Jista' l-Ministru jiżgura li jkun hawn stock adegwat ta' Tetrabenazine? Din hija mediċina li tintuża fil-kontroll tal-marda tal-Huntington's Chorea, għax dan l-aħħar l-istock ta' dawn il-pilloli fl-ispiżerji tal-Gvern kien vera baxx, għad-detriment tal-familjari ta' dawn il-pazjenti li qed ikollhom joqogħdu jiġru minn spiżerija tal-Gvern għall-oħra biex jinqdew?
Response (DALLI, JOHN)
Id-Dipartiment tas-servizzi ta’ procurement – taqsima tas-saħħa – wasslitlu kunsinna ta’ tliet xhur stokk ta’ din il-medicina fit-12/05/08. Din il-kunsinna, sat-30 ta’ Mejju, tqassmet kollha lill-ispizeriji tas-Servizzi tas-Saħħa. Filwaqt li hu mistenni li dan l-istokk għandu jservi għal tlett xhur, kunsinna oħra ta’ din l-istess mediċina mistennija tasal sa tmiem din il-ġimgħa.
Tista' l-Ministru tara li l-karta ta' l-identita' speċjali tingħata l-importanza mistennija minnha għax ħafna nies li għandhom din il-karta m'humiex jottjenu l-benefiċċji tagħha? Fost l-oħrajn per eżempju, il-karta ta' l-identita' speċjali suppost li tintitola lil min jesibiha biex jinqeda l-ewwel f'diversi postijiet bħalma huma banek, sptarijiet, ċentri tas-saħħa, qorti, postijiet tal-votazzjoni u xi uffiċini tal-gvern. Tista' tara li jitwaħħal avviż f'dawn l-imsemmijin postijiet biex jispeċifika dan id-dritt lil kulmin huwa nteressat sabiex b'hekk inkunu verament qed ngħinu lil nies b'diżabilita' ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-karta ta' l-Identita' Speċjali maħruġa lill-persuni b'diżabilita' mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' tintitola lil dak li jkun għal diversi benefiċċji, inkluż li persuna jkollha prijorita' fl-għoti ta' servizzi minn diversi dipartimenti, entitajiet u kumpanniji.
Ninsab infurmata li din il-prijorita', bħal benefiċċji l-oħra li jgawdi minn għandu Karta ta' l-Identita' Speċjali, tista' ma tingħatax b'mod awtomatiku kif ukoll li tkun marbuta ma' kundizzjonijiet skond id-diskrezzjoni ta' min joffri s-servizz. Minħabba dawn id-diffikultajiet, ma naħsibx li s-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant jista' jitħaddem fil-prattika.
Inżid ngħid li l-benefiċċji offruti lill-persuni li għandhom il-Karta ta' l-Identita' Speċjali huma elenkati fil-ktieb Servizzi u Benefiċċji għal--Persuni b'Diżabilita, li jista jinkiseb mill-Uffiċċju, jew jiġi aċċessat fuq il-Website, tal-Kummissjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29546 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u jgħid min huma r-residenti li joqogħdu fl-ex married quarters ta' Luqa Barracks? Veru li hemm waħda mir-residenzi li hi okkupata minn xi squatters? X'inhi tagħmel l-Housing Authority fil-konfront ta' dawn l-isquatters?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, l-uniku 'barracks' ta' l-Ingliżi f'Ħal-Luqa li llum jikkonsistu f'residenzi, huma dawk tal-Housing Estate ta' Ħal-Farrug. L-estate kollu kien ġie ttrasferit lill-Awtorita' tad-Djar permezz ta' Avviż Legali Nru. 68 ta' l-14 ta' Lulju 1981. Għalhekk, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid min huma r-residenti li joqogħdu fl-ex married quarters ta' Luqa Barracks? Veru li hemm waħda mir-residenzi li hi okkupata minn xi squatters? X'inhi tagħmel l-Housing Authority fil-konfront ta' dawn l-isquatters?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li s-sit indikat mill-Onor. Interpellant mhux amministrat minn xi Dipartiment jew entita' li taqa' taħt id-dekasteru tiegħi.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li bħalissa l-proġetti li ġew fdati lit-taqsima tal-Housing Maintenance and Construction jinsabu taħt investigazzjoni, fejn qed jiġu skrutinizzati minn awditur/i indipendenti? Jekk l-affermattiv, liema proġetti qed jiġu nvestigati bħalissa u għal liema raġuni qed jiġu nvestigati? Kemm ilu għaddej dan il-proċess? Meta huwa maħsub li jkun lest?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li qed isir awditjar intern mid-Direttorat għall-Awditjar Intern u Investigazzjoni dwar proġetti mmexxija mid-Dipartiment indikat, bħal ma jista’ jsir fuq kull Dipartiment ieħor.
Ta min jgħid li, għalkemm ninsab infurmata li r-rapport għadu mhux konkluż, skond l-Att dwar l-Awditjar Intern u Invetigazzjonijiet Finanzjarji, tali rapporti huma strettament kunfidenzjali.
Tista' l-Ministru telenka liema proġetti ta' housing units bniet l-Awtorita' tad-Djar matul dawn l-aħħar 5 snin, sena b'sena ? Kemm kien proġettat li jiswa kull proġett u kemm fil-fatt gie jiswa ie.x'varjazzjonijiet seħħew, jekk seħħew? X'kienet ir-raġuni uffiċjali li ngħatat għal dawn il-varjazzjonijiet? Kemm kien l-ammont ta' units f'kull proġett? Kemm min dawn il-units ingħataw [a] b'kiri, [b] b'kiri sussidjat, [c] b'bejgħ, [d] taħt l-iskema ta' shared ownership?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmata wkoll li l-varjazzjoni fuq il-proġetti kollha kienet ta’ madwar 10% u li r-raġunijiet għall-varjazzjoni jistgħu ikunu diversi u jvarjaw minn proġett għal ieħor. F’kull każ, kull varjazzjoni titħallas wara l-approvazzjoni formali mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Tista' l-Ministru tikkonsidra li l-pazjenti li jbatu bil-marda kronika tal-Fibromyalgia jingħatalhom id-dritt għal disability card, blue sticker u reserved parking quddiem id-djar tagħhom u kif ukoll il-jedd li jikkwalifikaw għal home helpif ikun meħtieġ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-għoti tal-Karta ta’ l-Identita Speċjali mhux marbut ma’ xi mard jew kundizzjoni speċifika iżda din tingħata lill-persuni li għandhom xi forma ta’ diżabilita’. Biex persuna b’diżabilita’ tingħata l-Blue Sticker irid ikollha problemi ta’ mobilita’ skond il-kriterji ndikati fuq il-formola ta’ l-applikazzjoni u fuq il-parir tal-professjonisti tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilita’
Dwar l-għoti tas-servizzi ta’
home help
u
reserved parking
nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministri konċernati.
Jista' l-Ministru jara jekk hux possibbli li pazjenti li jsofru mill-marda kronika tal-Fibromyalgia, jingħataw id-dritt li jibbenefikaw minn mediċini b'xejn maħruġin fuq il-Kartuna s-Safra? Dan peress li din hija marda kronika li tinvolvi teħid ta' mediċini kontinwu, u ta' spiss minħabba l-istess marda l-pazjent jitlef l-impjieg tiegħu u għaldaqstant ma jkunx jaffordja jixtri l-mediċini li jkollu bżonn? Jista' jikkonsidra li lil dawn il-pazjenti jintbagħtilhom it-trasport ta' l-isptar meta jkollom xi appuntament fid-dipartiment ta' l-out patients?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-suggeriment tal-Onor. Interpellant ser jiġi kunsidrat ma talbiet oħra simili. Trasport lejn l-isptar ma jiġix provdut a bażi ta' dijanjożi.
Tista' l-Ministru tara jekk l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, huwiex qed jirċievi l-pensjoni adegwata? Dan għaliex huwa qed isostni li għadu qed jirċievi pensjoni anqas milli dik dovuta lilu.
Response (CRISTINA, DOLORES)
Mill-informazzjoni provduta mill-Onor. Interpellant jidher ċar li l-kontribuzzjonijiet, imħallsa sal 1955 mill-persuna ndikata, ma setgħux jitqiesu għall-skop ta’ pensjoni taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, li originarjament ġie fis-seħħ fl-1956. Qabel l-1956 kienu jitħallsu kontribuzzjonijiet taħt il-Workmen’s Compensation Act, liema Att ma kienx jipprovdi għal skema ta’ pensjoni kontributorja.
Jekk din il-persuna għandha xi diffikulta’ oħra dwar il-pensjoni tagħha, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħtiha parir li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali tal-lokalita’ tagħha, jew iċċempel SPIC fuq numru tat-telephone 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm qed jitħallas il-kuntrattur li qed jopera l-kuntratt tas-sigurta' fl-Isptar Mater Dei ras għal ras kull siegħa servizz?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Kuntrattur li qed jopera l-kuntratt tas-sigurtà fl-Isptar Mater Dei qed jitħallas Lm2.35+VAT kull siegħa għal dan is-Servizz.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-tobba tal-familja li jaħdmu fil-privat, ma jistgħux jordnaw it-test tal-HbA1c, meta dan it-test huwa l-aktar test xjentifikament korrett sabiex isir moniteraġġ tal-pazjenti morda bid-dijabete?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Dan it-test sa issa mhux fil-lista ta' testijiet li jistgħu jiġu ordnati mit-tobba privati.
Jista' l-Ministru jara li jieħu azzjoni dwar l-istat zdingat ta' l-iskola Maria Goretti f'Hal Tarxien? Hemm bżonn li l-ħajt ta' barra l-iskola li qed jaqa' u qiegħed fi stat perikoluż jerġa' jinbena jew jissewwa. Hemm problema kbira ta' ġrieden li jinġabru madwar il-bring in sites biswit l-iskola u fl-għelieqi tal-madwar. Dawn il-ġrieden qed joħolqu problemi għall-iġene tat-tfal ta' l-iskola stess u għar-residenti tal-madwar. Jista' l-Ministru jara li l-ambjent ta' l-iskola jitnaddaf mill-iktar fis possibbli?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni diġa' ħadet il-passi meħtieġa biex jiġi rimedjat l-istat tal-ħajt ta' barra ta' l-iskola. L-iskola tinzamm ukoll fi stat nadif. L-Onor. Membru jaf li l-Kunsill Lokali hu responsabbli għall-bring in sites u l-għelieqi tal-madwar u mhux l-iskola.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-direzzjoni tat-traffiku li tgħaddi minn Triq l-Għaqdiet tal-Ħaddiema u t-toroq tal-madwar inbiddlet diversi drabi għad-detriment ta' ħafna mir-residenti li joqogħdu fiz-zona ta' Għajn Dwieli, Raħal Ġdid?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li t-tibdil fid-direżżjoni tat-traffiku fi Triq Għaqdiet tal-Ħaddiema kien riżultat tat-tibdil fid-direżżjoni tat-traffiku fi Triq Wied Blandun. Dan it-tibdil fid-direżżjoni tat-traffiku fi Triq Wied Blandun kien fuq strużżjonijiet diretti mill-puliżija. Kopja ta’ l-ittra datata 15 ta’ Frar 2007 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Wara li ntlaħaq ftehim bejn il-kunsilli lokali tal-Fgura u ta’ Raħal Ġdid, l-Awtorita’ Dwar it-Trasport u l-Puliżzija, sar it-tibdil fi Triq Għaqdiet tal-Ħaddiema li kien meħtieg sabiex jikkomplimenta t-tibdil fi Triq Wied Blandun. Kopja tal-minuti ta’ laqgħa li saret fit-12 ta’ Ġunju qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Iżda dawn l-arranġamenti kienu maqbula għal perjodu ta’ prova ta’ tlett xhur, liema perjodu sewa bħala prova għas-sistema.
L-Awtorita’ Dwar it-Trasport flimkien mall-puliżija eżzaminat u sar monitoraġġ tas-sistema tat-traffiku w sussegwentement sar qbil li jsiru xi xogħolijiet zgħar ta’
upgrading
fuq ir-roundabout ta’ Wied Blandun sabiex Triq Wied Blandun u Triq Għaqdiet tal-Ħaddiema jerggħu għal li kienu. Dwar dan irid isir qbil ukoll mall-kunsill lokali ta’ Raħal Ġdid u tal-Fgura.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26994 tas-seduta nru. 548 tad-09/07/07 u jgħid: kemm kien hemm każi fejn il-Public Service Commission iddikjarat uffiċjalment li ma kenitx taqbel ma' xi deċiżjoni u cioe' ma xi sentenza li ngħatat mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji mit-twaqqif ta' dan it-tribunal sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li kien hemm 23 każ fejn il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku iddikjarat uffiċjalment li ma kenitx taqbel ma’ xi deċiżjoni u ċioé ma’ xi sentenza li ngħatat mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji. Fi tnejn minn dawn il-każijiet il-Kummissjoni, wara li reġgħet ikkunsidrat il-każ, biddlet l-ewwel deċiżjoni tagħha u qablet mad-deċiżjoni tat-Tribunal.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-siġar taż-żebbuġ li jinsabu f'Wied Dalam, Has-Saptan, Haz-Zabbar, Fgura u Mġarr Malta huma totalment abbandunati? Jista' jgħid meta se jitnaddaf madwarhom qabel jinħarqu u jmutu għax ikun aħjar nieħdu ħsieb dawn is-siġar li jrid snin twal biex jimmaturaw, qabel ma nikkonċentraw biex inħawlu oħrajn ġodda? Id-dipartiment x'inhu jagħmel biex jaħseb għal ilqugħ aħjar ta' l-ilma tax-xita sabiex inkunu nistgħu insaqqu dawn is-siġar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li twaqqaf kumitat sabiex janalizza applikazzjonijiet li saru għal sejħa pubblika sabiex l-immaniġġar ta’ dawn l-imsaġar jgħaddi f’idejn il-privat ħalli jisfrutta aħjar il-potenzjal li għandhom dawn l-imsaġar taż-żebbuġ.
Ir-risponsabbiltà ta’ ilqugħ ta’ ilma taqa’ taħt Ministeru ieħor. Meta l-immaniġġar ta’ l-imsaġar jgħaddi f’idejn il-privat dan jista’ jinvesti fil-ħażna ta’ l-ilma għat-tisqija.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn assistant care workers m'għandhomx l-opportunita' li jsiru health assistants wara ċertu ammont ta' żmien ta' servizz, l-istess bħalma għandhom hospital auxillaries, meta l-assistant care workers qed jagħmlu l-istess tip ta' xogħol bħal health assistant nursing aids? Ma jidhirlux l-Ministru li din hija diskriminazzjoni żejda bejn dawn il-kategoriji differenti ta' ħaddiema?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond il-ftehim li kien iffirmat bejn il-Gvern u l-Unions rispettivi fil-5 ta' Ottubru 1989, kien ġie miftiehem li l-Hospital Auxilliaries biss li jkollhom ħmistax (15) -il sena servizz ikollhom iċ-ċans li jagħmlu ad hoc course ta' tliett xhur biex ikunu jistgħu jsiru Health Assistants.
B'referenza għall-mistoqsijijiet parlamentari 26440 u 26743 jista' l-Ministru jispeċifika kemm hemm educational psychologists impjegati mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni? Jista' jelenka x'inhuma l-funzjonijiet ta' dawn il-professjonisti? Kemm ilhom li ġew ingaġġati u jekk hemmx il-ħsieb li dawn jiżdiedu fiż-żmien qarib? Peress li f'pajjiżi bħall-Amerika ta' fuq huwa stmat li madwar wieħed minn kull ħamest itfal għandu xi forma ta' dyslexia u probabilment hawn Malta u f'pajjiżi oħrajn ir-rata hija pjuttost simili, jista' jgħid jekk hux qed isir screening programme fl-iskejjel primarji tagħna? U dan vis-a-vis tal-fatt li kemm-il darba dawn it-tfal jiġi djanjostikati kmieni, ikun possibli li fil-maġġoranza tagħhom tiġi korretta d-diżabilita' tagħhom u fl-istess ħin żgur u mhux forsi nkunu qegħdin innaqqsu r-rata ta' illtteriżmu li għandna f'pajjiżna.
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-prezent hemm zewġ Psikoloġisti Edukattivi impjegati mad-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni filwaqt li jinxtraw servizzi addizzjonali mill-privat fejn jinħass il-bzonn.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 26744 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u issa ġiet riferuta lilha u ċioe: Fid-dawl tal-fatt li l-allowance tat-tfal naqset (għal raġuni jew oħra) b'madwar 35% matul dawn l-aħħar 10 snin, x'inhu jagħmel l-ministeru sabiex jassigura li dawk il-familji li għandhom aktar minn wild wieħed ma jiġux ntaxxati inġustament bis-surcharge fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u dan fl-ispirtu li din is-surcharge hija maħruġa b'mod lineari, hija taxxa tal-konsum u familji numerużi bilfors jikkonsmaw aktar dawl u ilma? Peress li għandna tnaqqis fir-rata' tal-fertilita', kif jista' l-Gvern jinkoraġġixxi lill-koppji Maltin ikollhom aktar ulied, b'din il-miżura anti-familja?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jidher li minkejja d-diversi stqarrijiet pubbliċi li jien għamilt, inkluż f’din il-Kamra, l-Onor. Interpellant għadu ma fehemx li l-Benefiċċju ta’ l-Enerġija, li ġie mniedi minn dan il-Gvern aktar kmieni din is-sena, qed jiġi kkalkulat fuq id-dħul tal-familja kif ukoll fuq il-konsum tipiku ta’ l-enerġija tal-household, jiġifieri li jieħu in konsiderazzjoni n-numru ta’ persuni, inkluż in-numru ta’ tfal, fil-familja.
Dan biex propju jindirizza l-fatt li familji numerużi jikkunsmaw aktar dawl u ilma u għalhekk ir-rata ta’ dan il-Benefiċċju tkun għola. Inżid ngħid li dawk il-familji li jikkwalifikaw fuq bażi umanitarja, għaliex xi persuna fid-dar issofri minn xi marda jew kundizzjoni li jenħtieġu użu qawwi ta’ dawl jew ilma, ma jaqax fil-kalkolu tal-konsum tipiku għax il-konsum f’dawn il-każijiet ikun ġeneralment għola min-normal.
Fit-tifsil ta’dan il-benefiċċju l-Gvern wera biċ-ċar is-serjeta’ u l-għaqal biex jisgura sostenn lil dawk il-familji li għandhom bżonn. Ta’ min ifakkar li numru ta’ familji eliġibbli għall-benefiċċju ta’ l-enerġija telgħa minn 13,000 għal 30,000 u l-Vot biex ikopri din l-ispiża żdied minn Lm800,000 għal Lm3.3 miljun.