Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #15502 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Trab iswed

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien ir-riżultat ta' l-istħarriġ li kien qed jagħmel id-dipartiment ta' l-ambjent dwar il-każ tat-trab iswed li qed jaqa' fis-south ta' Malta? Jista' jiżgurana li dan it-tniġġiż mhuwiex ta' perikolu għas-saħħa ta' l-abitanti ta' dawn l-akwati? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport, jew ir-riżultat, ta' dan l-istħarriġ? Jaf il-Ministru li minkejja ħafna paroli dwar stħarriġ u studji t-trab iswed għadu qed jaqa' fuqna li ngħixu fis-south ta' Malta? X'miżuri konkreti qed jieħu d-dipartiment ta' l-ambjent biex jitneħħa dan il-periklu għas-saħħa ta' l-abitanti ta' dawn l-inħawi? Min huma l-kumpanniji li telgħu l-qorti dwar ksur tal-liġi fir-rigward tat-trab iswed fin-naħa ta' isfel ta' Malta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari numri 9389, 9881, 9901, 10235, 11096, 11397 u 13939. Ir-rapport ta' l-istħarriġ jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra meta dan jiġi sottomess mill-Konsulenti. Ir-rapport hu mistenni jkun lest għal nofs din is-sena.

Impjiegi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn nies li huma reġistrati bħala gainfully occupied bħalissa? Kemm minn dawn għandhom 'il fuq minn 60 sena? Kemm minn dawn jaħdmu fis-settur pubbliku? Kemm minn dawn jaħdmu fis-settur privat? Minn dawn ta' l-aħħar, kemm hemm li huma self-employed? Tista' din l-informazzjoni tingħata għas-snin 1996, 1997, 1998, 1999 u sa Frar 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Din il-Mistoqsija ser tiġi mwieġba aktar tard minħabba l-volum ta' xogħol li fiha.

Screening tal-liġijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-iscreening dwar il-liġijiet li jidhru hawn taħt huwiex diġa' lest? Jekk huwa lest, jista' jgħid liema klawsoli tal-liġijiet li għadni kif elenkajt iridu jiġu mibdula? Conditions of Employment (Regulations) Act 1952; Social Security Act 1987; Industrial Relations Act, 1976; Occupational Health and Safety (Promotion) Act 1994; Other Occupational Health and Safety Regulations.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nikkonferma li fil-proċess ta' l-'iscreening'ta' Kapitlu 2 (Free Movement of Persons) u Kapitlu 13 (Social Policy and Employment) ta' l-'acquis communautaire' ta' l-Unjoni Ewropeja ġie stabbilit li l-liġijiet lokali ndikati mill-Onor. Membru, ħlief għall-'Industrial Relations Act', 1976, għax ma jeżistux Direttivi dwar dan is-suġġett, jinħtieġ li jsirilhom ċertu tibdil. M'huwiex possibbli, iżda, f'dan l-istadju li jiġu ndikati l-klawsoli partikolari li hemm bżonn li jinbidlu, għalkemm, bħal ma naħseb li jaf l-Onor. Membru, ħlief għal-liġi dwar is-Sigurta' Soċjali, l-Gvern bi ħsiebu jressaq għall-konsiderazzjoni tal-Parlament liġijiet ġodda u mhux emendi tal-liġijiet preżenti. Il-bżonn ta' dan it-tiġdid ilu jinħass u huwa meħtieġ irrispettivament min-negozjati ta' Malta għad-dħul fl-Unjoni Ewropeja.

Korporazzjonijiet — NI

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jaġġorna mistoqsija parlamentari numru 3864 sad-data tal-15 ta' Marzu, 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li għal dak li jikkonċerna l-arretrati ta' kontribuzzjonijiet tat-taxxa tas-Sigurta' Soċjali dovuti minn korporazzjonijiet u kumpaniji li fihom il-Gvern għandu sehem, il-pożizzjoni għadha kif kienet, cioe' l-ammont dovut għadu ta' Lm45,000. Fir-rigward ta' arretrati dovuti minn kumpaniji privati l-ammont dovut issa huwa stmat għall Lm6.1m. Dan hu dovut għall-fatt li, minkejja li nġabru madwar Lm270,000 fl-1999, id-Dipartiment identifika kumpaniji oħra li għalhekk reġgħu għolew ċ-ċifra għall-ammont indikat.

Impjieg — Is-Sur Lawrenti/is-Sur Camilleri

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11897 li saret xahrejn ilu u li sat-2 ta' Frar kienet għadha ma ġietx risposta? F'din id-domanda staqsjet lill-Ministru biex ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta' l-impjieg tas-Sur Robert Lawrenti. Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-letter of resignation tas-Sur Robert Lawrenti jew, jekk hu l-każ, l-ittra tat-termination of contract ta' l-ETC? Jista' jispjega kif is-Sur Lawrenti ħa tliet xhur leave f'sena waħda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B'referenza għal din il-Mistoqsija li dwarha diġa' tajt Tweġiba temporanja fis-Seduta 236, qiegħed issa npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra: (i) kopja tal-kuntratt tax-xogħol tas-Sur Robert Laurenti, bid-data tat-2 ta' Ġunju, 1996; (ii) kopja tal-ftehim tal-24 ta' Novembru, 1999 dwar it-terminazzjoni ta' l-impjieg tas-Sur Laurenti bħala "Chief Executive Officer" tal- Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ; (iii) kopja tal-kuntratt tax-xogħol tas-Sur John Camilleri bid-data effettiva ta' l-10 ta' Ottubru, 1999 li kien iffirmat fit-23 ta' Frar, 2000. B'referenza għall-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onor. Membru li s-Sur Laurenti għamel użu mill-"Vacation Leave" akkumulat.

Impjiegi — Persuni boarded out

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew boarded out persuni u ġew mogħtija pensjoni ta' l-invalidita' matul is-snin 1990 - 1999? Kemm minn dawn il-persuni kienu nisa u rġiel? X'eta' kellhom dawn in-nies?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għandu jara r-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari li ġġib in-numru 10089 fejn kien indikat in-numru tal-persuni li bdew jirċievu pensjoni ta' l-Invalidita' sena b'sena. Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma jżommx statistika ta' l-etajiet li kellhom dawk il-persuni li bdew jirċievu din il-pensjoni.

Djar — Santa Luċija

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14704, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħaddili l-istess informazzjoni b'mod kunfidenzjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Din l-informazzjoni tkun tista' tingħata meta jiġu ffinaliżżati l-kuntratti pubbliċi minħabba l-fatt li dawk li ġew offerti l-allokazzjoni jistgħu ma jkomplux bil-proċeduri għax-xiri.
Leg 9 PQ #14904 Sitting 266 2000-03-20 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Istitut Internazzjonali tal-Ġerentoloġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġie mwaqqaf u meta ġie/se jiġi magħluq l-Istitut Internazzjonali tal-Ġerentoloġija? Għal liema raġuni/raġunijiet ġie magħluq? Hawn ħsieb li dan jerġa' jinfetaħ, u jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita` qatt ma kellha Istitut Internazzjonali tal-Ġerontoloġija. Fil-fatt fl-1988 l-Universita` waqqfet l-Istitut tal-Ġerontoloġija. Informat li f'Lulju 1997 il-Kunsill ta' l-Universita` abolixxa l-Istitut ta' l-Iżvilupp Soċjali, li fi ħdanu kellu l-Istitut tal-Ġerontoloġija, u waqqaf minfloku numru ta' Diviżjonijiet. Fil-fatt id-Diviżjoni tal-Ġerontoloġija saret parti mill-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa u baqgħet taħdem b'mod effettiv minn hemm. Informat ukoll li dan l-aħħar, f'Jannar 2000, is-Senat reġa ikkunsidra t-talba sabiex minflok Diviżjoni, jerġa jiġi msejjaħ Istitut, iżda wara diskussjonijiet twal is-Senat ħass li f'dan l-istadju m'għandux jilqa` din it-talba. Fl-aħħar nett ta' min ifakkar li t-tagħlim tal-Ġerontoloġija ma waqaf qatt u lanqas hemm il-ħsieb li jieqaf. Li tbiddel kien il-qafas amministrattiv minn fejn jingħata dan it-tagħlim.
Leg 9 PQ #14908 Sitting 266 2000-03-20 Oral · Interim From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Eżami tal-B1

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-eżami tal-B1 machine operator li kellu jsir fil-24/25 ta' Frar ma sarx fid-dati stipulati, u meta hemm il-ħsieb li jsir?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni għada qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Djar — Santa Luċija - Lifts

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-pjani li kellu l-gvern preċedenti sabiex jinstalla l-lifts fejn huwa teknikament possibbli, fil-blocks residenzjali ta' Santa Luċija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar ħarġet Skema għall-installar ta' lifts fi blokki/entraturi ta' appartamenti li huma proprjeta' tal-Gvern. Din l-Iskema kienet tapplika għall-lokalitajiet tal-Birgu, Bormla, Floriana, Kalkara, Isla u l-Belt Valletta. Fl-okkażjoni tal-"Gimgħa ta' Persuni b'Diżabilita'" din l-Iskema ġiet estiża għall-blokki/entraturi ta' appartamenti proprjeta' tal-Gvern fil-lokalitajiet kollha ta' Malta u Għawdex fejn tgħix xi persuna li għandha diżabilita' ta' mobilta'. Hu ppjanat li l-quddiem l-Iskema tal-lifts tiġi estiża għall-lokalitajiet oħra f'Malta u Għawdex.

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il familja kkwalifikat għas-susidju fuq l-ilma u d-dawl sena b'sena minn mindu ġie ntrodott dan il-benefiċċju sal-ġurnata tal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-sussidju fuq il-ħlas tal-kera tal-Meter tal-ilma u d-dawl kien ġie introdott fl-1974. Matul is-snin saru ħafna talbiet iżda qatt ma nżammet statistika tagħhom ħlief fl-aħħar snin meta bdew isiru fuq is-sistema komputerizzata. In-numru ta' talbiet aċċettati kien kif jidher hawn taħt: 1995 kien hemm 740 1996 kien hemm 1016 1997 kien hemm 2437 1998 kien hemm 3648 1999 kien hemm 1814 Ta' min iżid li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jagħmel biss l-assessment ta' min japplika għal dan is-sussidju iżda huma l-Korporazzjonijiet konċernati li finalment joħorġu u jagħtu dan is-sussidju.
Leg 9 PQ #14455 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Ambulanzi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14276, filwaqt li napprezza li din tista' tkun problema ta' diffikultajiet legali kbar, jista' l-Ministru jgħid x'passi ntalab jieħu l-importatur? Jekk jirriżulta li dawn l-ambulanzi kienu misruqin, jew kellhom xi partijiet misruqa, x'passi se jieħu d-dipartiment issa ġaladarba diġa' ntnefqu flus il-poplu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

It-tlett ambulanzi waslu Malta b'ċertifikat uffiċjali magħruf bħala Certificate of Permanent Export. Waqt li n-numru tax-`chassis' kien korrett, in-numru tal-magni ma kienx jikkorrespondi. L-importatur kien intalab jibdel il-magni qabel ma jiġu Malta. Waqt li dan għamel hekk, il-numri ġodda tal-magni ma ġewx ikkoreġuti fuq id-dokument formali. L-importatur inżammlu l-pagament sakemm ġab iċ-ċertifikat korrett. Dan i-ċertifikat wasal u ser inpoġġih fuq il-mejda tal-Kamra. Għaldaqstant ma kienx hemm każ ta' serq u lanqas tberbqu flus il-poplu kif allega l-Onor. Interpellant.

Konkubinaġġ

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta beħsiebu l-gvern iwettaq il-wegħda elettorali tiegħu li jgħaddi liġi dwar il-konkubinaġġ? Qed isiru diskussjonijiet mal-Knisja fuq din il-kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li l-kliem 'ligi dwar il-konkubinaġġ' f'din il-Mistoqsija tista' tagħti nterpretazzjoni ħażina ta' dak li ppropona l-Gvern fil-Programm Elettorali tiegħu, tajjeb li nfakkar lill-Onor. Membru dak li ntqal fil-Programm Elettorali u cioe': 'Bla preġudizzju għad-drittijiet u obbliġi li joħorġu minn żwieġ validu, jiġu stabbiliti b'liġi l-obbligi u drittijiet li jitnisslu bejn raġel u mara li jkunu ssieħbu f'koabitazzjoni. B'mod partikolari jitħarsu l-interessi ta' l-ulied li joħorġu minn din ir-relazzjoni. Dawn m'għandhomx ibatu bla bżonn minħabba ċirkostanzi li għalihom huma m'għandhom ebda ħtija. Il-liġi tqis li tħares lil kull persuna minn kull sfruttament.' Naċċerta lill-Onor. Membru li l-Gvern bi ħsiebu jwettaw il-proposti elettorali tiegħu meta jkun il-waqt u li, fejn dan ikun meħtieġ, issir konsultazzjoni mal-partijiet kollha nteressati.

Child abuse

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' child abuse għas-snin 1996, 1997, 1998 u 1999? Kemm persuni ttellgħu l-qorti fuq akkuża ta' child abuse?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Numru ta' każijiet referuti lit-Taqsima għall-Ħarsien tat-Tfal, tal-Programm Ħidma Soċjali fl-1996, 1997, 1998 u 1999: 1996 382 1997 362 1998 348 1999 570 It-Taqsima għall-Ħarsien tat-Tfal ma tressaqx persuna l-Qorti għaliex dan huwa l-Kompitu tal-Puluzija. Għaldaqstant ma għandniex rekord ta' kemm persuni ttellgħu l-Qorti fuq akkuża ta' 'Child Abuse'.
Leg 9 PQ #14302 Sitting 252 2000-02-29 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Accountants/Auditors

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm accountants jew awdituri jew kumpanniji ta'awdituri u accountants li huma reġistrati għal fini tal-liġi tal-VAT? Kemm ħallsu VAT dawn l-accountants is-sena li għaddiet?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta` accountants, awdituri u kumpanniji ta` awdituri u accountants reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT għall-fini tat-taxxa 371. Minn dawn, 145 huma reġistrati bħala persuni eżenti għax id-dħul tagħhom ma jaqbiżx is-Lm6,000 fis-sena. Il-kumplament (226) ħallsu bejniethom is-somma ta` Lm354,956.74 matul l-1999.
Leg 9 PQ #14303 Sitting 252 2000-02-29 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Tobba

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tobba li huma reġistrati għal fini tal-liġi tal-VAT? Kemm kien l-ammont ta' dħul li ddikjaraw bħala medja? Tista' l-informazzjoni tinqasam f'żewġ kategoriji - tobba (family doctors) u tobba (speċjalisti)?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta` tobba reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT għall-fini tat-taxxa hu ta` 617. Sal-15 ta` Jannar 2000 kienu laħqu bgħatu d-denunzja tat-taxxa 464. Il-medja ta` dħul (valur tal-provvista tas-servizzi mogħtija minnhom) li ddikjaraw kien ta` Lm6,873.40. Mhux possibli li l-informazzjoni tinqasam f`żewġ kategoriji - tobba u speċjalisti. Ta` min ifikkar li s-servizz ta` tobba ma fihx VAT fuqu.
Leg 9 PQ #14304 Sitting 252 2000-02-29 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Avukati/Nutara

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm avukati u nutara reġistrati għal fini tal-liġi tal-VAT? Kemm ħallsu VAT dawn l-avukati u nutara s-sena li għaddiet?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta` avukati u nutara reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT għall-fini tat-taxxa hu ta` 433. Sa` Diċembru 1999 kienu laħqu bgħatu d-denunzja tat-taxxa 326. Minn dawn 121 huma reġistrati bħala persuni eżenti għax id-dħul tagħhom ma jaqbiżx is-Lm6,000 fis-sena. Il-kumplament (205) ħallsu bejniethom is-somma ta` Lm148,432.65 matul l-1999.

Kummissjoni għar-riforma tal-welfare — Laqgħat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħat tal-Kummissjoni għar-riforma tal-welfare?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-kumplessita' tal-materja in kwestjoni ma jidhirlix li huwa opportun, f'dan l-istadju, li jixxandru l-minuti tal-laqgħat tal-Kummissjoni għar-Riforma tal-Welfare.