Jista' l-Ministru jelenka dawk in-negozji u intrapriżi individwalment li bbenefikaw mill-Euro 10 miljun fondi mill-EU li rrefera għalihom l-Onor. Edwin Vassallo fl-artiklu tiegħu ta' The Times of Malta ta' nhar id-9 ta' Frar, 2007? Fuq liema regoli tqassmu u abbażi ta' xiex ġew approprjati?
Tista' l-Ministru tara li l-ex pulizija li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, tingħatalu r-revizjoni tal-pensjoni eżistenti tiegħu? U dan peress li l-istess individwu, qabel ma daħal fil-korp tal-pulizija diġa' għandu mas-sitt snin kontribuzzjonijiet imħallsin oħrajn, peress li kien jaħdem bnadi oħra.
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tispjega kif filwaqt li l-gvern jgħid li l-qgħad naqas, il-figuri ta' l-NSO dwar in-nefqa tal-gvern fuq l-unemployment benefit qed turi li kien hemm żieda ta' aktar minn 13% f'dan il-benefiċċju, fejn f'Tabella 1 l-infiq tal-gvern fuq dan il-benefiċċju juri żieda ta' Lm69,000 u cioe' minn Lm529,000 is-sena l-oħra għal Lm598,000 din is-sena?
Tista' tagħti breakdown ta' kemm kien hemm persuni li rċevew l-unemployment benefit u kemm sewa dan il-benefiċċju kull xahar? Tista' tispjega kif waqt li l-gvern jgħid li l-qgħad naqas, in-nefqa tal-gvern fuq unemployment benefit żdiedet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar u twegiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'wassal għall-ħruq ta' l-istores ġewwa l-universita' u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra:
1)
Site plan
tal-campus ta' l-universita' ġewwa tal-Qroqq;
2) Pjanta li turi l-blokki u l-istores fejn ġara l-ħruq fid-dettal;
3) X'materjal kienu magħmula minnhom dawn l-istores;
4) Kemm kienet id-distanza ta' bejn l-istores li qabdu u l-bini ta' ma' ġenbhom;
5) Lista tal-kimiċi u l-kwantita' u affarijiet oħra li kienu jinżammu f'dawn l-istores li qabdu;
6) Lista tal-kimiċi u l-kwantita' u affarijiet oħra li kienu jinżammu fil-bini viċin dawn l-istores;
7) Kemm żmien kien ilhom jinżammu dawn il-kimiċi fl-istores li ħadu n-nar;
8) Għal liema raġuni kienu jinżammu hemm;
9) X'passi ta' sigurta' kien hemm u liema passi ta' sigurta' fallew sabiex ġara dan il-ħruq?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal fl-uffiċju, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Tista' il-Ministru tgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li l-persuna involuta llum hija separata u qed toqgħod flimkien maż-żewġ uliedha f'kamra waħda f'kondizzjonijiet xejn umani?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.
MEPA — Żvilupp fuq arijiet approvati mill-Area Local Plan
Question
Jista' il-Ministru jispeċifika meta se jkun jista' jinbeda l-ipproċessar tal-permessi mill-MEPA dwar l-iżvilupp fuq l-artijiet li ġew approvati mill-Area Local Plan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu.
B'riferenza għal Fatima Ward f'St. Vincent de Paule, jista' il-Ministru jispjega għalfejn f'din is-sala li suppost hija sala fejn jinżammu rġiel biss, ir-residenti rġiel ġew marsusin ħamsa f'kull kamra (meta suppost ikunu erba' f'kull kamra) sabiex tiġi żvojtata kamra sħiħa? Barra minn hekk, din il-kamra ġiet assenjata lil residenti nisa u qed jinħolqu diversi problemi ta' natura imbarazzanti bejn l-istess residenti ta' sess oppost.
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlett ikmamar fis-swali ta' l-irġiel fil-Blokk Padre Pio, jiġifieri kamra fis-sala Loreto, kamra fis-sala Lourdes u kamra fis-sala Fatima, kellhom jospitaw tnax -il residenta mara flok irġiel. It-tnax -il raġel l-oħra tqassmu bejn tnax -il kamra minn erba' u għoxrin. Dan ifisser li erba' kmamar biss minn tmienja kull sular kellhom jospitaw raġel ieħor żejjed biex ġew b'ħames sodod. Dan sar għal żmien temporanju peress li kien hemm bżonn titbattal sala tan-nisa biex jibda xogħol ta' kostruzzjoni fuq blokk tan-nisa magħruf bħala l-Blokk il-Ġdid.
Sal-llum, tnejn minn dawk it-tlett ikmamar li ttieħdu biex ospitaw lir-residenti nisa, reġgħu ingħataw lura lir-residenti rġiel wara li nstabet allokazzjoni alternattiva għal seba' residenti nisa ġo swali tan-nisa.
Bħalissa fadal biss ħames residenti nisa fil-blokk Padre Pio, propju fis-sala Fatima. It-tnax residenti nisa ttieħdu fis-swali ta' rġiel fl-aħħar ta' Awissu. Illum l-ewwel ta' Novembru, diġa' ħarġu seba' mit-tnax -il mara. Dan il-proċess ser jibqa' sejjer hekk sakemm jinħarġu l-ħames nisa li fadal u l-kamra tingħata lura biex terġa' tospita lir-residenti rġiel.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ħarġu permessi ta' xogħol lill-barranin (EU u non-EU separatament) bejn Jannar-Diċembru 2005 u Jannar-Awissu 2006 separatament?
Jista' jgħid xi kriterji qed jintużaw sabiex jinħarġu dawn il-permessi, kemm fil-każ ta' EU citizens kif ukoll ta' non-EU citizens?
Fil-każ ta' professjonisti (tobba, periti, infermiera, eċċ.) xi kriterji jintużaw u x'verifiki jittieħdu qabel ma jinħarġu dawn il-permessi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn Awissu-Diċembru 2005 inħargu 651 permessi ta’ xogħol lil- ċittadini tal-EU u 1107 permessi ta’ xogħol lill ċittadini mhux membri ta' l- EU u bejn Jannar-Awissu 2006 inħargu 1888 permessi ta’ xogħol lil ċittadini ta' l-EU u 3534 permessi ta’ xogħol lill ċittadini mhux membri ta' l-EU.
Informat ukoll li fil-każ ta’ ċittadini mill- EU il-permess tax-xogħol jinħareg b’mod awtomatiku. Fil-każ ta’ ċittadini mhux membri ta' l-EU l-permess jinħareg skond kriterji varji ;
1. Jekk il Pulizija ma toġġezjonax għall-applikant,
2. Jekk il-Ministeru tat-Turiżmu għandux oġġezzjoni f’każ ta’ chefs,
3. Jekk
professional body
Lokali hix lesta tirrikonoxxi il-kwalifiki tal-applikant,
4. Jekk il-persuna tkunx jew refuġjat jew igawdi minn status umanitarju temporarju,
5. Kemm il-persuna jkun ilu Malta,
6. Il-Ħtiġiejiet tas-suq tax-xogħol,
7. jekk hawnx Maltin li lesti jagħmlu dak ix-xogħol.
Fil-każ ta’ professjonisti l-KXT tivverifika li dawn il-professjonisti huma rikonoxxuti mill-entita li tirregola l-professjoni in kwestjoni f’Malta. Dan il-proċess issir kemm f-każ ta’ EU u ċittadini mhux ta' l-EU.
Fil-każ ta’ professjonisti li huma ċittadini mhux ta l-EU jintuża wkoll il-proċess imsemmi fil-paragrafu ta’ qabel.
Jista' il-Ministru jagħti aktar dettalji dwar il-grants li qed jitħabbru fil-budget li jirrigwardaw dawk l-istudenti post-sekondarji li jkunu qed jattendu korsijiet f'istituzzjonijiet privati?
Response (GALEA, LOUIS)
Hu propost li studenti li jieħdu korsijiet ta' edukazzjoni avvanzata u ogħla f'istituzzjonijiet privati jkunu eliġibbli biex japplikaw għal għotjiet ta' manteniment kif għad irid jiġi stabbilit wara konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla.
Tista' il-Ministru tara li l-inġustizzja li qed titwettaq ma' l-individwu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, tiġi rranġata mill-aktar fis possibbli peress li dan l-individwu qiegħed jirċievi pensjoni anqas minn ħaddieħor li spiċċa miegħu u ta' l-istess grad?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-kwistjoni tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant tirrigwarda reviżjoni tal-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali. Ir-reviżjoni ta' dawn il-pensjonijiet hu proċess kontinwu u għalhekk mhux il-każ li qed issir jew saret xi inġustizzja ma ' din il-persuna.
Ninsab infurmata wkoll li din il-persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Tista' il-Ministru tgħid jekk dik ir-residenza fost l-erbgħa vilel li hemm fl-ex-officers quarters f'Ħal-Luqa li dwarha hemm kawża, bħalissa hijiex abitata? Jekk hemm xi inkwilini fiha, dawn qegħdin bil-permess ta' l-awtorita' tad-djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma tat ebda kunsens jew permess li xi ħadd biex jabita jew jieħu pussess tal-fond indikat mill-Onor. Interpellant.
Tista' il-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 20130 u tgħid kemm hemm djar magħrufa bħala ex-officers f'Ħal-Luqa (dawk id-djar li huma biswit il-head offices ta' l-Air Malta) u min huma l-inkwilini ta' dawn id-djar, jekk huma okkupati, għax apparentement jaqgħu taħt ir-responsabbilta' ta' l-Awtorita' tad-Djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li minn riċerka li għamlet l-Awtorita’ tad-Djar, irriżulta mill erba’ villel biswit il-Head Office ta’ l-Air Malta li ġew trasferiti lill-Awtorita’, tlieta ġew mibjugħa fl-1989 wara sejħa għall-offerti.
Dwar il-villa l-oħra, ninsab infurmata li għadhom għaddejjin proċeduri fil-Qorti dwar il-bejgħ tagħha.
Tista' il-Ministru tispjega għalfejn dawk ix-xufiera li qabel kienu impressed mal-gvern imbagħad kienu ġew impjegati mal-gvern madwar ħames snin ilu, il-pensjoni taġħhom qiegħda tinħadmilhom daqslikieku kienu ilhom impjegati mal-gvern mill-bidunett? Taqbel li din hija inġustizzja kbira peress li l-pensjoni lil dawn il-ħaddiema suppost li tinħadmilhom fuq ir-rata ta' NI li kienu jħallsu bħala self-employed, li hija ferm ogħla minn dik ta' impjegati mal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-dħul pensjonabbli li fuqu tiġi kkalkulata r-rata ta’ pensjoni tas-Sigurta’ Soċjali jiddependi mill-maġġoranza tal-Klassi ta’ kontribuzzjoni li l-persuna konċernata tkun ħallset fl-aħħar għaxar snin kalenderji qabel tilħaq l-eta’ tal-pensjoni.
Skond l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, jekk persuna tkun ħallset maġġoranza ta’ kontribuzzjonijiet ta’ l-Ewwel Klassi bħala mpjegata fl-aħħar għaxar snin imsemmija, id-dħul pensjonabbli jinħadem fuq il-medja tal-paga jew salarju ta’ l-aħjar tlett snin kalendarji konsekuttivi f’dawn l-aħħar għaxar snin. Jekk il-maġġoranza ta’ kontribuzzjonijiet ikunu tat-Tieni Klassi bħala persuna li taħdem għal rasha, id-dħul pensjonabbli jinħadem fuq il-medja tad-dħul fl-aħħar għaxar snin, jew dawk in-numru ta’ snin jekk tkun ħadmet anqas minn għaxar snin bħala persuna li taħdem għal rasha.
Dan li għadni kif spjegajt japplika għal kull pensjonant, inkluż ix-xufiera li qabel kienu impressed mal-Gvern.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19913 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hemm djar magħrufa bħala ex-officers f'Ħal-Luqa (dawk id-djar li huma biswit il-head offices ta' l-Air Malta)? Min huma l-inkwilini ta' dawn id-djar jekk huma okkupati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-djar li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant kienu ġew ittrasferiti lill-Awtorita' tad-Djar permezz tal-Avviż Legali Numru 101 tal-1989.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm djar magħrufa bħala ex-officers f'Ħal-Luqa (dawk id-djar li huma biswit il-head offices ta' l-Air Malta)? Min huma l-inkwilini ta' dawn id-djar jekk huma okkupati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li s-sit li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant hu proprjeta’ tad-Dipartiment ta’ l-Artijiet. Għalhekk nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17921, jista' il-Prim Ministru jara jekk hux permissibbli li tiġi imposta t-taxxa ta' 5% VAT fuq vaċċini li jistgħu jiġu amministrati fuq il-bniedem u li għandhom HSCode Nru. 300220?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-prodotti li għalihom tiġi applikata rata ta’ 0% VAT kienu identifikati flimkien mal-Kummissjoni ta’ l-Unjoni Ewropean u għandhom ikunu simili għal dawk li hemm fir-Renju Unit u fl-Irlanda.
Il-prodott imsemmi ma kienx wieħed mill-prodotti identifikati u għalhekk huwa ntaxxat bir-rata ta’ 5%.
Jista' il-Ministru jara li jitwaħħlu sleeping policemen fi Triq Carmelo Robinch f'Raħal Ġdid u fis-service road fi Triq Ħal-Għaxaq, il-Gudja?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn ricerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġġjar tat-Traffiku irriżulta li gej:
· Ma kien hemm l-ebda talba jew xi referenza oħra għal road hump fi Triq Carmelo Robinch, Paola. It-Taqsima għall-Immaniġġjar tat-Traffiku ser iressaq tali talba lil Kunsill Lokali Paola.
· Kien hemm talba għal road hump fis-service road ta’ Triq Hal Għaxaq, Gudja, mill-Kunsill Lokali Gudja bid-data tat-28 ta’ April 2006. Saret spezzjoni fuq il-post minn uffiċjali tat-Taqsima għall-Immaniġġjar tat-Traffiku u tali talba ġiet milqugħa. Il-Kunsill Lokali Gudja ġie mgħarraf b’din id-deċiżjoni b’ittra bid-data 24 ta’ Mejju 2006, hawn annessa. L-implimentazzjoni ta’ tali road hump issir mill-Kunsill Lokali.
Jista' il-Ministru jara li jiġu pprovduti ferm aktar reserved parking bays għal persuni b'diżabilita' għaliex minħabba f'hekk ħafna minn dawn l-individwi li minħabba l-istess diżabilita' tagħhom jridu jattendu l-isptar ferm aktar ta' spiss mill-medja normali, qed jeħlu ħafna ċitazzjonijiet? Jista' il-Ministru jipprovdi l-faċilita' li kemm-il darba l-parking bays ipprovduti għal persuni b'diżabilita' jkunu diġa' mimlijin, f'dak il-każ dawn il-persuni jknu jistgħu jipparkjaw f'parking bays oħrajn fil-grounds ta' l-isptar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li saret fuq il-post minn ufficjali tat-Taqsima ghall-Immanigjar tat-Traffiku, irrizulta li fil-pjazza ta’ quddiem l-Isptar ta’ San Luqa hemm sitt (6) postijiet riservati ghall-Persuni b’Dizabilità. Minn ricerka li saret fir-records tat-Taqsima ghall-Immanigjar tat-Traffiku irrizulta li ma kien hemm l-ebda talba sabiex tali reserved parking jizdiedu. Rigward il-possibiltà ta’ persuni b’dizabilità li juzaw il-grounds ta’ l-Isptar, nigbdu l-attenzjoni li tali grounds ma jaqawx taht il-gurisdizzjoni ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta.
Jista' il-Ministru jippreżenta kopja tal-ftehim milħuq bejn il-konsorzju Accor u l-MIMCOL fl-1998/9? Jista' il-Ministru jgħid min huwa responsabbli għal manutenzjoni tal-bini nnifsu tal-Palazz Dragonara Casino li jinsab fi stat tal-biki? Fil-fatt fuq din il-materja kien hemm diversi rapporti tal-ħaddiema tal-casino infushom għand l-unions rappreżentattivi tagħhom, peress li qegħdin jibżgħu li jistgħu jċedu xi xorok ta' l-istess bini (li bħalissa huma moħbijin mis-suffett).
Huwa minnu li żewġ fanali tal-ħadid li kienu imdendlin fil-kuridur ta' barra waqgħu? Min se jinżamm responsabbli jekk iweġġa' xi ħaddiem jew klijent fl-istabiliment? Il-health and safety authority qatt żaret il-post tax-xogħol konċernat biex tivverifika l-qagħda ħażina ta' din l-istruttura? X'kienu r-reazzjonijiet ta' dawn iż-żjarat? Hu minnu li biex id-Dragonara Casino għaddiet mingħand il-MIMCOL għal konsorzju Accor, kien hemm bżonn ta' votazzjoni mill-ħaddiema?
Minnu li l-ftehim milħuq bejn it-tliet unions rappreżentanti tal-ħaddiema mal-konsorzju Accor, ġie mibdul tliet darbiet għaliex kull darba li jkun wasal biex jiġi ffirmat jerġgħu jinbidlu xi dettalji mill-ftehim milħuq bil-fomm u li effettivament dan seta' wassal għal tnaqqis fil-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema? Veru li l-BUPA family health scheme li l-ħaddiema kienu jgawdu qabel it-tmexxija ta' l-Accor ġiet limitata għall-impjegati biss?
Veru li filwaqt li l-ħaddiema Maltin ġew imċaħħda mill-family health scheme, il-ħaddiema barranin impjegati direttament ma' l-Accor, ingħatatilhom health scheme ta' livell ogħla fejn setgħu jkomplu jassiguraw il-membri tal-familja tagħhom ukoll?
Jaf il-Ministru li l-Accor suppost li kellha r-responsabbilta' li tirranġa l-post li hemm wara l-Palazz, magħruf bħala is-Slott Palace, u li sal-ġurnata tal-lum għadu ma sar xejn f'dan ir-rigward? Riżultat ta' hekk laħqet saret ħsara kbira f'dan il-post u għaldaqstant tajjeb li jsir magħruf issa min se jinżamm responsabbli għal din il-ħsara meta l-kuntratt ta' l-Accor jiskadi.
Veru li l-Accor kellha ġġib investiment (f'termini ta' lagħba) barrani u minn dan l-investiment baqa' ma ġie xejn? Għaldaqstant il-qligħ kollu ġej minn fuq dahar il-Maltin?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li ma jeżisti ebda ftehim bejn il-MIMCOL u Accor u konsegwentament id-domandi kollha ma jistgħux jiġu mwieġba.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm nies li wara li fdew iċ-ċens li kellhom ma' l-Awtorita' tad-Djar, u għaldaqstant il-proprjeta' tagħhom saret free hold, xorta waħda baqgħu marbutin b'xi klawsoli li ġew sfurzati fuq l-istess inkwilini, u għaldaqstant ma setgħux jiddisponu mill-imsemmija proprjeta' kif xtaqu huma?
Tista' il-Ministru telenka l-isem ta' dawn l-inkwilini, id-dettalji tal-proprjeta' tagħhom u l-ammont ta' flus li kellhom iħallsu lill-Awtorita' tad-Djar biex jiddisponu mill-proprjeta' tagħhom kif jixtiequ huma?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta benefiċjarji ta’ plots imqassma taħt l-iskemi tal- Home Ownership jifdu ċ-ċens, xorta waħda jkunu marbuta bil-kundizzjonjiet ta’ l-att ta’ l-ewfitewsi. Fost dawn il-kundizzjoniet kien hemm li l-benefiċjarji kellhom jibnu dar ta’ żewg sulari fuq din il-plot skond pjanti approvati mill-Awtorita’ tad-Djar u li din id-dar għandha tintuża bħala r-residenza ordinarja tal-benefiċjarji.
Uħud minn dawn il-benefiċjarji qegħdin japplikaw għal permess mingħand l-Awtorita’ tad-Djar biex ibiegħu d-djar tagħhom;-
(a) lil terzi biex tintuża bħala r-residenza ordinarja tagħhom, jew
(b) biex titwaqqa u flokha jinbnew garaxxijiet u għadd ta’ appartamenti.
Biex jitnaqqas l-iskop ta’ spekulazzjoni, fl-2002, il-Bord ta’ l-Awtorita’ tad-Djar adotta policy li f’każ li d-dar tkun se titwaqqa’ u flokha jkunu se jinbnew numru ta’ appartamenti, l-Awtorita’ titlob li titħallas somma. Fil-każ li d-dar tkun ser tiġi użata bħala r-residenza tat-terzi, l-ebda ħlasijiet ma’ jkunu dovuti lill-Awtorita’.
Ninsab infurmata li din il-policy tapplika għal kull benefiċjarju li ngħata plot mill-Awtorita’ jew li feda ċ-ċens li kellu fuq plot mogħti mid-Dipartiment ta’ l-Artijiet.
Filwaqt li ma nħossx li għandi nippubblika l-ismijiet u d-dettalji l-oħra mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-lokalitajiet u n-numru rispettiv ta’ żviluppi ta’ HOS plots approvati mill-Awtorita’ tad-Djar kemm ilha fis-seħħ il-policy msemmija u li kollha kienu jinvolvu ħlas lill-Awtorita’.