Legislature:
Category:
Reset
Active:

Assistenza Medika

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jelenka għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, kemm nies twaqqfu milli jieħdu l-assistenza medika? Jekk kien hemm żieda fis-sena 2000 fin-numru ta' nies li nqatgħatilhom l-assistenza medika jista' jagħti r-raġunijiet għal dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba u li tista' tinġabar bla ma taffettwa l-proċess tal-ħruġ tal-benefiċċji se tingħata f'xi Seduta oħra.

Santa Luċija — Triq il-Prinjol - Manutenzjoni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16111, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif jista' jkun li filwaqt li qed isostni li l-inkwilini tal-insemmi blokk residenzjali għandhom jinżammu responsabbli mit-tindif ta' l-istess basement meta dan huwa proprjeta' tal-gvern meta prova ċara ta' dan huwa l-avviż li deher fil-gazzetta tal-gvern tat-12/3/93, fejn il-gvern qed jirreklama l-bejgħ ta' l-imsemmi basement units, liema unit ninsab informat li baqgħu ma nbiegħux? Kopja ta' l-imsemmija gazzetta tal-gvern qed tintbagħat separatament.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Impjiegi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn nies li huma reġistrati bħala gainfully occupied bħalissa? Kemm minn dawn għandhom 'il fuq minn 60 sena? Kemm minn dawn jaħdmu fis-settur pubbliku? Kemm minn dawn jaħdmu fis-settur privat? Minn dawn ta' l-aħħar, kemm hemm li huma self-employed? Tista' din l-informazzjoni tingħata għas-snin 1996, 1997, 1998, 1999 u sa Frar 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra minbarra dak dwar impjegati fis-settur pubbliku. Dwar din il-kategorija ta' impjegati nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #17940 Sitting 347 2000-07-14 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agriculture Marketing Board — Chairman

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu s-Sur Robert Laurenti jokkupa l-kariga ta' chairman mal-Agricultural Export Marketing Board? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tiegħu? Jekk fin-negattiv, jista' għall-anqas jgħid x'rimunerazzjoni annwali għandu?

Response (ZAMMIT, NINU)

In-nomina tas-Sur Bobby Laurenti bħala Chairman tal-Agricultural Export Marketing Board għas-snin 1999-2000 ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tat-22 ta' Lulju 1999. Ic-Chairman tal-board għandu onorarja ta' Lm750 fis-sena.
Leg 9 PQ #16966 Sitting 318 2000-06-19 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — International Institute of Gerentology

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra li ntbagħtet lilu mill-Kunsill Nazzjonali ta' l-Anzjani fuq il-każ ta' l-International Institute of Gerentology?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li tajjeb wieħed jippreċiża li d-deċiżjoni, li tpoġġi l-istudji tal-ġerentoloġija bħala diviżjoni fi ħdan l-Institute of Health Care flok f'Istitut apposta, ittieħdet mill-Universita` fi żmien l-Amministrazzjoni preċedenti Laburista, u allura mhi xejn xi deċiżjoni "riċenti" kif indikat fl-ittra tal-Kunsill Nazzjonali ta' l-Anzjani, ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ittra tiegħi tat-2 ta' Ġunju 1999, ittra tal-KNA tas-17 ta' April 2000 u ittra tar-Rettur ta' l-Universita` tad-29 ta' Mejju 2000. Jiena ser nibqa' nsegwi din il-kwestjoni.
Leg 9 PQ #17041 Sitting 318 2000-06-19 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Intern

Santa Luċia — Triq il-Prinjoli

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hux possibli li titneħħa l-fixed point li tħalliet ma' Flats Indipendenza fi Triq il-Prinjoli, Santa Lucia wara li seħħ il-qtil doppju f'dan il-post? Jekk fin-negattiv, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li dan jitneħħa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-fixed point li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tkun tista` titneħħa hekk kif ma jkunx hemm aktar ħtieġa tagħha.

ETC — European Pathways

Question

B'riferenza għal qasam ta' l-edukazzjoni u t-training, liema chapter għadu kif ġie magħluq; u b'riferenza speċifika għal dan il-paragrafu li qed jintbagħat separatament, jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega x'inhu European Pathways? X'inhuma l-prinċipji tal-European Pathways? Jista' jispjega fiex jikkonsisti l-Europass training document?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bid-deċiżjoni tal-Kunsill Nru. 1999/51/EC datata 21.12.98, l-Unjoni Ewropeja ħolqot dokument li jismu 'Europass' li tista' ssejjaħlu 'log book' tat-taħriġ. Il-għan tiegħu hu li meta cittadin ta' pajjiż membru ta' l-Unjoni Ewropeja jagħmel xi taħriġ f'xi pajjiż membru jew partiċipant f'wieħed mill-programmi ta' l-Unjoni Ewropeja, din l-esperjenza tat-taħriġ titniżżel f'dan il-'Europass'. B'hekk dik l-esperjenza tkun irrekordjata u tista' tintuża biex lill-persuna tifthilha l-bibien għal taħriġ ta' livell ogħla jew tgħinha ssib impjieg bis-saħħa ta' dak it-taħriġ.

Digital Video Broadcast

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw liċenzji għad-digital video broadcast? Fuq liema kriterji ntgħażlu min kien eliġibbli għal din il-liċenzja? Kien hemm min applika għal din il-liċenzja u ma ħadhiex? Jekk fl-affermattiv, x'kienet ir-raġuni li min applika ma ngħatax liċenzja? Kien hemm każ fejn il-Ministru l-ewwel ħareġ liċenzja għal access international data networks u wara rtira din l-istess liċenzja? Jekk fl-affermattiv għaliex il-liċenzja ġiet irtirata? Jista' l-Ministru jispjega x'inhi r-raġuni li l-Maltacom u l-Melita Cable, l-ikbar żewġ kumpaniji fit-telekomunikazzjoni, għandhom il-faċilita' fil-liġi l-ġdida li joffru iktar minn servizz wieħed waqt li kumpanniji relattivament żgħar iridu jagħżlu li jew ikunu ISP jew ibiegħu l-computers?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar.

ETC — Computer courses

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk dan l-aħħar l-ETC organizzatx computer courses għal persuni li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol? Fejn saru? Ħarġet sejħa għal kuntratti għal dawn il-korsijiet? Min huwa l-kuntrattur? Kemm swiet kull persuna li marret/qed tmur għal dawn il-korsijiet, u min fejn jipprovjenu dawn il-persuni? X'ġew mgħallma f'dawn il-korsijiet? Kemm damu biex lestew il-korsijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma saru ebda kuntratti mill-ETC għal korsijiet tal-computer. Fl-ambitu tat-tfassil ta' 'National Plan for IT literate workforce' li ġie preżentat fil-Clients Forum f'Marzu 2000, ħarġet l-idea ta' IT Orientation Courses ta' ġurnata. Din l-idea, l-ETC niedet testijiet qabel il-Clients Forum biex ir-riżultati jiġu mogħtija hemm. Għal dan l-iskop intagħżlu tlett gruppi ta' għaxar persuni l-wieħed biex isir dan it-test. Il-persuni ntgħażlu kollha mill-'area' tal-Kottonera fuq kriterji li jafu jaqraw bl-ingliż u jridu jitgħallmu. L-għażla ta' persuni mill-Kottonera saret għax bħalissa l-ETC qed tara għaliex dawk li jirreġistraw għax-xogħol minn din in-naħa ta' Malta jista' jkun li qed isofru minn xi preġudizzju mhux ġustifikat biex isibu mpjieg. It-tlett gruppi kienu: a Żgħażagħ taħt l-24 sena; b Nisa bejn 25 u 50 sena; c Irġiel minn 40 sena 'l fuq; Ir-riżultati miksuba kienu nkoraġġanti ħafna. Peress li n-National Plan for IT lieterat workforce tfassal minn Charles Theuma li huwa direttur tad-ditta Executrain, dan offra li dan it-test isir fid-ditta tiegħu għall-prezz sussidjat ħafna ta' LM 10 kull persuna. Il-prezz kien jinkludi: a Istruzzjoni u taħriġ għall-ġurnata sħiħa ta' 7 siegħat bl-użu ta' computer għal kull perusna; b Instruction Book bl-ingliż ta' 163 faċċata lil kull persuna; c Refreshments u snack ta' nofs inhar; d Assessment individual ta' kull persuna; e Assessur mill-Executrain fl-għażla tal-Kandidati għall-korsijiet. f Faċilita' biex żewġ uffiċjali tal-ETC isegwu u jevalwaw it-tlett korsijiet. Barra minn dan is-Sur Theuma ippreżenta r-riżultati tat-testijiet tiegħu f''presentation' li saret fil-Clients Forum. Barra minn din l-inizjattiva l-ETC qed torganizza korsijeit li jwasslu għall-NCC permezz tal-MITTS.

ETC — Karozzi

Question

Jista' l -Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' karozzi nxtraw liċ-chairman ta' l-ETC u lis-CEO minn din l-ammnistrazzjoni? Kemm ġew jiswew dawn il-karozzi waħda waħda? X'sar mill-karozza li kien juża ċ-chairman qabel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-karozza li nxtrat għaċ-Chairman hija ta' tip Alfa 156, 2.0 TS Ricco, li swiet Lm 9,566. Il-karozza li nxtrat għaċ-Chief Executive hija ta' l-istess mudel u swiet Lm 9,433. Il-karozza li qabel kienet għal-użu taċ-Chairman, issa qed tintuża mis-Senior Manager, Employment Services u mill-Administration ta' l-ETC.

ETC — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk bħalissa hemmx uffiċjal għoli li għandu grad ta' executive jew ogħla fi ħdan l-ETC li bħalissa qed jiġi investigat? Huwa minnu li dan l-uffiċjal bħalissa jinstab sospiż minn fuq dmirijietu? Jekk fl-affermattiv, filwaqt li dan l-uffiċjal jinsab sospiż, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-paga ta' din il-persuna hux xorta qed tinħareġ mill-ETC? X'inhi r-raġuni/raġunijiet għalfejn dan l-impjegat jinsab għaddej dawn il-proċeduri?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħalissa hemm uffiċjal tal-ETC fil-grad ta' Senior Executive li għaddej proċeduri dixxiplinarji skond kif stabbilit fil-ftehim kollettiv. Dawn il-proceduri għadhom ma ntemmux għal kollox. Mhix etika li tingħata l-informazzjoni mitluba.

ETC — FAS Ireland

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument ippreżentat lill-ETC mill-FAS Ireland li jirrigwardja l-employment services?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Saru diversi rapporti mill-FAS tal-Irlanda bħala parti mill-Operations Review, pero ir-rapport finali mill-FAS għadu ma wasalx. M'hemmx il-ħsieb li r-rapport ta' din l-Operations Review jiġi publikat, għalkemm qed jiġi kunsidrat li l-Business Plan li se joħrog minn dan l-eżerċizzju jiġi diskuss fil-Clients Forum tal-ETC li twaqqaf dan l-aħħar.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nies inqatgħu minn fuq ir-reġistru tal-qgħad minħabba dawn ir-raġunijiet li ġejjin? Jista' jagħti din l-informazzjonzi fuq medda ta' ħames snin sa l-aħħar ta' l-1996, 1997, 1998, 1999 u sa l-aħħar ta' Farr 2000: a) dawk in-nies li nqabdu jabbużaw peress li kienu qed jaħdmu; b) dawk li ntbagħtu għal intervista biex jaħdmu u ma attendewx; c) dawk li l-korporazzjoni offritilhom xi forma ta' taħriġ u ma attendewx; d) dawk li nqatgħu mis-sistema minħabba li naqsu li jirreġistraw; u e) dawk li nqatgħu għaliex sabu mpieg?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Din il-Mistoqsija ser tiġi mwieġba aktar tard minħabba li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Santa Luċija — Triq il-Prinjol - Manutenzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min hu responsabbli għall-upkeep tal-basement ta' appartamenti Indipendenza 21 ta' Settembru, Blk A, Triq il-Prinjol, Santa Luċija? Dan il-basement jinsab fi stat mitluq għal kollox b'irwejjaħ jintnu jifgaw lin-nies li jgħixu hemm. Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi biex jitneħħa dan l-inkonvenjent?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-responsabbilta' għaż-żamma ta' indafa ta' dan il-'basement' hija ta' l-istess residenti tal-blokki.

ETC — Reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar figuri ta' dawk li qed jirreġistraw fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet parti tar-reġistru tal-qgħad? Jista' jikkompara dawn in-numri mal-figuri li ħarġu fix-xhur ta' qabel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hawn taħt issib il-figuri tal-persuni li kienu qed jirreġistraw fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet parti tar-reġistru fix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2000. Parti Jannar 2000 Frar 2000 Marzu 2000 L-ewwel Parti (Part 1) 7,987 7,996 7,766 It-tieni Parti (Part 2) 620 607 587 It-tielet Parti (Part 3) 692 741 591 It-tabella ta' hawn fuq turi biċ-ċar li l-figuri tal-qagħad qed jonqsu kemm fuq l-ewwel, it-tieni u tielet parti tar-reġistru. Ta' min jinnota illi nies li jirreġistraw fuq it-tielet parti għandhom xogħol imma qed jirreġistraw biex ifittxu xogħol aħjar.

Is-Sur Robert Laurenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' l-impjegati kollha li jaħdmu fit-taqsima tal-koperattivi? Jista' jgħid liema huma l-impjegati f'kull koperattiva? Jista' jikkonfemra jekk is-Sur Robert Laurenti rtirax u jekk irtira jista' jikkonferma jekk hux qiegħed jieħu pensjoni? Jista' jgħid jekk is-Sur Robert Laurenti huwiex jaħdem f'xi dipartiment jew koperattiva jew aġenzija oħra tal-gvern li taqa' taħt ir-responsabbilta' tiegħu? Jista' jgħid jekk wara li s-Sur Laurenti ffirma l-contract of termination għandux dritt jirreġistra bħala unemployed? Jista' jgħid jekk is-Sur Laurenti hux qed jirreġistra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-Uffiċċju tal-Koperattivi hemm jaħdmu dawn l-impjegati: 1. Is-Sinjura Josephine Agius 2. Is-Sinjorina Marcelle Azzopardi 3. Is-Sur Joseph Casha 4. Is-Sur Vince Fabri 5. Is-Sur Francis Galea 6. Is-Sinjorina Michelle Mamo 7. Is-Sur Emanuel Zahra Fir-rigward għat-tieni parti tal-Mistoqsija, diġa' weġibt fid-dettal u m'għandix għalfejn nirrepeti. L-anqas m'għandi għalfejn nagħti dettalji personali ta' l-individwu konċernat.

Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti talbux laqgħa miegħu minn wara l-budget 'l hawn? Jista' jgħid jekk iltaqax ma' din l-għaqda? Jekk iltaqa', x'kienu l-punti diskussi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma nħossx li hi etika li ngħati nformazzjoni dwar min jitlob li jiltaqa' miegħi u aktar u aktar li niżvela xi jkun ġie diskuss.

EU — Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti

Question

La darba l-Kap ta' l-MIC ikkonferma ma' l-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti li jekk Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea jkollha timponi VAT fuq ikel u mediċinali (ara paġna 6 tal-newsletter tagħhom numru 158), jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern Nazzjonalista u mod b'partikoari l-Ministeru għall-Politika Soċjali, hux qed jipprepara studju dwar l-impatt soċjali tal-VAT fuq ikel u mediċinali? Jista' jgħid meta l-gvern beħsiebu jimponi VAT fuq l-ikel u mediċinali u kemm se tkun ir-rata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li kuntrarjament għal dak li qal fil-Mistoqsija tiegħu l-Onor. Membru, il-Kap taċ-Ċentru ta' Informazzjoni dwar Malta u l-UE ma' qalx illi jekk Malta tissieħeb fl-UE ikollha timponi VAT fuq ikel u mediċina iżda qal illi, filwaqt li dawn iż-żewġ tipi ta' prodotti huma inklużi bħala taxxabbli taħt id-direttiva ta' l-Unjoni Ewropea, il-pożizzjoni tal-gvern Malti dwar din il-kwistjoni għadha mhix magħrufa.

Djar — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid bejn ix-xhur Diċembru u April, xahar xahar, kemm applikaw nies għal kull skema li hemm fis-seħħ fl-Awtorita' tad-Djar? Kemm ġew approvati applikazzjonijiet taħt kull skema? Kemm tħallsu flus taħt kull skema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.