Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #5099 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Xiri ta' mediċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm arretrati li baqgħu ma tħallsux għal xiri ta' mediċini sa Settembru, 1998? Kemm hemm arretrati li baqgħu ma tħallsux sa Jannar, 1999?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-ammont ta' arretrati li kien għad fadal jitħallsu sa 1 ta' Settembru 1998 u 1 ta' Jannar 1999 kien stmat li jlaħħaq skon kif ġej: Arretrati sa Arretrati sa 01/09/1998 01/01/1999 Lm Lm ---------------- -------------- Arretrati tas-snin preċedenti 955,547 5,308,261 Arretrati tas-sena kurrenti 3,519,941 --------- --------- Total 4,475,488(circa) 5,308,261(circa) ========= ========= Il-figuri hawn fuq mogħtija, ikopru wkoll, xiri ta' apparat u 'disposables' (Surgical Materials/Prosthetic Orthotic). Dan peress li s-sistema ta' ġbir ta' 'records' ta' l-arretrati ma tippermettix distinzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u mediċinali.

Sigurta' soċjali — Għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna kemm hawn familji f'Malta li qegħdin jiddependu biss mill-għajnuna soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-familji f'Malta li qegħdin jiddependu biss mill-Għajnuna Soċjali huwa ta' 9,808. Ninforma l-Onor. Interpellant li m'hawn ħadd li jiddependi biss fuq l-Għajnuna Soċjali. F'Każ ta' persuna waħedha, l-għajnuna hi ta' Lm27.13 fil-ġimgħa, liema Għajnuna tiżdied bi Lm3.50 fil-ġimgħa għal kull membru ieħor. Jitħallas ukoll Bonus Addizzjonali ta' Lm1.34 fil-ġimgħa, kif ukoll Bonus ta' kull sitt xhur ta' Lm58. Titħallas ukoll l-Allowance tat-Tfal jew l-Allowance Supplimentari skond il-każ. F'każ ta' mard kroniku titħallas Għajnuna għal Mard ta' Lm5.90 fil-ġimgħa. 10.3.99

Benefiċċji Soċjali — Part-timers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għamel s'issa biex jirregola l-qagħda ta' dawk li jaħdmu part-time u li jitilfu l-benefiċċji għax jaħdmu biss xi siegħa inqas fil-ġimgħa mill-ammont ta' sigħat li wieħed irid jaħdem biex jikkwalifika għal ċerti benefiċċji? Ma jaħsibx il-Ministru li l-gvern jieħu miżuri biex jipproteġi lill-part-timers u jbiddel il-liġi jekk hemm bżonn biex ma nħallux iktar loopholes?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ewwel darba li ħaddiema "part-time" ġew intitolati għal porzjon pro rata għal "leave" b'vaganza, "leave" għall-mard, "leave" għal twelid ta' tarbija, "leave" b'luttu, "leave" għal żwieġ u "leave" għal korriment kien f'April permezz ta' A.L. 61 ta' 1996. Dan il-"leave" għal "part-timers" hu marbut bil-kundizzjoni li l-impjieg "part-time" ikun l-impjieg prinċipali u li l-għad ta' sigħat tax-xogħol ma jkunx inqas minn għoxrin siegħa. Qed inżomm konsultazzjonijiet, permess ta' l-uffiċjali tiegħi, ma' l-imseħbin soċjali kollha, sabiex fejn hu possibbli, jitjiebu r-relazzjonijiet bejn il-ħaddiema u min iħaddem, speċjalment fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. 10.3.99

Impjiegi — Inċidenti fuq il-post tax-xogħol

Question

Fid-dawl ta' l-inċidenti koroħ fejn qed imutu jew ikorru ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol u li qegħdin ta' spiss jiġru fl-industrija tal-bini, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Health and Safety Unit tul l-1998? Jista' l-Ministru jgħidilna jekk il-pulizija ħaditx passi kontra xi kuntratturi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-korrimenti fuq il-lant tax-xogħol ma jiġrux biss wara nuqqas ta' ħarsien tar-regolamenti li jħarsu s-saħħa u sigurta', iżda jiġru wkoll meta bini ma jittellax skond is-sengħa, meta jittella minn nies mhux kwalifikati jew kompetenti biex jibnu, jew inkella meta jitla bini mingħajr is-superviżjoni ta' perit. F'każijiet bħal dawn, l-Ispetturi tas-Saħħa u s-Sigurta' fuq ix-Xogħol ma jkunux jieħdu passi legali. Minħabba n-natura tax-xogħol, iżda l-iktar minħabba n-nuqqas ta' "awareness" f'ħaddiema li jagħmlu dan it-tip ta' xogħol, l-Ispettur tas-Saħħa u s-Sigurta' jagħtu mportanza partikolari lil dan is-settur. Fil-fatt, bħala medja, spezzjoni minn kull sebgħa li jsiru tkun fuq postijiet li fihom ikun qed isir bini jew kostruzzjoni (fl-1998, minn 605 spezzjoni, 81 kienu f'postijiet tali). Waqt dawn l-ispezzjonijiet, l-Ispetturi jieħdu l-opportunita' li jgħallmu lil min ikun qed jaħden b'mod perikoluż. Spetturi jqassmu wkoll kopji b'xejn tal-Kodiċi tal-Prattika għall-Industrija tal-Bini u tal-Kostruzzjoni, maħruġ fl-1997 mill-Kummissjoni għall-Promozzjoni tas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol; ta' min jirrimarka illi l-abbozz ta' dan il-Kodiċi sar minn Spettur tal-"Occupational Health and Safety Unit". Wieħed irid jirrimarka illi meta nċident jirriżulta f'xi fatalita jew f'xi korriment serju, issir investigazzjoni mill-"Occupational Health and Safety Unit", waqt li nvarjabbilment tinfetaħ Inkjesta Maġisterjali. Bħal ma' diga' ntqal f'risposti għal domandi parlamentari oħra, hija fid-diskrezzjoni tal-Maġistrat Nkwirenti jekk isejjaħx fl-Inkjesta lill-Ispetturi tas-Saħħa u s-Sigurta'. Id-Dipartiment tax-Xogħol m'għandux statistika dwar in-numru totali ta' każijiet imressqa l-Qorti mill-Pulizija. 10.3.99

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar minn Settembru 'l hawn: (i) kemm saru talbiet ġodda għall-akkomodazzjoni alternattiva u kif inhuma kategorizzati; (ii) kemm ġew allokati djar mid-dipartiment u kemm minnhom kienu rikonoxximent ta' kera u kemm bdil; u (iii) kemm djar abitabbli ġew f'idejn id-dipartiment fl-aħħar ta' kull xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 10.3.99

Ministeru tas-Sigurta' Soċjali — Infiq ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fl-uffiċini tal-Ministeru biex jiġu rranġati mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jista' l-Ministru jagħti rendikont itemized dwar l-flus li ntnefqu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-5 ta' Settembru 1998 sat-28 ta' Frar 1999, intefqet is-somma ta' Lm987 f'"maintenance" fl-uffiċini tal-Ministeru għall-Politika Soċjali. B'referenza għat-tieni parti tal-Mistoqsija, sakemm ma ningħatax raġuni valida 'għala qed jintalab, ma nara l-ebda skop li jingħata r-"rendikont itemised". 9.3.99
Leg 9 PQ #5094 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti Tqal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bniet li ħarġu tqal fiż-żmien li kienu għadhom qed jattendu l-iskola s-sena li għaddiet? X'kienu l-etajiet tagħhom? Dawn it-tfal jingħataw xi counselling mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istatistika tindika n-numru ta' dawk it-tfajliet tqal li attendew l-iSchoolgirl Mother's Unit u għalhekk ma tistax tiġi eskluża l-possibilita' li seta' kien hemm tfajliet tqal li m'għamlux użu mill-programm. Statistika eżatta tista' tittieħed biss mir-Reġistru Pubbliku. Sena Taħti is-16-il Fuq is-16-il Total Skolastika sena sena 1997-1998 42 31 73 1998-99(to date) 14 25 39 Meta tfajla taħt is-sittax-il sena tinqabad tqila, tingħata l-ewwel għajnuna permezz ta' counselling, mill-guidance teacher u mill-iSchool Counsellor ta' l-iskola stess. Meta tiġi rriferuta u tibda tattendi l-iSchoolgirl Mother's Unit tibda tingħata Counselling regolari mill-iSchoolgirl Mother's Unit. It-tfajla tingħata wkoll tagħrif u tagħlim dwar is-sitwazzjoni ġdida tagħha minn żewġ guidance teachers li jmexxu l-programm fil-Unit. Il-counselling jibqa' jingħata lit-tfajla anki wara t-twelid tat-tarbija, sakemm it-tfajla tibqa' titolbu. Meta tfajla żagħżugħa tinqabad tqila barra ż-żwieġ, jistgħu jinqalgħu problemi mhux biss għat-tfajla iżda wkoll għall-familjari tagħha. Għalhekk, l-iSchoolgirl Mother's Unit joffri counselling mhux biss lit-tfajla iżda wkoll lill-familja tagħha, kull meta dan jiġi mitlub.
Leg 9 PQ #5095 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ksur ta' regolamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' nies li ttellgħu l-qorti fl-1998 talli kisru l-ischool attendance laws?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' ġenituri, li matul is-sena 1998, ittellgħu l-Qorti talli naqsu milli jibgħatu l-uliedhom l-iskola kien ta' 3916. Il-Ministeru qed jieħu inizjattivi biex id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tkun f'pożizzjoni aħjar li tassigura l-attendenza regolari tat-tfal kollha fl-iskola.
Leg 9 PQ #5096 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet ta' tfal li jibqgħu unaccounted for, tfal li jkunu reġistrati ġo skola imma li l-iskola titlef kuntratt magħhom u mal-ġenituri tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-każijiet li fuqhom qed taħdem is-Sezzjoni Welfare huma kollha 'accounted for', għajr tlett itfal li fuqhom hemm kuntatt mal-pulizija.
Leg 9 PQ #5097 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studentii

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri jieħu d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni biex jiżgura li kull tifel u tifla jkunu reġistrati ġo skola biex ikun ċert li ma jkunx hemm tfal li jitħallew barra kompletament mis-sistema edukattiva tagħna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-materja diġa' hi regolat dettaljatament mill-liġi. Meta s-Social Workers jiltaqgħu ma xi każ bħal dak imsemmi mill-Onor. Membru, jużaw metodi skond il-proċeduri tas-Social Work biex dawn it-tfal jattendu l-iskola.
Leg 9 PQ #5098 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Update report

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wassal lill-Unjoni Ewropea fl-update report biex tikkummenta fin-negattiv dwar il-korsijiet tad-dentistrija, mediċina u l-kors tal-midwives? Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex niżguraw li l-Unjoni Ewropea taċċetta li dawn il-korsijiet huma fil-fatt konformi mas-sistema edukattiva Ewropea billi huma bażati fuq is-sistema Ingliża?

Response (GALEA, LOUIS)

L-opinjoni hi fuq it-training tal-Family Practitioners (GPs) u mhux fuq il-Kors tal-Mediċina in ġenerali. Ħadd ma żar l-Iskola Medika jew l-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa. Jiena fiduċjuż li meta jiġi l-waqt u jsiru l-visit uffiċjali, l-esperti kompetenti jkunu aktar sodisfatti bil-livelli kif inhuma l-Bordijiet kompetenti Ingliżi, Norveġiżi u oħrajn. Ma nafx x'inhi r-raġuni għaliex l-Unjoni Ewropea fl-update report tikkummenta fin-negattiv dwar il-kors tal-midwives. Il-Korsijiet ta' Diploma u Degree jikkonformaw ma' direttivi ta' taħriġ neċessarju għall-midwives fl-Unjoni Ewropea. Id-Direttivi emendati għat-taħriġ tal-midwives 89/504/EU huma inkorporati fil-'aims and learning outcomes' ta' kull komponent tal-kors.
Leg 9 PQ #5035 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd — Infiq ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fl-uffiċini tal-Ministeru biex jiġu rranġati mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jista' l-Ministru jagħti rendikont itemized dwar l-flus li ntnefqu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 4683. Sakemm ma ninagħtax raġuni valida 'l-għala qed jintalab, ma nara l-ebda skop li jinagħta r-'rendikont itemized' mitlub fit-tieni parti tal-mistoqsija.
Leg 9 PQ #5036 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru tas-Saħħa

Ministeru tas-Saħħa — Infiq ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fl-uffiċini tal-Ministeru biex jiġu rranġati mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jista' l-Ministru jagħti rendikont itemized dwar l-flus li ntnefqu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ngħid lill-Onor. Interpellant li mill-5 ta' Settembru 1998 sa llum ma ntefqux flus fl-irranġar ta' l-uffiċini tal-Ministeru. L-uniku xogħol li qed isir bħalissa hu xogħol ta' restawr fit-taraġ u l-indana prinċipali, liema xogħol qed isir mill-istudenti ta' l-iskola Ġilormu Cassar.

Impjiegi — CSA's

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3370, jista' l-Ministru jgħidilna fuq liema kriterju huwa ġudikat il-kompatibilita' mal-klijent ladarba l-klijent u CSA ma jkunux għadhom iltaqgħu? Jista' l-Ministru jelenka minn liema lokalita' ġejjin is-CSA's ġodda u f'liema lokalita' tal-komunita' qegħdin jaħdmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mir-risposta mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari 3370, b'kompatibilita' wieħed jifhem illi meta s-supervisors ikollhom bżonn xi Casual Social Assistant, dawn jgħidulhom jiġu fl-uffiċċju biex jaraw id-dispożizzjonijiet tagħhom inkwantu ta' karattru, jekk persuna tkunx verament kapaċi tkampa mall-problema ta' l-anzjani (nervi, burdati, eċċ.) In-nies imsemmija fl-istess mistoqsija ġejjin minn dawn il-lokalitajiet: Mġarr, Swieqi, Kalkara, B'Kara, Ħamrun, San Ġwann, Naxxar, Żejtun, Attard, Qormi, Fgura. Mqabba, Gżira, Marsa, Sliema, Paola, Żebbuġ, Lija, St Paul's Bay, Sta. Venera, Balzan, Cospicua. 8.3.99

SWDP — Servizz ta' Helpline

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn meta ġie ntrodott is-servizz fejn hemm linja pprovduta mill-SWDP għat-tfal li jsofru minn xi abbuż: (i) kemm tfal għamlu użu minn dan is-servizz; (ii) kemm minn dawn it-tfal ġew identifikati; (iii) kemm minn dawn il-phone-ins kienu jirrikjedu follow-up; u (iv) bħala riżultat ta' din l-inizjattiva kemm tressqu nies il-qorti mixlijin b'abbuż ta' tfal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

(i) Il-Mistoqsija qiegħda tirreferi għas-servizz Supportline 179 li mhuwiex miftuħ biss għat-tfal abbużati, iżda għal nisa msawta wkoll u għal individwi u familji bi problemi oħra. Minn mindu beda jopera s-Supportline 179 f'Jannar ta' l-1996 sa tmiem is-sena 1998, kien hemm dawn it-telefonati minn tfal u adulti dwar tfal abbużati. Sena Tfal li ċemplu Adulti li ċemplu Total ta'telefonati dwar abbuż tat-tfal dwar abbuż tat-tfal mit-tfal stess fuq problemi varji 1996 m'għandniex m'għandniex 169 statistika statistika 1997 48 240 1149 1998 44 256 1605 Nota: dawn iċ-ċifri huma ta' telefonati, u mhux ta' każijiet separati Fl-1996 ma kienx jinżamm tagħrif dwar jekk min ċempel kienx minuri jew adult. It-tfal li jċemplu lis-Supportline 179 iċemplu għal raġunijiet differenti, fosthom: abbuż minn adulti, problemi mal-ġenituri, problemi mal-ħbieb, problemi fl-iskola, eżamijiet u homework, biża (ez biża mid-dlam), etc. L-istatistika t'hawn fuq tindika biss in-numru ta' telefonati u mhux in-numru tal-każijiet għaliex f'ċertu każijiet il-persuna tista' tkun ċemplet aktar minn darba waħda. Għalhekk dawn m'għandhomx jittieħdu bħala każijiet separati. (ii) Mhijiex il-proċedura tas-Supportline 179 li jiġi ndentifikat min iċempel, billi dan is-servizz jassigura kunfidenzjalita' u anonimita' lil min iċempel. Għalhekk, sakemm il-persuna stess ma tindikax li trid tirreferi lilha nnifisha, minn iċempel ma jittiħdulux dettalji personali. (iii) Min iċempel lis-Supportline 179 jkollu l-opportunita' li (a) jikseb tagħrif sabiex ikun jista' jċempel lis-servizz li hu marbut l-aktar mat-tip ta' problema li għandu, jew li (b) jgħaddi tagħrif lis-Supportline 179 sabiex jiġi riferut mill-SWDP lil servizz xieraq. Fil-każ ta' abbuż ta' tfal, meta xi ħadd iċempel dwar abbuż ta' tfal, is-Supportline 179 iżomm it-tagħrif kollu li jingħata. Dan it-tagħrif jingħata lit-Taqsima Ħarsiem tat-Tfal ta' l-SWDP sabiex tinvestiga. Mill-1996 sa' Diċembru ta' l-1998 is-Supportline għadda 207 każijiet differenti lit-Taqsima Ħarsien tat-Tfal (32 fl-1996, 95 fl-1997, u 80 fl-1998). Minn dawn il-207 każ ta' abbuż ta' tfal riferuti mis-Supportline, 22 (11%) ma setgħux jiġu nvestigati għaliex it-tagħrif li ngħata minn min ċempel ma kienx biżżejjed biex it-tfal jiġu ddentifikati. Dan il-persentaġġ (22%) ta' każijiet riferuti mis-Supportline li ma setgħux jiġu ddentifikati huwa għola mill-persentaġġ ta' 3% ta' każijiet ta' abbuż ta' tfal irrappurtati fl-istess żmien minn persuni li ċemplu direttament lit-Taqsima Ħarsien tat-Tfal (Total ta' 1,17). (iv) Ma tinżammx statistika dwar kemm eżattament kien hemm każijiet - fost il-każijiet kollha ta' abbuż ta' tfal - fejn dawk li abbużaw mit-tfal fil-fatt spiċċaw biex ittellgħu il-qorti mixlijin b'abbuż ta' tfal. 8.3.99

Djar — Applikazzjonijiet minn single parents

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw single parents għall-housing units tul dawn l-aħħar ħames snin? X'persentaġġ minn dawk li applikaw kull sena ngħataw dar għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li, fil-każ tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, matul l-aħħar ħames snin kien hemm 91 applikazzjoni minn 'single mothers' u 147 minn persuni isseparati bit-tfal, b'kollox 238, li applikaw mad-Dipartiment. Minn dawn ġew allokati 60 li jagħtu figura ta' ftit aktar minn 25%. Fil-każ ta' l-Awtorita' tad-Djar, in-numru ta' 'single parents' li applikaw ma' l-Awtorita' tad-Djar f'dawn l-aħħar ħames snin kien ta' 499. Il-persentaġġ ta' dawk li bbenefikaw għal kull sena hu kif ġej: SENA NUMRU TA' APPLIKAZZJONIJIET % TA' ALLOKAZZJONI MINN ĠENITUR WIEĦED 1995 26 23% 1996 385 12% 1997 71 8% 1998 17 6% TOTAL 499 Dawn il-persentaġġi ta' allokazzjonijiet jinkludu xi każijiet ta' persuni li jkunu rrifjutaw l-allokazzjoni. 8.3.99

Għaqda tal-Pensjonanti — Newsletter

Question

B'riferenza għan-Newsletter "Il-pensjonant Jannar - Marzu 1999" fejn hemm rapportat li l-Għaqda tal-Pensjonanti kienu bagħtu memorandum lil Ministru għall-Politika Soċjali li kienet tinkludi sottomessjonijiet ta' l-għaqda biex jiġu kkonsidrati fit-tfassil tal-budget għas-sena 1999; u fid-dawl tal-fatt li dawn l-istess sottomissjonijiet huma riflessi fil-wegħdi elettorali tal-Partit Nazzjonalista (wegħdi 214, 215, 216, 218, 203, 204 u 205), jista' l-Ministru jgħarrafna għaliex il-Gvern Nazzjonalista sab diffikulta' iwettaq il-wegħdiet li kienu għamlu fil-programm elettorali tagħhom għax skond l-istqarrija li ħarġu l-Kunsill ta' l-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti, lanqas waħda mit-talbiet ta' l-għaqda ma ġiet milqugħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li Gvern Nazzjonalista qatt ma sab diffikulta' fit-twettiq tal-wegħdiet tiegħu. Jekk qatt kien hemm prova ta' dan, kienu l-għexieren ta' emendi li Gvernijiet Nazzjonalista ġabu fis-seħħ biex jassiguraw mhux biss it-titjib fil-livell ta' għixien ta' Benefiċċjarji Soċjali, iżda wkoll li jara li jitneħħew ħafna anomaliji li f'ċerti każi kienu qed joħolqu nġustizzja soċjali lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Hu propju fil-qasam tal-pensjonijiet li Gvernijiet Nazzjonalista ħadu passi biex jassiguraw titjib sostanzjali. Jien ċert li l-Onorevoli Interpellant jaqbel miegħi li l-akbar miżura li qatt saret fil-qasam tal-pensjonijiet kienet dik li ġab fis-seħħ Gvern Nazzjonalista fl-1996 li biha estenda il-pensjoni taż-Żewġ Terzi lil kulħadd, inkluż dawk li rtiraw qabel l-1979. L-Onorevoli Interpellant jaf li mmedjatament wara l-elezzjoni ġenerali ta' Settembru '98 ittieħdu passi biex intaffu sostanzjalment il-piż li kien ser ikollhom iġorru l-pensjonanti fil-ħlas ta' miżati fuq mediċini u fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Fl-aħħarnett, infakkar l-Onorevoli Membru li l-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista hu programm għal ħames snin, u mhux għal ftit xhur. 8.3.99
Leg 9 PQ #5029 Sitting 71 1999-03-03 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru tal-Finanzi

Ministeru tal-Finanzi — Infiq ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fl-uffiċini tal-Ministeru biex jiġu rranġati mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jista' l-Ministru jagħti rendikont itemized dwar l-flus li ntnefqu?

Response (DALLI, JOHN)

Mill-5 ta` Settembru, 1998 s`issa ntnefqu Lm5,524 fl-uffiċini tal-Ministeru biex jiġu rranġati.
Leg 9 PQ #5030 Sitting 71 1999-03-03 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Flus minfuqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fl-uffiċini tal-Ministeru biex jiġu rranġati mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jista' l-Ministru jagħti rendikont itemized dwar l-flus li ntnefqu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2650 (Seduta 36). Sakemm ma ningħatax raġuni valida 'l-għala qed jintalab, ma nara l-ebda skop li jingħata r-'rendikont itemized' mitlub fit-tieni parti tal-mistoqsija.