Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #20353 Sitting 403 2000-10-23 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Smart Card

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn is-Smart Card ta' l-Universita' (li suppost għandha Lm200 f'sussidji fuq il-kotba) tinħareġ fl-aħħar ta' Novembru u mhux fil-bidu tas-sena meta fil-fatt l-istudenti jkunu jridu jixtru l-kotba?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iSmart Card li qed jirrefri għaliha l-Onor. Membru għadha ma bdietx tintuża, minħabba li kien hemm appell mid-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kuntratti, liema appell għadu mhux deċiż. Hemm diffikultajiet prattiċi biex dak li qed jissuġġerixxi l-Onor. Membru jkun jista' jsir. Dan minħabba li l-lista ta' l-istudenti aċċettati mill-Universita` u f'xi każi anke minn xi skejjel Post Sekondarji, ma jkunux finalizzati qabel l-aħħar ġimgħa ta' Settembru (u kultant anke aktar tard) minħabba r-riżultati tar-'resits' u r-'Revision of Papers' ta' l-eżamijiet.

Djar — Akkomodazzjonijiet soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew assenjati postijiet b'kera mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali kif ukoll mill-Housing Authority (separatament) lill-persuni b'diżabilita', taħt l-amministrazzjoni Laburista preċedenti kif ukoll taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista preżenti sal-ġurnata tal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

KNDP — Membri

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 19927, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet tax-xogħol taċ-chairman kif ukoll tas-segretarju tal-KNDP, kif inhuma stipulati fil-kuntratt li huma ffirmaw mas-segretarjat tal-kummissjoni? Jista' jpoġġi kopja tal-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol taċ-Chairman tal-KNPD bħala impjegat full-time mal-Kummissjoni huma: 1. paga ta' grad 4 fis-servizz ċivili; 2. karozza bl-ispejjeż inklużi; 3. ħlas tat-telefon tad-dar (esklużi telefonati għal barra minn Malta); 4. mobile phone. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tad-Direttur Eżekuttiv tal-KNPD bħala mpjegat full-time mal-Kummissjoni huma: 1. paga ta' grad 5 fis-servizz ċivili; 2. performance bonus sa massimu ta' 10 fil-mija; 3. karozza bl-ispejjeż inklużi; 4. ħlas tat-telefon tad-dar (esklużi telefonati għal barra minn Malta); 5. mobile phone. Dawn il-Kundizzjonijiet ġew stabbiliti qabel ma' daħal fis-seħħ l-Att dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilita'). Bħalissa qed isiru diskussjonijiet biex il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' dawn il-persuni jiġu formaliżżati permezz ta' kuntratti ta' tlett snin.

Impjiegi — Reklamar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw permessi għar-reklamar ta' mpjiegi fil-korpi parastatali u liema korpi kienu mill-5 ta' Settembru 'l hawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-5 ta' Settembru 2000 l'hawn ingħataw 31 permess għar-reklamar ta' mpjiegi f'dawn il-korpi parastatali: KORPI PARASTATALI NUMRI TA' PERMESSI Sedqa 1 St James Cavalier 5 Malta Financial Services Centre 3 Malta Tourism Authority 3 Malta Maritime Authority 1 Mobisle 4 Terranet 1 MSA 1 Balzan Local Council 1 MITTS 2 Malta Council for Science & Technology 1 Grand Hotel Mercure 1 Central Bank of Malta 1 Datastream 1 ICPLS 1 Water Services Corporation 1 Air Malta 1 Maltacom 1 MIMCOL 1

Ministeru għall-Politika Soċjali — Staff complement

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu l-istaff complement tal-ministeru tiegħu? Kemm ġew impjegati nies minn barra? Kemm ġew sekondati minn kumpanniji parastatali u liema kumpanniji huma? Kemm kienu ttrasferiti minn ħdan dipartimenti oħra tal-gvern? Kemm ingħataw transfers lill-individwi li kienu jaħdmu fid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu u llum jaħdmu ġo dipartimenti oħra li ma jaqgħux taħt il-Ministeru tal-Politika Soċjali jew sempliċement ġew trasferiti minn sezzjoni għal oħra fl-istess dipartiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Konsulenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm konsulenti fil-minsiteru tiegħu? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt tagħhom? Jista' jgħid x'inhuma t-terms of reference tagħhom? Jista' jagħti job description ta' kull wieħed minnhom? Fejn ġew ikkummissjonati rapporti minn dawn il-konsulenti, jista' jpoġġi dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Health and Safety Unit — Spetturi

Question

Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-ispetturi li jaħdmu fi ħdan il-health and safety unit u dawk li jaħdmu fi ħdan id-dipartiment industrijali u mpjiegi, għandhomx xi forma ta' insurance għalihom u għall-familji tagħhom? Jekk iva, x'forma ta' insurance hija? Jekk hemm xi spetturi li jaħdmu mad-dipartiment għall-impjiegi u relazzjoni industrijali (ex-dipartiment tax-xogħol) li m'humiex inxurjati, jista' l-Viċi Prim Ministru jara li dawn l-ispetturi jingħatalhom dan il-jedd bħal sħabhom tal-health and safety unit?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-ispetturi ndikati fil-Mistoqsija huma assigurati taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali bħalma huma l-impjegati kollha fis-Servizz Ċivili.

Impjiegi

Question

Fix-xhur fejn hemm tnaqqis fir-rata tal-qgħad, jista' l-Viċi Prim-Ministru jgħid x'kull każ kemm kien hemm placements totali xhar b' xhar u kemm minn dawn il-placements kienu ta' natura part-time jew każwali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Impjiegi

Question

Jista' l-Viċi Prim-Ministru jgħid kemm saru strike-offs minn fuq ir-reġistru tax-xogħol matul dawn l-aħħar 6 xhur (xhar b' xhar) ? Kemm mill-istrike offs li saru ġew re-instated (cioe' reġgħu bdew jirreġistraw) fix-xhur ta' wara? X'kienu r-raġunijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Impjiegi

Question

Jista' l-Viċi Prim-Ministru jgħid kemm saru strike-offs minn fuq ir-reġistru tax-xogħol matul dawn l-aħħar 6 xhur (xhar b' xhar) ? Kemm mill-istrike offs li saru ġew re-instated (cioe' reġgħu bdew jirreġistraw) fix-xhur ta' wara? X'kienu r-raġunijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Impjiegi — Occupational Health & Safety Unit

Question

Jista' l-Viċi Prim-Ministru jgħid min huwa l-espert li ġie ngaġġat fi ħdan l-Occupational Health and Safety Unit? Kif u fejn saret is-sejħa għal dan il-post u meta? X'inhuma l-kondizzjonijiet tax-xogħol tiegħu, inkluż pagi, karozza eċċ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li Dr Noel Vella ġie ngaġġat bħala konsulent mat-Taqsima ta' l-Occupational Health and Safety fid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg wara sejħa għall-applikazzjonijiet ippubblikata fil-Gażżetta tal-Gvern tat-2 ta' Ġunju 2000. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol huma limitati għal salarju fuq skala 4 ta' l-impjegati tal-Gvern.

DHS — Allowances

Question

Jista' l-Viċi Prim-Ministru jgħid għaliex fl-ispettorat tal-DHS mhux kulħadd igawdi mill-istess tipi ta' allowance eg. clothing allowance?. L-ispetturi huma ntitolati li titħalsilhom l-insurance tal-vettura tagħhom u l-liċenzi biex jidħlu l-Belt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-allowance li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant jingħata biss lil dawk l-ispetturi li jagħmlu xogħol regolari ta' spezzjonijiet barra mill-uffiċċju. Spetturi oħra li jagħmlu biss spezzjonijiet okkażjonali ma jingħatawx din l-allowance. L-ispetturi m'humiex intitolati li titħallsilhom l-insurance tal-vettura tagħhom jew il-liċenzja biex jidħlu l-Belt.

DHS — Training

Question

Jista' l-Viċi Prim-Ministru jgħid jekk fi ħdan l-DHS qiegħed isir an ongoing training għall-ħaddiema kollha? Jekk iva x'inhuwa il-program strateġiku

Response (GONZI, LAWRENCE)

F'Ottubru tal-1997 imbeda kors fl-Universita' ta' Malta li jwassal għal Diploma Social Studies (Occupational Health and Safety), li kien sponsorjat kollu kemm hu mill-Gvern. Għal dan il-kors kellhom jattendu dawk li kienu ġew ingaġġati bħala 'Trainee Inspectors', u li kienet kundizzjoni fil-kuntratt ta' l-ingaġġ illi biex jilħqu Spetturi riedu jattendu din id-Diploma. Barra minn hekk, dawk il-persuni li diġa' kellhom il-grad ta' Spettur kienu mħeġġa jattendu għal dan l-istess kors, tant li ddeċidew li jattendu għalih l-iSpetturi kollha barra wieħed. Tnejn mill-iSpetturi fil-preżent ukoll qegħdin jipparteċipaw f'kors ieħor Universitarju li jwassal għal B.A.(Hons.) Social Administration. Il-membri l-oħra kollha ta' l-staff tekniku huma kollħa gradwati b'postgraduate qualifications fil-materja. Uħud minn dawn ukoll attendew għal korsijiet qosra tekniċi speċjaliżżati barra minn Malta, inkluż kors organiżżat mill-International Atomic Energy Association. L-iStaff klerikali intbagħtu matul iż-żmien għal korsijiet relatati ma' office management, li kienu organiżżat mill-iStaff Development Organisation. Qegħdin isiru diskussjonijiet ma' organiżżazzjoni barranija biex jibdew ikunu organiżżati korsijiet tekniċi hawn Malta li jkunu miftuħin mhux biss għal l-iSpetturi iżda wkoll għal persuni li jkunu qegħdin jagħmlu xogħol relatati mas-suġġett f'ażjendi privati.

Skola ta' l-Ispettorat — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx postijiet vakanti fl-iskola ta' l-ispettorat? Jekk fl-affermattiv, għaliex mhux mimlijin? Għaliex l-ispetturi fi ħdan l-DHS (occupational health and safety unit) għadhom ma natgħux promozzjonijiet u għadhom jitqiesu bħala health inspectors?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Wieħed irid jiddistingwi bejn persuna li huwa appuntat bħala Spettur għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol skond l-Att Numru Vll tal-1994, u persuna li għandu l-grad amministrattiv ta' Spettur. Fil-fatt hemm tnax 'il persuna appuntati skond Att Numru Vll, li minnhom disgħa għandhom il-grad amministrattiv ta' Spettur. Saru pjanijiet biex meta tinġieb fis-seħħ il-liġi li ser twaqqaf l-Awtorita' għas-Saħħa jkunu jistgħu jidħlu numru ieħor ta' Spetturi. L-ebda persuna fit-taqsima OHSU m'għandha l-grad ta' Health Inspector.

Impjiegi — Nies maqtugħa mir-reġistru

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew maqtugħa nies mir-reġistrar, xahar b'xahar, matul dawn l-aħħar sitt xhur, x'kienu r-raġunijiet (m'hemmx għalfejn jingħataw individwali iżda jistgħu jinqasmu fi gruppi)? Kemm minn dawk maqtugħa appellaw id-deċiżjoni? X'sar minn dawn il-każi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #19935 Sitting 393 2000-10-13 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Malta Shipbuilding Co Ltd — Chief Executive

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk dak li ġie ikkwotat li qal il-Chief Executive tal-Malta Shipbuilding Co Ltd, li l-istess kumpanija beħsiebha żżid l-ammont ta' ħaddiema tagħha minn 850 ghal 1,000?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Malta Shipbuilding m'għandha l-ebda ħsieb li timpjega aktar ħaddiema milli għandha llum. Madanakollu, jekk il-produttivita' tat-tarzna titjieb hemm potenzjal li x-xogħol jiżdied u miegħu l-ħaddiema. Għadna l-bogħod ħafna minn din is-sitwazzjoni u dak li qal iċ-Chief Executive għandu jinftiehem fis-sens ta' x'potenzjal jista' jkollhom it-tarznari f'Malta jekk jinbidel il-mod kif dawn joperaw.

Anzjani — Persuni b'diżabbilita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-basement tad-dar ta' l-anzjani ta' Bormla ser jintuża bħala ċentru għal persuni b'dizabilita'? Minn min ser jitmexxa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed tiġi studjata l-possibbilta' li jiġi provdut Servizz ta' Matul il-Jum lill-adulti b'diżabilita' minn units li jkunu parti mill-komunita'. F'dan ir-rigward qed jiġu kkunsidrati diversi siti fosthom dak indikat fil-Mistoqsija.
Leg 9 PQ #19943 Sitting 393 2000-10-13 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel Co Ltd — Impjiegi

Question

Tista il-Ministru tgħid jekk hux minnu li l-persuni li isimhom qed jintbagħat separatament ser jiddaħħlu jaħdmu mal-Gozo Channel Co Ltd?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

M'għandi xejn x'inżid mar­risposta mogħtija għall­Mistoqsija Numru 19931.