Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-siġar taż-żebbuġ li jinsabu f'Wied Dalam, Has-Saptan, Haz-Zabbar, Fgura u Mġarr Malta huma totalment abbandunati? Jista' jgħid meta se jitnaddaf madwarhom qabel jinħarqu u jmutu għax ikun aħjar nieħdu ħsieb dawn is-siġar li jrid snin twal biex jimmaturaw, qabel ma nikkonċentraw biex inħawlu oħrajn ġodda? Id-dipartiment x'inhu jagħmel biex jaħseb għal ilqugħ aħjar ta' l-ilma tax-xita sabiex inkunu nistgħu insaqqu dawn is-siġar?
Tista' l-Ministru tara li l-lift li hemm installat fl-indirizz li qed jintbagħat separatament u li ilu wieqaf is-snin jerġa' jibda jitħaddem immedjatament, għall-benefiċċju tal-familja residenti fuq nett, peress li din għandha membru b'diżablita'? Ma jistax ikun li din il-familja tibqa' tgħix f'din is-sitwazzjoni minħabba l-irresponsabilita' ta' l-inkwilini l-oħrajn.
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Customer Care ta' l-Awtorita' tad-Djar biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jkun hemm pulizija tat-traffiku mal-punt tal-ħruġ tat-traffiku minn Santa Luċija għal mar-roundabout li tgħaqqad Telgħet Maria Addolorata, Luqa Road u Triq tal-Barrani fil-ħin ta' bejn is-7.30 a.m. u 8.30 a.m. u dan għaliex qed ikun hemm dewmien esaġerat biex ix-xufiera minn Santa Luċija joħorġu madwar ir-roundaboutmsemmija, tant li qed iseħħu numru konsiderevoli ta' inċidenti f'dan il-punt?
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26440, jista' l-Ministru jispeċifika kemm hemm educational psychologists impjegati mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni? Jista' jelenka x'inhuma l-funzjonijiet ta' dawn il-professjonisti? Kemm ilhom li ġew ingaġġati u jekk hemmx il-ħsieb li dawn jiżdiedu fiż-żmien qarib? Peress li f'pajjiżi bħall-Amerika ta' fuq huwa stmat li madwar wieħed minn kull ħamest itfal għandu xi forma ta' dyslexia u probabilment hawn Malta u f'pajjiżi oħrajn ir-rata hija pjuttost simili, jista' jgħid jekk hux qed isir screening programme fl-iskejjel primarji tagħna? U dan vis-a-vis tal-fatt li kemm-il darba dawn it-tfal jiġi djanjostikati kmieni, ikun possibli li fil-maġġoranza tagħhom tiġi korretta d-diżabilita' tagħhom u fl-istess ħin żgur u mhux forsi nkunu qegħdin innaqqsu r-rata ta' illtteriżmu li għandna f'pajjiżna.
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal sal-ħin li jkun irid jiġi mgħoddi lill-uffiċċju ta' l-iskrivan tal-Kamra, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Fid-dawl tal-fatt li l-allowance tat-tfal naqset (għal raġuni jew oħra) b'madwar 35% matul dawn l-aħħar 10 snin, x'inhu jagħmel l-ministeru sabiex jassigura li dawk il-familji li għandhom aktar minn wild wieħed ma jiġux ntaxxati inġustament bis-surcharge fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u dan fl-ispirtu li din is-surcharge hija maħruġa b'mod lineari, hija taxxa tal-konsum u familji numerużi bilfors jikkonsmaw aktar dawl u ilma? Peress li għandna tnaqqis fir-rata' tal-fertilita', kif jista' l-Gvern jinkoraġġixxi lill-koppji Maltin ikollhom aktar ulied, b'din il-miżura anti-familja?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jaf il-Ministru li filwaqt li huwa sew il-MCAST jiġi estiż u li huwa maħsub li ser ikun qed jiġbor fih l-istudenti kollha ta' Malta f'dan il-kulleġġ, fl-istess nifs l-Enemalta qegħda tibni tankijiet għal ħażna tal-gas/żejt ftit mijiet ta' metri biss 'l bogħod minn dan il-lok? Ma jaħsibx li din l-approssimita' ta' eluf ta' żgħażagħ Maltin daqstant viċin ta' dan il-periklu huwa nuqqas ta' ippjanar serju min-naħa tal-Kabinett tal-Ministri? Jekk Allaħares qatt iseħħ inċident fil-futur min ser jassumi r-responsabbilta?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li ġejt infurmat li ma jirrizultax li hemm xi periklu jew nuqqas ta' ppjanar kif qed jgħid l-Onor. Membru, ser inkompli nsegwi l-materja mqanqla.
B'referenza għal mistoqsijiet parlamentari 26423 u 26424, jaf il-Ministru li fil-health centres qed ikun hemm ħafna dewmien esaġerat u ffullar biex jiġu eżaminati l-pazjenti u li minħabba n-nuqqas ta' tobba saħansitra jiġu rrifjutati numru kbir ta' visti fid-djar kuljum? Jista' l-Ministru jelenka kemm seħħew PR examinations, clinical thyroid examinations u kemm ġew ordnati TFT's u PSA's mit-tobba tal-polikliniċi sabiex jiġu djanjostikati mard tal-prostata u tat-tiroide kmieni matul din l-aħħar sena? Huwa minnu li l-gvern jemmen fis-servizz tat-tobba tal-familja jew le? Japprezza l-Ministru li bil-prezzijiet li jaħdmu bihom il-maġġoranza tat-tobba tal-familja qegħdin jissussidjaw is-servizz pubbliku li bħalissa żgur li mhux ilaħħaq mad-domanda ta' xogħol li qed ikollu għad-dannu tal-pazjenti u l-istaff mediku u paramediku nnifsu li jaħdmu fis-servizz primarju? U allura l-Ministru għalfejn ma jikkonsidrax li jagħti aċċess lit-tobba tal-familja li jordnaw testijiet tad-demm tal-PSA u TFT's, imqar f'dawk il-pazjenti follow-ups? U dan fl-ispirtu biex jiġu mgħejjuna t-tobba tal-polikliniċi u kif ukoll biex jitħaffef il-proċess ta' djanjostikar jew management mediku ta' dawn il-pazjenti (għall-ġid tal-pazjenti infushom) fl-ispirtu tal-prevenzjoni primarja li suppost nemmnu biha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fiċ-Ċentri tas-Saħħa ma tinżamx statistika ta' kemm isiru eżamijiet kliniċi tat-Tyroid, PSA u PR għax dak huwa studju ta' riċerka medika. Lanqas tinġabar statistika ta' kemm ġew ordnati TFTs u PSA individwalment. Fiċ-Ċentri tas-Saħħa tinġabar statistika kemm ġew ordnati investigazzjonijiet mit-tobba fil-privat u mit-tobba fiċ-Ċentri tas-Saħħa.
F'każijiet mhux komuni jkollhom isiru viżti urġenti biss miċ-Ċentri tas-Saħħa meta għal raġunijiet mhux previsti bħal mard tat-tobba u riferti tal-qorti, jkun hemm nuqqas ta' tobba.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-istaff speċjalment l-ispiżjara u l-pharmacy technicians li bħalissa hemm jaħdmu fil-bereġ ta' Malta u Għawdex, hekk kif ma jkunx hemm iktar bżonn is-servizzi tagħhom meta tiġi fis-seħħ l-iskema l-ġdida?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-ispiżjara u l-Pharmacy Technicians li bħalissa jaħdmu fl-ispiżeriji taċ-Ċentri tas-Saħħa jibqgħu jaħdmu fi ħdan id-Diviżjoni jagħmlu xogħol skond ma tistipola il-job description tagħhom.
Ma jaħsibx il-Ministru li meta pazjent li ma jiflaħx iħallas biex jinqeda privatament u jkollu jistenna disa' xhur sħaħ biex jarah speċjalista urologu fl-Isptar San Luqa sabiex isirulu testijiet tad-demm bħal PSA ikun qiegħed jissogra saħħtu u ħajtu bis-sistema attwali? Peress li dan it-test huwa essenzjali biex il-kanċer tal-prostata jinqabad kmieni u l-marid ifiq, pero' minkejja dan, tobba tal-familja li huma speċjalisti fil-qasam tagħhom, huma mċaħħda milli jordnaw direttament huma dan it-test li jistona ferm mal-prinċipju bażiku tal-gate keeper role ta' speċjalista tal-mediċina tal-familja li mad-dinja kollha huwa ppruvat li jnaqqas l-ispejjeż filwaqt li joffri servizz tajjeb daqs dak fil-kura sekondarja, jista' l-Ministru jagħti ċans lit-tobba tal-familja, li bħalu għandhom esperjenza kbira, sabiex jordnaw huma dan it-test, meta mbagħad tabib novell fiċ-ċentri tas-saħħa jista' jagħmel dan? Ma jaħsibx li fl-aħjar interess tal-pazjent ikun aħjar li jindirizza dawn il-prattiċi ineffiċjenti qabel jibda jaħdem l-Isptar Mater Dei?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fejn hemm dubbju ta' kanċer, isiru l-arranġamenti immedjati (Accelerated Investigation Clinic) biex il-pazjent jarah speċjalista minnufih u ma jkun hemm ebda dewmien. Fil-każ ta' prostata jarah Urologu. Nixtieq infakkar li test tad-demm tal-prostata waħdu ma jfisser xejn iżda dan irid ikun preċedut minn eżami kliniku lill-pazjent. Meta test tal-prostata jkun mhux fin-normal dan għandu jiġi interpretat b'mod professjonali u jsirlu follow up PSA's kif ukoll possibli ssir biopsy tal-glandola. Fil-laboratorju tal-isptar San Luqa jsiru 24,243 test tal-PSA fis-sena.
Pazjent li ma jiflaħx iħallas għandu servizz ta' Health Centre fejn it-tabib jinvistah bla flus u t-test isirlu hemmhekk stess b'xejn.
Peress li l-mard tal-glandola tiroide jaf ikun serju ħafna u f'ċerti każi jista' jgħolli l-livell tal-kolesterol fid-demm u f'każi oħra jista' jmarrad il-qalb, jista' l-Ministru jara li meta tabib tal-familja jaħseb li hemm bżonn isir test għal din il-glandola m'għandux jinħoloq tfixkil min-naħa tad-Dipartiment tas-Saħħa peress li l-marid qed ikollu jew iħallas minn butu u jinqeda privatament biex ifittex isir jaf għandux bżonn ta' kura jew inkella qed ikollu jistenna ġimgħat sħaħ, jitlef nofs ta' nhari ta' xogħol għalih u għal min iħaddmu, u sadanittant isofri minn ħafna qtiegħ il-qalb? Dan meta speċjalisti tal-mediċina tal-familja, huma ampjament kwalifikati sabiex jieħdu ħsieb dawn il-pazjenti u b'hekk ukoll jitnaqqas l-ammont ta' nies żejda riferuti lejn l-isptar. Ma jaħsibx li fl-aħjar interess tal-pazjent ikun wisq aħjar u cost effective li tobba tal-familja, li bħalu għandhom esperjenza kbira, jingħataw iċ-ċans sabiex jordnaw huma dan it-test, meta tqis li tabib novell fiċ-ċentri tas-saħħa jista' jagħmel adn? Ma jaħsibx li fl-aħjar interess tal-pazjent ikun aħjar li jindirizza dawn il-prattiċi ineffiċjenti qabel jibda jaħdem l-Isptar Mater Dei?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Preżentament isiru 144,759 (statistika 2006) test tat-Tyroid fis-sena ġewwa l-laboratorju tal-patoloġija tal-isptar San Luqa. It-test tat-Tyroid għandu jintalab fuq suspett kliniku u mhux bħala Routine Screen fuq pazjent, kif jiġri ta' spiss.
Pazjent li ma jiflaħx iħallas jista' juża s-servizz tal-Health Centre fejn it-test isirlu b'xejn.
Jista' l-Ministru jelenka x'inhuma d-drittijiet ta' tfal li jkunu dyslexic fis-sistema edukattiva tagħna? Speċifikament x'inhi l-għajnuna li tingħatalhom waqt l-eżamijiet? Per eżempju, fl-Amerka tfal li huma severely dyslexic għandhom l-opportunita' li jingħataw eżamijiet orali, waqt li fl-Ingilterra The Disability Discrimination Act part 4, Examinations and Assessment Good Practices Act tistabilixxi li discrimination can take place by failing to make reasonsable adjustments when they are placed at a substantial disadvantage compared to other people for a reason relating to their disability.
Ġejt infurmat li studenti jingħataw extra time f'ċerti suġġetti biss, meta d-diżabilita' fl-ipproċessar tal-ħsejjes ta' l-ittri u l-kliem fil-moħħ mhix limitata għal ċertu suġġeti biss? Jista' jikkonsidra miżuri verament sempliċi bħal karti ta' l-eżami b'tipa ikbar, jew l-użu ta' word processors għal dawk l-istudenti li għandhom tip ta' dyslexia forsi iktar severa liema għajnuna qed tingħata f'pajjiżi oħra? Kemm hemm educational psychologist li kapaċi jassessjaw it-tfal u kemm hemm minnhom fid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li waqt l-eżamijiet tfal li jiġu ċertifikati dyslexic jingħataw reader, extra time u scribe skond il-ħtiġijiet partikolari kandidat konċernat. Dawn l-arranġamenti speċjali jingħataw propju biex tfal dyslexic ma jiġux svantaġġati. Fil-każ ta' l-eżami għad-dħul fil-Form 1 fil-Junior Lyceum dawn l-arranġamenti jingħataw fil-ħames suġġetti li jiġu eżaminati fihom. Isiru wkoll karti ta' l-eżami b'tipa akbar wkoll kull meta din il-ħtieġa tiġi identifikata u mitluba.
Informat ukoll li fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jistgħu jingħataw servizzi psikoloġiċi biex jassesjaw it-tfal.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li wasslu biex is-sejħa għall-ħatra ta' Reġistratur tal-Kunsill Mediku, tieħu daqshekk fit-tul? Jaf li l-Kunsill Mediku ma jistax jiffunzjona b'Agent Reġistratur għal tul ta' żmien, meta l-istess Agent Reġistratur huwa Reġistratur tal-Kumitat ta' l-Ispeċjalisti? Jaf li dan l-Agent Reġistratur jista' jkollu konflitt ta' interess?
Skond il-website ta' l-Istatutory Council fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, il-ħatra tal-Kunsill Mediku jidher li ilha li spiċċat minn nofs April. Jista' jgħid min ġie nnominat, kemm minnu bħala Ministru, kemm mill-Universita', kif ukoll min ġie elett min-naħa tat-tobba kif ukoll mid-dentisti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-Diviżjoni tas-Saħħa ħadet il-passi meħtieġa minnufih biex timtela l-pożizzjoni ta' reġistratur tal-Kunsill Mediku. Is-sejħa qed tiġi pproċessata mill Kummisjoni dwar is-Servizz Pubbliku li hija responsabli għal dan il-proċess.
L-Aġent Reġistratur qiegħed jokkupa din il-kariga b'ittra speċifika mid-Direttur Ġenerali tas-Saħħa wara li kient irriżenjat ir-Reġistratur fis-7 ta' Frar 2007.
ma jirriżultax li hemm konflitt ta' interess bejn il-kariga ta' Reġistratur tal-Kumitat ta' l-Ispeċjalisti ma dik ta' Reġistratur tal-Kunsill Mediku.
Ir-reġistratur tal-Kumitat ta' l-Ispeċjalisti jipproċessa applikazzjonijiet ta' tobba u dentisti ġaladarba jiġi ċċertifikat mal-Kunsill Mediku li dawn ikollhom reġistrazzjoni sħiħa fir-reġistru mediku.
Mill-banda l-oħra ir-Reġistratur tal-Kunisll Mediku ma jistax jinkludi fir-reġistru ta' l-Ispeċjalisti dawk it-tobba u dentisti kemm il-darba ma jkunx hemm iċ-ċertifikat maħruġ mill-Kumitat ta' l-Ispeċjalisti.
In-nomini ta' karigi fuq il-Kunsill Mediku tbiddlu minn fuq il-website wara li l-Kunsill il-ġdid ġie ffurmat kollu kemm hu (kien hemm żewġ elezzjonijiet) u wara li l-lista ġiet ippublikata uffiċjalment fil-gażżetta tal-Gvern.
Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra, meta inkwilin ta' appartament li kien tal-Gvern u li jkun xtrah u għamlu tiegħu fl-1980, jekk ibiegħu lil terzi fil-preżent ikunx irid iħallas xi multa lill-Gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-bejgħ ta’ postijiet mill-Awtorita’ tad-Djar hu regolat skond il-kundizzjonijiet tal-kuntratt u ta’ l-iskema relattiva li taħtha jkun sar il-bejgħ.
Peress li l-Onor. Interpellant ma ndikax l-iskema li taħtha nxtara l-post, jew id-dettalji tal-persuna konċernata, mhux possibbli li tingħata tweġiba preċiża.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li bħalissa spiċċaw il-fondi li suppost jagħmlu tajjeb għall-ħlas tal-health carers li huma subcontractedmid-Dipartiment tas-Saħħa sabiex jgħinu lin-nurseseċċ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
"Le mhuwiex minnu". Id-dipartiment jgħaddi pagament regolari lis-subcontractor.
Jista' l-Ministru konċernat jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għaddiet mit-test tat-teorija tal-buses and coaches fl-10 ta' Mejju 2006 u s'issa għadha ma ġietx mgħajta biex titla' għat-test prattiku tas-sewqan?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsa infurmat li m'hemm xejn li jżomm lil persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament milli tinforma l-Motoring School tagħha biex tapplikalha għat-Test Prattiku,
Jista' l-Ministru jgħid għaliex waqt in-negozjati bejn it-TECOM u l-Gvern il-VIP scheme ġiet ċeduta, u fil-fatt l-ex ministri u chairpersonsm'għadhomx jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċji li kienu jgawdu minnhom qabel?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-iskema li qed jirreferi għaliħa fil-mistoqsija tiegħu hi ta' natura kummerċjali u għaldaqstant hija prerogattiva kompleta tal-kumpanija jekk u trid toffrija.
Sptar San Luqa — Laser Treatment /Visudyne therapy
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'tipi ta' laser treatments jeżistu bħalissa fl-Isptar San Luqa, u jekk jeżistix Visudyne therapy biex iwaqqaf mascular degeneration?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Bħal issa fl-isptar San Luqa jsiru trattamenti bil-laser b'żewġ magni. Waħda hija Argon Laser Treatment għal pazjenti tad-dijabete u problemi oħra fir-retina. Isiru wkoll trattamenti ta' laser b'magna li jisimha Yag Laser għal pazjenti bil-Glaucoma u After Cataract li hija qoxra wara l-lenti li tiddaħħal waqt l-operazzjoni tal-katarretti.
It-trattament ta' Visudyne therapy għal Macular Degeneration sal-lum ma huwiex parti mis-servizz pubbliku tas-saħħa li jiġi offrut b'xejn f'Malta.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min ser ikun responsabbli biex iħallas l-ispiża biex jinqalbu l-cash registers tal-bejjiegħa u n-negozji fil-proċess tal-euro changover, il-gvern jew l-istess negozjanti? Huwa minnu li l-ħlas għal tali servizz huwa bejn Lm30 u Lm36 għal kull cash register?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif diġà ġie mħabbar mill-Gvern u qed jiġi kkomunikat b’mod estensiv mill-Kumitat Nazzjonali għall-bidla għall-Ewro, ma jeżisti l-ebda bżonn sabiex jinbidlu jew isiru modifikazzjonijiet lill-cash registers minħabba l-wiri tal-prezzijiet biż-żewġ muniti. Dawk in-negozji illi jiddeċiedu li ma jibdlux il-cash register, il-Kumitat ser jagħtihom conversion tables sabiex huma jqassmuhom ma’ kull irċevuta illi jagħtu lill-klijenti.
Peress li ser tinqaleb il-munita madankollu, jista’ jkun hemm każijiet fejn cash registers li llum jimmarkaw prezz bis-simbolu Lm, ikun jeħtiġilhom li jaqilbu dan is-simbolu għas-simbolu Ewro (€).
Dan is-servizz jitħallas minn negozjant kif dejjem isir meta jsir tibdil regolatorju bħalma kienet iż-żieda tal-VAT minn 15% għal 18%. Il-Gvern qed jaħdem fuq skema ta’ kreditu ta’ taxxa għal dawk li jkunu jridu jibdlu l-cash register tagħhom.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan is-suq huwa suq liberu u li negozjant għandu jfittex l-aħjar offerti sabiex isiru dawn il-modifikazzjonijiet dejjem jekk ikunu neċessarji.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex waqt in-negozjati bejn it-TECOM u l-Maltacom, l-VIP scheme ġiet ċeduta u fil-fatt l-ex ministri u chairpersons m'għandhomx jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċji li kienu jgawdu qabel?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-Tecom qatt ma għamlet negozjati mal-Maltacom.