Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huma l-kuntratturi li qegħdin fuq il-lista li tipprovdi l-housing għal min qed jibbenefika minn xi skema biex jirranġa daru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid meta qed jingħataw l-appuntamenti għat-test tal-Bone Density?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-appuntamenti għal-Bone Density qed jingħataw għal Mejju 2000. Ir-raġuni għal dan huwa minħabba dewmien biex issewwew ħsarat tekniċi fil-makna. Qed jinbdew proċeduri biex tkun tista` tinxtara t-tieni makna tal-Bone Density biex b'hekk nagħtu servizz aħjar lill-pazjenti.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10770 jista' l-Ministru jgħid kemm persuni nqatgħu mir-reġistru tal-qgħad xahar b'xahar minn Settembru 'l hawn fil-ħames kategoriji li semma huwa stess fit-tweġiba tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'intqal mill-working group li twaqqaf fi ħdan il-ministeru rigward il-kwalita' ta' arja ħażina mimlija trab tal-ħadid li qed tħammeġ in-Nofs in-Nhar ta' Malta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Waqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 10525 fuq l-istess suġġett, nixtieq inżid li l-kumpanija Ingliża AEA Technology Ltd. tar-Renju Unit ġiet assenjata x-xogħol ta' studju tal-problema bil-għan li jinstab l-oriġini tat-trab iswed.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn żgħażagħ li jaħdmu fid-diversi oqsma ta' l-ekonomija? Tista' din l-informazzjoni tingħata fi breakdown skond: 1) l-eta'; 2) il-gender; u 3) il-marital status?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10235, jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tas-saħħa hux qed jieħu xi miżuri preventivi f'dan ir-rigward? U jekk id-dipartiment tas-saħħa hux qed isegwi/jorganizza xi tip ta' survey f'dan ir-rigward?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Saħħa b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent għaddej bl-istħarrig fuq dan il-każ.
Peress li hemm arranġament bejn iż-żewg dipartimenti fir-rigward ta` monitoraġ, li dan isir mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent u r-riżultati miksuba jiġu mogħdija lil dan id-dipartiment, ma hemmx għalfejn isir xi monitoraġ ieħor.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ikkummissjonax rapport li jistudja modi ta' kif jistgħu jiġu maħluqin opportunitajiet ta' xogħol ġodda għall-ħaddiema Maltin? Jekk iva, min qed iħejji dan ir-rapport?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-eżerċizzju biex jinħolqu opportunitajiet ta' xogħol għall-ħaddiema Maltin hu wieħed kontinwu bil-kontribut ta' bosta organiżżazzjonijiet bħall-MDC, ETC, etc.
Ma ġie kkummissjonat ebda rapport formali fis-sens li qed jgħid l-Onor. Membru.
Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid liema liġijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għandhom bżonn jiġu emendati, miżjuda jew mibdulin kompletament biex ikunu konformi mad-direttivi ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nifhem li l-Onor. Membru qed jirreferi għal tibdil f'leġislazzjoni eżistenti.
Jekk dan huwa l-każ, il-liġijiet jew regolamenti li jkunu jridu jinbidlu huma s-segwenti:
- Conditions of Employment (Regulations) Act. 1952
- Social Security Act 1987
- Industrial Relations Act, 1976
- Occupational Health and Safety (Promotion) Act 1994
- Other Occupational Health & Safety Regulations
Irrid ngħid li peress li l-"iscreening process" ta' dawk il-Kapitli ta' l-"acquis" li l-aktar jolqtu l-Ministeru tiegħi għadhom ma ġewx finaliżżati, jista' jkun li l-lista mogħtija f'din it-Tweġiba m'hijiex waħda finali.
Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' mal-moviment għal persuni b'diżabilita' biex jiddiskuti l-abbozz ta' liġi dwar opportunitajiet indaqs? Dan il-moviment għamel xi rakmandazzjonijiet? Kemm minn dawn ir-rakkmandazzjonijiet intlaqgħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali l-aktar permezz tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ilha mill-1994 tagħmel konsultazzjoni fuq il-Liġi Opportunitajiet Indaqs. Din il-konsultazzjoni saret kemm mill-amministrazzjoni Nazzjonalista kif ukoll mill-amministrazzjoni Laburista. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta' żewġ dokumenti li juru b'mod iddokumentat dan il-proċess ta' konsultazzjoni wiesgħa li huma:
a) Liġi Opportunitajiet Indaqs - Persuni b'Diżabilita' maħruġ mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' fl-1994 u li jittratta konferenza nazzjonali li kienet organizzata dak in-nhar fuq din it-tema.
b) White paper - Att dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilita') - Konsultazzjoni Pubblika li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita fl-1997 u li jagħti rendikont ta' diversi laqgħat ta' konsultazzjoni li l-amministrazzjoni preċedenti kienet għamlet fuq din il-liġi.
Matul dawn is-snin kollha, ħlief għal dawn l-aħħar ġranet, ma kien hemm l-ebda organiżżazzjoni bl-isem ta' Moviment għal Persuni b'Diżabilita' u għalhekk ma kien hemm l-ebda rakkomadazzjoni minn dan il-moviment.
F'dawn l-aħħar ġranet qrajna fil-medja kummenti kritiċi dwar din il-Liġi minn dan il-moviment. Barra minn hekk il-Membri Parlamentari wkoll irċevew din l-istqarrija pero għalkemm din l-istqarrija kien fiha indirizz ma kienx hemm identifikazzjoni tal-persuni li qed imexxu dan il-moviment. L-anqas f'din l-istqarrija ma kien hemm rakkomandazzjonijiet speċifiċi. Il-Ministeru tiegħi kien ikun dispostissmu li jiltaqa' u jiddiskuti kull punt li seta' jressaq dan il-Moviment pero dan il-Moviment għażel li joħroġ il-kritika tiegħu fil-medja, kif kellu kull dritt li jagħmel, biss dan għamlu ħames snin wara li beda dan il-proċess ta' konsultazzjoni mill-aktar wiesgħa u komprensiva. Il-Ministeru xorta għadu dispost li jiltaqa' mal-membri ta' dan il-moviment biex nassiguraw li din il-Liġi tkun ta' l-akbar benefiċċju possibli għall-persuni b'diżabilita' u l-familji tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħal il-Gvern kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin minn: (1) road contributions; (2) driving licences; (3) car licences; (4) regulations tax and VAT on registration; (5) customs duty and VAT on duty; u (6) duty on cars from non EU countries?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-figuri mitluba huma ppublikati fir-Rapport Finanzjarju li jinħareġ kull sena mit-Teżor.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' ma' l-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti mill-5 ta' Settembru 'l hawn u x'kienu d-dati ta' meta ltaqgħu? B'riferenza għar-riżoluzzjoni maħruġa waqt il-konferenza ġenerali annwali ta' l-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fil-budget li jmiss hux se jilqa' t-talba ta' l-għaqda fejn dawn talbu li: "jibdew diskussjonijiet minnufih sabiex pensjonati jieħdu ż-żidied li jistħoqqilhom wara l-ftehim kollettiv għas-Servizz Pubbliku"?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Membru li l-informazzjoni qieghda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti n-numru ta' persuni li nqatgħu mir-reġistru tal-qagħad xahar b'xahar minn Settembru 'l hawn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant m'hijiex ċara u hu mitlub jispeċifika jekk il-persuni li qed isaqsi dwarhom (cioe' dawk li nqatgħu mis-sistema tar-reġistrar - Lapses) humiex:
a) dawk in-nies li nqabbdu jabbużaw peress li kienu qed jaħdmu; jew
b) dawk li ntbagħtu għal intervista biex jaħdmu w m'attendewx; jew
c) dawk li l-Korporazzjoni offrietilhom xi forma ta' taħriġ u m'attendewx; jew
d) dawk li nqatgħu mis-sistema minħabba li naqsu li jirreġistraw; jew
e) dawk li nqatgħu għaliex sabu mpieg.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif tqassmu l-flus tal-Vot 4070 fejn jitqassmu il-flus lil Non Governmental Organisations?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-fondi allokati mill-Ministeru għall-Politika Soċjali lin-Non-Governmental Organisations għas-sena 1999. Din il-lista ġiet ippublikata mill-Ministeru fid-dokument 'Politika Soċjali 1999 - 2000' fil-kuntest tal-inizjattiva msemmija 'Fid-direzzjoni t-tajba'.
Irrid niċċara li dawn il-fondi nħarġu:
(i) mill-ammont allokat fil-Vot 4070 ta' l-Estimi għall-1999 kif ukoll minn xi 'savings' taħt dan il-Vot għas-sena 1998;
(ii) minn ammont mgħoddi lill-Ministeru mill-Ministeru tal-Finanzi mill-Fond tal-Lotteriji.
Il-lista iżda ma tinkludix ammont ieħor ta' Lm200,000 mgħoddija lill-Caritas miż-żewġ Ministeri.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, taħt kull skema fis-seħħ preżentement fl-Awtorita' tad-Djar: (a) kemm applikaw nies taħt skema; (b) kemm ibbenefikaw nies taħt kull skema;(ċ) kemm ġie allokat flus taħt kull skema; u (d) kemm intnefqu flus s'issa taħt kull skema mill-5 ta' Settembru 'l hawn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba taħt items A, B u D.
L-Awtorita' tad-Djar tivvota somma waħda għas-sussidju għall-iskemi tagħha. Fil-fatt għas-sena finanzjara li tkopri l/10/99 - 30/9/2000 is-somma tlaħħaq is-Lm700,000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kummissjoni ġiet maħtura minnu u f'liema oqsma? Min huma l-membri f'dawn il-kummissjonijiet? Kemm qed jitħallsu l-membri tal-kummissjoni għal dan is-servizz? Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti li tlestew minn dawn il-kummissjonijiet? Jekk ir-rapporti ma tlestewx meta se jitlestew u x'materja qed jittrattaw dawn ir-rapporti jew studji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nippreżumi li l-Onor. Membru mhux qed jirreferi għal Kummissjonijiet li jinħatru minn sena għall-oħra skond il-liġi relevanti.
F'dan il-każ, jien ħtart żewġ Kummissjonijiet kif jidher hawn taħt. L-ewwel waħda minn dawn il-Kummissjonijiet inħatret wara deċiżjoni tal-Kabinett.
1. NATIONAL COMMISSION ON WELFARE REFORM
CHAIRPERSON
Mr Anthony Galdes
MEMBERS
Dr Anthony Borg Barthet
Mr Alfred Buhagiar
Mr Mario Cutajar
Profs Emanuel P Delia
Mr Edward R Gatt
Mr Vincent Grech
Ms Natasha Meli
Mr Emanuel Micallef
Mr Maurice Petrocochino
Mr Victor Scicluna
Mr Albert J Tabone
Mr Ray Cachia Zammit
2. NATIONAL COMMISSION ON THE ABUSE OF DRUGS, ALCOHOL AND
OTHER DEPENDENCIES
CHAIRPERSON
Mag. Dr Silvio Meli
MEMBERS
Mr Herbert Agius
Ms Joan Bugeja
Ms Joyce Callus
Dr Marilyn Clark
Dr Anton Grech
Dr Paul Micallef
Dr Richard Muscat
Il-membri ta' dawn il-Kummissjonijiet ma jirċievu l-ebda remunerazzjoni. Dwar is-sottomissjonijiet ta' rapporti, irrid ngħid li l-Kummissjoni Nazzjonali dwar ir-Riforma fil-Welfare għandha tlesti rapport preliminari fi żmien qasir. Ix-xogħol tal-Kummissjoni l-oħra huwa ta' natura kontinwa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern Nazzjonalista għadux qed jiggarantixxi li l-impressed drivers mal-gvern u mal-korporazzjonijiet pubbliċi jsiru mpjegati permanenti ladarba din kienet il-wegħda numru 13 meħuda mill-programm elettorali? Jista' l-Ministru jgħid ma' liema unions iltaqa' mill-5 ta' Settembru'l hawn biex jiddiskuti s-sitwazzjoni ta' l-impressed drivers? X'kien l-eżistu ta'dawn id-diskussjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-Working Group, li ġie appuntat bl-approvazzjoni tal-Prim Ministru, qed ikollu laqgħat ma' Dipartimenti u Korporazzjonijiet tal-Gvern, kif ukoll ma' rappreżentanti tal-ħaddiema Impressed, biex tinstab l-aħjar soluzzjoni.
Jista' l-Viċi Prim MInistru jgħid kemm hawn nies li huma reġistrati bħala gainfully occupied bħalissa? Kemm minn dawn għandhom 'il fuq minn 60 sena? Kemm minn dawn jaħdmu fis-settur pubbliku? Kemm minn dawn jaħdmu fis-settur privat? Minn dawn ta' l-aħħar, kemm hemm li huma self-employed?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il tender ta' valur akbar minn Lm10,000 ġew approvati mill-ministeru matul il-perjodu bejn Jannar u Settembru 1999? Kemm kien il-valur ta' kull tender u lil min ġie awarded?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tagħrif dwar "Tenders" ta' valur aktar minn Lm10,000 li ngħataw mid-Dipartimenti u Organiżżazzjonijiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Politika Soċjali bejn Jannar u Settembru, 1999.