Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jieħdu l-pensjoni tad-diżabilita' u kemm minnhom qed jirċievu l-blind pension?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni f'pajjiżna li jibbenefikaw minn pensjoni taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali bħala persuni b'diżabilita', huwa ta' 1,898.
Minn dawn 112 huma persuni li jbatu minn nuqqas ta' dawl.
17.11.98
Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuni li hemm jaħdmu fil-ministeru tiegħu, il-grad tagħhom, ix-xogħol li qegħdin jagħmlu, u fejn kienu jaħdmu? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom huma seconded u min minnhom ġie impjegat b'kuntratt? Jista' l-Ministru jippreżenta kopja tal-kuntratt ta' impjieg kull fejn hu l-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li diġa' tajt għall-Mistoqsija Nru. 291.
Jista' l-Ministru jagħtina lista ta' nies reġistrati part-time fishermen u farmers, minn fejn huma u x'inhuma l-impjiegi l-oħra tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ ipprovdietli l-parti l-kbira ta' l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru.
B'danakollu, naħseb li din m'hijiex informazzjoni ta' natura pubblika u ma nħossx li jkun xieraq li tingħata fi Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari.
16.11.98
Jista' l-Ministru jagħtina kemma hemm persuni reġistrati bħala disabled mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', kemm hemm persuni reġistrati f'kull kategorija u kemm minnhom huma nisa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
1. Skond l-istatistika miġbura fir-Reġistru Nazzjonali ta' Persuni b'Diżabilita' joħorġu dawn il-fatti:
(a) Numru globali ta' persuni rreġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita: 5596.
(b) L-informazzjoni dwar in-numru ta' nies irreġistrati skond il-kategoriji ta' nuqqasijiet (impairments) qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
(c) Numru globali ta' nisa b'diżabilita' rreġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita': 2422.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex jiġu trattati l-applikazzjonijiet li kienu fetħu fi żmien Gvern Laburista biex jiġu mpjegati aktar casual workers fiċ-Ċentri ta' Taħriġ għal persuni b'diżabilita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li m'hemm l-ebda sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta' 'casual workers' fiċ-Ċentri ta' Taħriġ għal Persuni b'Diżabilita' li kienet ħarġet fi żmien l-Amministrazzjoni preċedenti u li għadha pendenti.
16.11.98
Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' persuni b'diżabilita' li qed jattendu fiċ-Ċentri ta' Taħriġ f'Malta u Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni b'diżabilita' li qed jattendu fiċ-Ċentri ta' taħrig f'Malta u Għawdex huwa kif jidher hawn taħt:
Iċ-Ċentru ta' Ħal-Far - 81
Iċ-Centru ta' Wied il-Għajn - 56
Iċ-Ċentru ta' l-Imtarfa - 104
Iċ-Ċentru ta' Fleur-de-Lys - 110
Iċ-Ċentru ta' l-Għomja, Santa Venera - 25
Iċ-Ċentru ta' Għajnsielem, Għawdex - 30
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jissokta fuq il-pjanijiet ta' Gvern Laburista għaċ-Ċentru ta' Taħriġ ta' Wied il-Għajn, jiġifieri li jiżviluppah f'Ċentru ta' Respite, jaħdem biex isiru possibbli exchange visits u sabiex l-impjegati tal-kċina jibdew jaħdmu fuq skema koperattiva?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Iċ-Ċentru ta' Wied il-Għajn hu proġett tal-Gvern Nazzjonalista ta' qabel l-1996. Dan il-post kien ġie identifikat wara li sar ħafna xogħol mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita matul l-1995 u l-1996. Tant hu hekk li l-konvenju għax-xiri tal-post kien ġie iffirmat ftit qabel l-elezzjoni ta' l-1996 wara negozjati li ħadu fit-tul.
Kien pass pożittiv li l-Gvern Laburista kompla b'dan il-proġett, anke jekk il-ħsieb oriġinali kien li f'dan iċ-Centru jittieħdu inizjattivi ġodda u innovattivi f'dak li għandu x'jaqsam ma l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilita' f'pajjiżna. Naċċerta lill Onor. Membru li se jsir l-aħjar użu minn dan iċ-Ċentru b'risq il-persuni b'diżabilita', u dan skond il-pariri li jingħataw mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'.
Dwar l-impjegati tal-kċina, jien infurmat li kienu nbdew taħditiet mid-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi tal-Ministeru tiegħi u mal-Bord tal-Kooperattivi biex titwaqqaf kooperattiva. Sar ukoll abbozz ta' ftehim iżda l-ħaddiema konċernati kellhom xi dubbji u għalissa waqaf il-proċess.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-Housing Authority għall-akkomodazzjoni alternattiva sat-30 ta' Ottubru? Minn liema lokalitajiet ġejjien? X'inhuma r-raġunijiet għalfejn qed tintalab akkomodazzjoni alternattiva: eżempju mard, nuqqas ta' spazju, kondizzjonijiet substandard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda l-informazzjoni mitluba.
11.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm beħsiebu jipprovdi housing units id-Dipartiment tal-Housing din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma jistax ikun jaf minn qabel kemm ser ikollu 'Housing Units' għax dan jiddependi minn kemm jitbattlu postijiet tal-Gvern jew taħt rekwiżizzjoni matul is-sena.
11.11.98
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta' impjieg taċ-Chairman tal-Housing Authority flimkien mas-CV tal-persuna konċernata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kif mitlub, il-'Curriculum Vitae'ta' Ms Marisa Micallef Leyson li għadha kif inħatret bħala 'Chairman' tal-'Housing Authority'.
Il-ħatra ta' 'Chairman' tal-'Housing Authority' issir skond id-dispożiżżjonijiet ta' Sezzjoni 5 (i) ta' l-Att dwar l-Awtorita' tad-Djar u ma tinvolvi l-ebda kuntratt ta' mpjieg.
11.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kif beħsiebu jinċentiva studenti biex: 1) jattendu għall-kors ta' social workers fl-Universita; 2) jinkoraġixxi lil dawn l-istudenti biex jispiċċaw il-kors?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sa mill-1996, id-Dipartiment tal-Familja u Ħarsien Soċjali beda jdaħħal numru ta' studenti tas-'social work' mill-Universita' taħt is-'Social Support Workers' Scheme'.
Taħt din l-iskema filwaqt li l-istudenti jistudjaw it-teorija l-Universita', ikollhom l-opportunita' biex jitħarrġu fil-qasam tas-'social work'.
Madanakollu, d-dipartiment joħroġ applikazzjonijiet għall-post ta' 'Registered Social Worker I' u dawk l-istudenti li jtemmu jew li ser ikunu jtemmu l-'course' b'suċċess fil-futur qarib, ikunu eliġibbli sabiex japplikaw għal dan il-post.
11.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet it-tiswija tas-saqaf tad-djar ta' l-anzjani tal-Furjana taħt l-Amministrazzjoni Nazzjonalista ta' qabel Ottubru 1996? Kemm kien ippjanat oriġinarjament li jdum jissewwa dan is-saqaf u kemm effettivament dam? Kemm sewa lill-Gvern Nazzjonalista t-trasferiment ta' l-anzjani konċernati f'hotels privati matul dan il-perjodu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment mhux f'pożizzjoni li jgħid la kemm ġiet tiswa t-tiswija tas-saqaf tad-Dar ta' l-Anzjani tal-Furjana qabel Ottubru 1996 u lanqas kemm sewa t-trasferiment ta' l-anzjani konċernati sakemm tlesta x-xogħol.
Wara stħarriġ sar magħruf li x-xogħol fuq is-soqfa sar bejn l-1991 u l-1992 u dam madwar tmin xhur. X'uħud mill-anzjani ġew trasferiti fis-Sa Maison Hotel, Pieta'għall-perjodu qasir, oħrajn f'xi lukanda fil-Gżira, u oħrajn imqassmin fid-Djar ta' l-Anzjani l-oħra.
11.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm swew biex inbnew dawn id-djar ta' l-anzjani: 1) id-dar ta' l-Imsida; u 2) id-dar ta' l-Imtarfa (iż-żewġ fażijiet f'daqqa)?
X'inhuma l-bed capacities għal dawn iż-żewġt idjar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
1. Id-Dar ta' l-Imsida ġiet tiwsa Lm720,000 u tesa' 50 persuna.
2. Id-Dar ta' l-Imtarfa li tinkludi 'Day Centre', kappella u parkeġġ taħt l-art ġiet tiswa' Lm1,450,082 u tesa' 106 persuna.
11.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' nies li fl-aħħar ta' Ottubru kienu qed jirreġistraw fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet parti tar-reġistru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-aħħar ta' Settembru 1998, in-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel, fit-tieni u tielet parti tar-reġistru kien ta' 7,184; 464 u 440 rispettivament.
L-aħħar ċifri ppublikati huma ta' Awissu 1998. Iċ-ċifri għal Ottubru għad iridu jinġabru.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-istaff complement tal-Ministeru tiegħu? Kemm ġew impjegati nies minn barra? Kemm ġew sekondati minn kumpanniji parastatali u liema kumpanniji huma? Kemm kienu trasferiti minn ħdan dipartimenti oħra tal-gvern? Kemm ingħataw transfers lill-individwi li kienu jaħdmu fid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu llum jaħdmu ġo dipartimenti oħra jew sempliċement ġew trasferiti minn sezzjoni għall-oħra fl-istess dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija li għandha x'taqsam mal-impjegati fis-Segretarjat tal-Ministeru tiegħi, nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li ta l-Prim Ministru għall-Mistoqsija Nru. 81 kif ukoll għat-Tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Nru. 291.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija dwar trasferimenti ta' mpjegati fid-Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi, nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 281.
10.11.98
Jista' l-Ministru jelenka għax-xahar ta' Ottubru: (1) in-numru ta' impressed drivers; (2) in-numru ta' karozzi tal-kiri; (3) Min qiegħed juża dawn il-karozzi mikrija u x'inhu l-grad tagħhom; u (4) Mingħand liema kumpannija jew individwu huma mikrija l-karozzi?
Tista' l-informazzjoni tiġi maqsuma dipartiment b'dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Ministru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
11.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx impjegati Casual Social Assistants ġodda mill-5 ta' Settembru u jekk ma ġewx impjegati CSAs ġodda, meta beħsiebu l-Ministru joħroġ call for application?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn ġew impjegati 3 C.S.A.s ġodda.
10.11.98
Peress illi ntqal illi t-time frame ta' ftuħ ta' djar ta' l-anzjani fil-Furjana, hekk kif imfassal mill-Gvern Laburista, ma kienx se jintlaħaq, jista' l-Ministru jgħid x'azzjonijiet ġodda ttieħdu u jekk inbidilx il-kuntrattur sabiex jitħaffu l-affarijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għalkemm l-amministrazzjoni preċedenti kienet ippjanat il-ftuħ tad-Dar ta' l-Anzjani tal-Furjana f'April, 1999, kien jidher ċar li x-xogħol ta' kostruzzjoni waqa' lura bil-konsegwenza li żamm xogħol ta' kuntratturi oħra. Għalhekk inħass il-bżonn li jinbidel il-kuntrattur tal-ġebel. Dan il-proġett huwa kollu f'idejn il-'Welfare Committee'. Qiegħed isir kull sforz biex din id-Dar tinfetaħ mill-aktar fis possibbli.
9.11.98