-mina ta' Bormla fil-Fgura u li huma totalment abbandunati, jitnaddfu mill-ħaxix ħażin minħabba periklu tan-nar, jara li jinżabru minn nies tas-sengħa u li jitbexxu kontra l-mard? Jista' jara wkoll is-siġar taċ-ċawsli li hemm fil-wied ta' Ħal Qormi maġenb l-Għammieri li qegħdin bil-periklu tan-nar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ġewwa Ta’ Qali hemm diversi żoni fejn ġew imħawla s-siġar taż-żebbuġ. Jekk l-Onor. Interpellant jista’ jagħti deskrizzjoni aktar speċifika għal liema siġar qed jirreferi nkun nistgħa nagħtih tweġiba aktar eżatta. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija rigward is-siġar li jinsabu f'Ħas-Saptan, Għar Dalam u ħdejn il-mina ta' Bormla fil-Fgura mhux minnu li dawn huma totalment abbandunati. It-talba biex dan ix-xogħol ta' tindif mill-ħaxix ħażin, żabra kif ukoll bexx kontra l-mard kienet għaddiet lill-Environment Landscaping Consortium Ltd, u dan huwa pproġettat li jsir skond il-programm tax-xogħol.

Korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti fuq mains tad-drenaġġ u ta' l-ilma mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma matul dawn l-aħħar sentejn? Min kienu l-kuntratturi jew koperattivi li ngħataw dawn il-kuntratti, wieħed wieħed? Kemm kien hemm xogħlijiet minn dawn li ngħataw b'direct order - jekk kien hemm - u għal liema raġuni ma ġewx mogħtija wara li saru sejħiet għal offerti? Fuq liema kriterji stabiliti jimxi d-dipartiment biex jingħataw dawn il-kuntratti? Minn min jiġi ċċekkjat ix-xogħol wara li jitlesta? Jista' jgħid jekk din il-proċedura ta' quality assurance issirx dejjem u fuq xogħol bħala proċedura standard?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-proġetti ta' tqegħid ta' mejnijiet tal-ilma, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma ma tużax is-sistema ta' sejħa għall-offerti iżda għandha skema approvata mid-Dipartiment tal-Kuntratti, b'rati stabiliti. Il-proġetti jitqassmu lill-Kuntratturi li qegħdin fl-iskema msemmija billi jittellgħu l-ismijiet bix-xorti. Fil-każi ta' proġetti mnedija mill-Kunsilli Lokali, il-KSI tagħti kuntratt ta' tqegħid ta' mejnijiet u servizzi lill-Kuntrattur magħżul mill-Kunsill konċernat, iżda bir-rati tal-KSI, li huma approvati mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Ix-xogħolijiet ta' mejnijiet ta' l-ilma jiġu ċċekkjati kemm min-nies inkarigati tal-Korporazzjoni, kif ukoll minn Quality Assurance Company indipendenti. Wara li x-xogħol ikun dikjarat għas-sodisfazzjon tal-Korporazzjoni dan jitkejjel mill-Quantity Surveyor tal-KSI. Din hija proċedura standard fuq dawn it-tip ta' proġetti tal-KSI. Fil-każ ta' kuntratti għal estensjonijiet tal-Drenaġġ, dawn normalment isiru wara sejħa għal offerti (tenders) jew f'każ ta' xogħolijiet zgħar mill-Koperattiva CrossRoads b'rati stabiliti. L-informazzjoni l-oħra mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni għall-housing alternattiv li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Tista' il-Ministru tintervjeni personalment peress li l-persuna involuta hija separata b'żewġt itfal u bħalissa qed ikollha toqgħod ma' ommha fejn diġa' hemm problemi soċjali oħra, fosthom abbuż fiżiku fuq uliedha minn membri oħrajn tal-familja, wara li r-raġuni ewlenija tas-separazzjoni tagħha kienet sabiex taħrab l-abbuż fiżiku ta' żewġha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma għandiex applikazzjoni pendenti mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Operazzjonijiet — Total hip replacements

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru total hip replacements mill-1 ta' Jannar li għadda 'il hawn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li mill-1 ta' Jannar 2005 sa 29 ta' April 2005 saru erba' total hip replacements. Pero' mid-9 ta' Jannar 2005 sa 9 ta' April 2005 ma sarux operazzjonijiet mhux urġenti li kienu jeħtieġu li l-pazjent jorqod l-isptar minħabba iffullar.