Legislature:
Category:
Reset
Active:

Anzjani — Day Centres

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinfetħu Day Centres għall-anzjani ġodda u jekk fl-affermattiv, kemm u fejn? Peress illi l-Kunsill Lokali ta' l-Imtarfa kien għamel talba sabiex Casa Notabile tiġi wżata bħala Day Centre, il-Ministru l-ġdid għandu ħsieb li jonora din it-talba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Iva, hemm il-ħsieb li jinfetħu tlett 'Day Centres' għall-Anzjani ġodda wara li jsiru d-diskussjonijiet mal-Kunsilli Lokali rispettivi. Il-Kunsill Lokali ta' l-Imtarfa ma jeżistix u għalhekk ma għamel l-ebda talba sabiex Casa Notabile tiġi użata bħala 'Day Centre' 9.11.98

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna jekk minħabba l-policy hekk imsejħa ta' għarbiel tas-servizzi soċjali u ta' kull forma oħra ta' benefiċċji l-gvern huwiex beħsiebu jillimita b'xi mod il-ħlas għal dawk li jkunu qegħdin jirreġistraw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M'hemmx dubju li fil-qasam tal-Politika Soċjali, il-Politika ta' Gvern Nazzjonalista dejjem assigurat livell għoli ta' Benefiċċji Soċjali li jsostnu għixien diċenti lill kull min hu fil-bżonn. Kuntrarjament għal dak li sar mill-amministrazzjoni preċedenti, dan il-gvern jimxi fuq il-prinċipju ta' Gustizzja Soċjali, fejn min hu tassew fix-xifer tas-soċjeta, jirċievi l-għajnuna li jkollu bżonn biex jgħix b'mod diċenti. Għall-informazzjoni tal-Onor. Membru kull min qiegħed jirriġistra u jirċievi għajnuna sejjer jgawdi mir-roħs fir-rati tad-dawl u ilma li kien impona l-gvern preċedenti u għalhekk fi ftit ġranet oħra, effettivament, ser igawdu minn żieda u mhux tnaqqis. 9.11.98

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex se jittieħdu miżuri ġodda biex jinqabdu dawk li jkunu qegħdin jirreġistraw u fl-istess ħin jaħdmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dan il-Gvern huwa impenjat biex isaħħaħ dak kollu li hemm bżonn biex jinqata kull forma ta' abbuż. L-Onor. Membru japprezza li ma jkunx xieraq li nagħti dettalji ta' x'miżuri speċifiċi jkunu qed jittieħdu minn żmien għal żmien, għalkemm jiena lest li ngħaddi din l-informazzjoni privatament lill-Onor. Membru. 9.11.98

ETC — Korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inbdew korsijiet ta' taħriġ fl-ETC mill-5 ta' Settembru? Kemm attendew nies għal dawn il-korsijiet? X'persentaġġ minn dawk li qegħdin jirreġistraw, sew fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet parti tar-reġistru, qegħdin isegwu kors ta' taħriġ ta' l-ETC? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex beħsiebu jkompli fuq dak li beda l-gvern preċedenti Laburista u jkompli l-inizjattiva tal-NIFTE?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-5 ta' Settembru sa l-aħħar t'Ottubru, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ bdiet erbgħin programm ta' taħriġ li għalihom qed jattendu 622 persuna. Minn dawn 129 persuna kienu persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol. Il-gvern beħsiebu jkompli u jsaħħah il-programmi ta' taħriġ organiżżati bħala parti mill-inizjattiva tan-'Night Institute for Further Technical Education'. Fil-laqgħa tal-Bord tad-Diretturi tal-ETC, li saret fit-3 ta' Novembru 1998, ġie deċiż li jiżdiedu l-programmi ta' taħriġ li qed jiġu offruti minn-NIFTE iżda dawn iridu jkunu relatati mal-bżonnijiet tal-pajjiż. Bħalissa qed isiru kuntatti mas-settur privat biex jiġu stabbiliti l-ħtiġijiet tat-taħriġ tal-ħaddiema f'oqsma tekniċi biex imbagħad dawn jiġu ndirizzati permezz ta' korsijiet speċjaliżżati.

Korpi Parastatali — Permessi għar-reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw permessi għar-reklamar ta' impjiegi fil-korpi parastatali u liema korpi kienu mill-5 ta' Settembru 'l hawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Membru li n-numru ta' permessi li ħarġet il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għal reklamar ta' impjiegi fil-Korpi Parastatali mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn huwa kif jidher hawn taħt: National Tourism Organisation - Malta 7 Tug Malta 1 Maritime Selmun 2 Żejtun Local Council 1 Sterling Travel and Tourism 2 Crowne Plaza Hotel 1 Fejda 1 Freeport Terminal 3 IPSE 1 Malta Maritime Authority 1 Maltacom plc 1 Zammit Clapp Hospital 2 Kunsill Lokali Pembroke 1 Broadcasting Authority 1 Central Bank of Malta 2 National Orchestra 1 9.11.98

Impjiegi — Gainfully occupied

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies li huma reġistrati bħala gainfully occupied bħalissa? Kemm minn dawn għandhom 'il fuq minn 60 sena? Kemm minn dawn jaħdmu fis-settur pubbliku? Kemm minn dawn jaħdmu fis-settur privat? U minn dawn ta' l-aħħar, kemm hemm li huma self-employed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' nies li huma reġistrati bħala 'gainfully occupied' fl-aħħar ta' Awissu 1998 kien ta' 137,652. Minn dawn hemm 4,521 persuna li għandhom 'il fuq minn 60 sena. Mill-137,652 persuna hemm 49,846 persuna li jaħdmu fis-settur pubbliku, filwaqt li 83,486 persuna jaħdmu fis-settur privat. Minn dawn ta' l-aħħar hemm 15,428 persuna li huma 'self employed'. Filwaqt li hemm 4,320 persuna li huma mpjegati temporanji bħal apprentisti, 'pupil workers' u 'student workers'. Il-figuri għax-xahar ta' Settembru 1998 għadhom qegħdin jinġabru. 2.11.98

Pensjonijiet — Pensjoni kontributorja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies li bħalissa qed jirċievu xi tip ta' pensjoni b'mod globali? Kemm minn dawn jirċievu pensjoni kontributorja u kemm minnhom jirċievu pensjoni non-kontributorja? F'termini ta' flus, għal kemm jammontaw dawn il-pensjonijiet? X'persentaġġ tal-G.D.P. jikkontribwixxu dawn il-pensjonijiet issa u matul dawn l-aħħar tlett decades?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru f'din il-Mistoqsija kif ukoll f'Mistoqsija Nru. 345 qed tinġabar, naturalment sa fejn dan huwa possibli. Għalhekk tingħata Tweġiba f'xi Seduta oħra. 2.11.98

Pensjonijiet — Pensjoni kontributorja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'persentaġġ tal-GDP ikkontribwixxew is-social budgets, sena b'sena, għal dawn l-aħħar 20 sena? Kemm minn dawn il-persentaġġi kienu għall-pensjoni kontributorja u kemm ma kienux, ċioe' pensjonijiet non-kontributorji u skemi oħra bħal SKA's? X'persentaġġ minn dawn is-social budgets, sena b'sena, kien allokat għall-unemployment benefits?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 332. 2.11.98