Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jingħata xi appointment ġdid fil-communications coordination? Jekk fl-affermattiv, saru sejħiet pubbliċi għal dawn il-postijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-post vakanti ta' Communications Co-ordinator ma' l-Awtorita' dwar is-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol, ninfurmaħ li saret sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet għal dan il-post wara li nħareġ il-permess meħtieġ mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ.
Ninsab infurmat li l-proċess li l-għażla ġie finaliżżat u l-persuna magħżula mistennija tidħol f'din il-kariga wara li tittermina l-perijodu ta' notice fil-post fejn qed taħdem.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm sewa l-post tal-Cash for Cancer Foundation fi G'Mangia li nxtara mill-Ministeru u li huwa intenzjonat biex iservi bħala uffiċini għall-Health and Safety Authority
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 34360 f'Seduta Numru 763.
Qabel ma' tiġi varata skema ġdida fl-ETC, x'tip ta' evalwazzjoni qiegħda ssir, jekk qegħda minn min? Jista' jgħid jekk ġewx varati skemi ġodda mill-aħħar estimi 'l hawn? Jekk fl-affermattiv, x'kienu dawn u x'tip ta' studji seħħu qabel ma ġew varati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull skema li tintroduċi l-ETC issir wara evalwazzjoni u studju tal-'client group' li tkun qed timmira li tilħaq. L-istudji jsiru internament mid-diviżjoni li taħtha taqa' l-iskema. Fl-istudju li jsir jiġi identifikat il-profil tal-parteċipanti, kif dawn jistgħu jiġu megħjuna biex isibu mpjieg u jistax jintlaħaq l-oġġettiv. Issir wkoll evalwazzjoni ta' l-ispiża.
Mill-aħħar estimi 'l hawn, l-ETC varat it-Training and Employment Exposure Scheme li hi mmiratha lejn dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol ta' l-fuq minn erbgħin sena. Qabel l-ETC introduċiet din l-iskema, sar studju ntern dwar dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol u għandhom aktar minn erbgħin sena. Barra l-istudji nterni, sar ukoll studju komparattiv ma' xi jsir f'pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropeja fuq 'activation measures'.
Barra minnhekk il-Korporazzjoni ħadet inizjattivi oħra biex ittaffi n-nuqqas ta' nies bis-sengħa fil-qasam tal-kostruzzjoni. Il-Korporazzjoni għamlet proċess sħiħ biex tipprova ssib nies tas-sengħa minn fost dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol. Wara dan l-eżerċizzju, il-Korporazzjoni nehdiet dawn iż-żewġ traineeships wara konsultazzjoni mal-Federazzjoni tal-Kuntratturi tal-Bini u wara talba għan-nies mingħand employer partikolari.
Il-Korporazzjoni nehdiet traineeships fil-qasam ta' l-informatika wara li kellha informazzjoni mingħand min iħaddem li qed isibha diffiċli biex isibu nies kwalifikati fil-qasam tal-informatika. Wara diversi konsultazzjonijiet ma' min iħaddem, l-ETC ħolqot traineeships f'dan il-qasam biex tissodisfa d-domanda li hawn fis-suq.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet l-inkjesta li kellu jagħmel il-Gvern fuq il-Water Culvert ta' Triq il-Kbira f'Ħaż-Żebbuġ? Jista' jgħid f'liema stadju waslet jew jekk tlestietx? Jekk ingħalqet din l-inkjesta, x'kien ir-riżultat?
Response (GATT, AUSTIN)
L-inkjesta fuq il-Water Culvert ta' Triq il-Kbira, Haz-Zebbug qieghda f'idejn l-Awditur Generali.
Ir-rapport qieghed fi stat avvanzat u kif jitlesta r-rapport mill-konsulent tekniku , l-Awditur Generali jkun jista' jikkonkludih.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm staff bħalissa fl-Awtorita` għas-Saħħa u Siġurta` fuq il-post tax-xogħol? Jista' jelenka l-persuni individwalment bil-grad li għandhom? Jista' l-Ministru jipprovdi dettalji dwar pagi u allowances u fringe benefits oħra li għandhom dawn il-persuni ? Jista' jgħid minn liema job/fejn kien jaħdem kull individwu li s'issa ġie assunt fi ħdan l-Awtorita`?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma l-Kamra f'liema stadju wasal l-Abbozz ta' Liġi li jirregola diversi professjonijiet li primarjament jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Politika Soċjali, bħalma huwa s-social workers u l-psikologi? Jista' jagħti indikazzjoni meta se jitressaq dan l-abbozz?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq l-abbozzi ta' liġi li rrefera għalihom jinsab fi stadju avvanzat.
Huwa ppjanat li dawn l-abbozzi jitressqu quddiem il-Parlament qabel l-aħħar ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-tilwima industrijali li teżisti bejn il-gvern u l-UHM rigward ix-xufiera ta' l-ambulanzi għadha ma' ġietx riżolta wara xahrejn sħaħ? B'riżultat li bis-saħħa ta' din it-tilwima qed ikun hemm ħafna tbatija fuq il-pazjenti infushom, l-istaff tal-casualty, u argumenti bejn ix-xufiera stand-by u x-xufiera tal-ambulanzi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Gvern ma jħossx illi t-talbiet li qegħdin jagħmlu x-xufiera ta’ l-ambulanzi huma ġustifikati.
Il-Ministeru tas-Saħħa qiegħed jagħmel minn kollox biex il-konsegwenzi ta’ l-azzjoni li qegħda tittieħed mix-xufiera ta’ l-ambulanzi jkollha riperkussjonijiet mill-anqas.
Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet il-pittura li hemm fil-kamra tal-konferenza fid-dipartiment (ex-training centre)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-pittura li ġiet ikkommissjonata lill-pittur Anton Kalleja, ninsab infurmat li din ġiet tiswa Lm600. Dan il-prezz jinkludi l-abbozzi li ġew użati f'żewġ White Papers ippubblikati mill-Ministeru għal Politika Soċjali
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-tilwima industrijali li teżisti bejn il-gvern u l-UHM rigward ix-xufiera ta' l-ambulanzi għadha ma' ġietx riżolta wara xahrejn sħaħ? B'riżultat li bis-saħħa ta' din it-tilwima qed ikun hemm ħafna tbatija fuq il-pazjenti infushom, l-istaff tal-casualty, u argumenti bejn ix-xufiera stand-by u x-xufiera tal-ambulanzi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li t-tilwima hija mal-Management & Personnel Office nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel il-gvern sabiex jindirizza l-iżbilanċ kummerċjali li jeżisti bejn Malta u pajjiżi li huma membri sħaħ fl-UE, meta skond l-istess quarterly review tal-bank ċentrali dan l-iżbilanċ qed jikber, sa ma' laħaq il-figura inaċċettabbli li Malta timporta 60% tal-bżonnijiet tagħha mill-UE u tesporta biss 30% tal-prodotti tagħha lejn l-UE?
Response (DALLI, JOHN)
Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant għal dan li ġej:
1. Mhuwiex il-Gvern li jiddeċiedi kif jimxi l-kummerċ, iżda l-privat. Meta fil-passat il-Gvern ipprova jikkontrolla l-kummerċ billi żamm l-importazzjoni minn ċerti pajjiżi, kif ukoll permezz ta' kontrolli oħra, dan xejn ma kellu effett sabiħ fuq l-ekonomija.
2. Ta' min isemmi li parti kbira mill-materjal importat u esportat tirrifletti l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' kumpannija waħda ta' l-elettronika li tesporta ħafna lejn l-Istati Uniti. Jekk jitneħħa l-valur ta' materjal importat u esportat minn din il-kumpanija mit-total globali allura l-pożizzjoni tkun ferm differenti.
3. Ta' min jgħid ukoll li m'għandniex biss inħarsu lejn il-kummerċ fil-prodotti meta nanalizzaw il-pożizzjoni kummerċjali esterna ta' Malta. Niftakru li Malta tiddependi ħafna mill-esportazzjoni ta' servizzi bħalma huma t-turiżmu, servizzi finanzjarji u trasport. Jekk jingħaddu dawn il-figuri allura l-kummerċ ma' l-Ewropa jiżdied sew.
Peress illi l-Ministru kemm-il darba ta' l-assigurazzjoni tiegħu lin-nies tal-Gudja li l-iskola sejjer isirilha l-maintenance li jinħtieġilha, jista' l-Ministru jagħti ħjiel ta' meta dan il-maintenance fuq l-iskola tal-Gudja fil-fatt sejjer isir?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ċertu xogħol bil-fors irid isir meta l-iskola tkun vakata mill-istudenti. Għalhekk ix-xogħol ta' maintenance ser isir fil-vakanzi tas-sajf.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm single parents li qed jirċievu l-SA bħala single parents?
Kemm minnhom qed jaħdmu fuq bażi part-time?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li preżentament hemm 1022 persuna li qed tirċievi Għajnuna Soċjali bħala Ġenitur Singlu.
Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma jżommx statistika dwar l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm households li jirċievu benefiċċju soċjali (SA) fejn il-kap tal-familja mhux ġenitur, per-eżempju iltiema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali "Familja" tfisser persuna waħda, jew iżjed, li fl-opinjoni tad-Direttur tkun qed tgħix bħala familja u għaldaqstant ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika dwar jekk il-kap tal-familja jkunx/tkunx ġenitur jew le.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom ma jsiru hearing acuity tests għall-ħaddiema u testijiet fuq l-ammont ta' ħsejjes li hemm fil-generation section tal-Enemalta?
X'kienu l-aħħar riżultati?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-ħaddiema u l-uffiċċjali kollha li jaħdmu fl-impjant jew li jkinu meħtieġa li jagħmlu xogħol ta' manutenzjoni jew jgħaddu mill-Generation Area, ġew ipprovduti bl-apparat meħtieġ għal kontra l-ħsejjes. Fil-postijiet fejn hu meħtieġ li jintlibes apparat protettiv jeżistu wkoll tabelli kif tesiġi l-liġi. Dawk li jonqsu li jagħmlu dan jiġu mwissija u anke jeħlu multi skond kif stipulat fil-Ftehim Kollettiv.
Sabiex l-operaturi ma jkunux esposti għal ħsejjes bla bżonn, jeżistu sound proof cubicles mal-control panels u f'inħawi oħra. Dawn il-kabini huma komdi u bl-arja kkundizzjonata. Qed isiru diskussjonijiet sabiex isiru Hearing Acuity Tests bil-ħsieb li jsiru programmi bħal dawk eżistenti, jiġifieri Visual Display Unit Eye Tests, Blood Lead Tests, Lung Function Tests, Liver Function Tests, ECG u oħrajn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus u fuq xiex matul din il-leġislatura fuq l-A11 store fl-Enemalta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-istore li qed issir riferenza għalih jaqdi lill-Amministrazzjoni u l-Power Station tal-Marsa, kemm bħala manutenzjoni kif ukoll proġetti kapitali ġodda. Għaldaqstant ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Membru jkun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 33258 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u cioe`: Jista' jgħid min ikun qed joqgħod f'dar residenzjali u jkollu xi forma ta' diżabilita', jista' fl-istess waqt ikollu reserved parking bay quddiem id-dar ta' fejn kien joqgħod oriġinarjament (cioe` fil-lokal fejn kien joqgħod)?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat peress li r-reserved parking bays ma jaqgħux taħt xi dipartiment li jifforma parti mill-Ministeru ta` l-Intern.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal il-każ ta' dawk id-disa nurses li ngħataw promotion uffiċċjali, u li wara diversi snin ġiet irtirata, u saħansitra ġew imġiegħla jroddu lura d-differenza fil-pagi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-Enrolled Nurses li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant ġew mitluba mid-Diviżjoni tas-Saħħa biex jagħtu l-kunsens tagħhom sabiex jirrifondu s-somma ta' flus li kienu tħallsu żejda. Dawk il-persuni li ma jagħmlux hekk ser jittieħdu passi ġudizzjarji kontra tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid min ikun qed joqgħod f'dar residenzjali u jkollu xi forma ta' diżabilita', jista' fl-istess waqt ikollu reserved parking bay quddiem id-dar ta' fejn kien joqgħod oriġinarjament (cioe, fil-lokal fejn kien joqgħod)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għall-PQ 32708 jista' l-Ministru jgħid jekk l-item road contruction works tinkludiex fiha l-ispejjeż minfuqa fl-asfaltar tal-first course u l-wearing course ukoll?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-item road construction works tinkludi fiha l-ispejjeż tax-xogħol li sar, jiġifieri Base Course.
Vera li wara li ngħata t-tarmac fil-parti ta' Żabbar road li qed tiġi rranġata, issa ser ikollu jerġa' jinqala' minħabba li jrid jiġi mgħoddi main min Carmel street, Fgura għal Cospicua road, Fgura?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li meta saru l-ewwel laqgħat għat-twettieq ta' Hompesh Road l-entitajiet kollha għaddew it-talbiet tagħhom għas-servizzi lid-Dirretorat u ma kien hemm l-ebda ndikazzjoni li jrid isir xi main fil-lokalita' msemmija.
Waqt ix-xogħol id-Dirretorat għat-Toroq ġie nfurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ iddeċieda li jagħmel crossing tad-drenaġġ min-naħa għall-oħra tat-triq u fil-fatt qabbad kuntrattur tiegħu sabiex iwettaq dan ix-xogħol. Irriżulta illi peress li ltaqgħu ma' kwantita' ta' cables u servizzi oħra f'din il-lokalita' il-crossing ma setax jitqiegħed. Għalhekk id-Dipartiment tad-Drenaġġ iddeċieda illi main proposta issir aktar 'il fuq fit-triq max-xogħlijiet li għad iridu jsiru. L-asfalt tal-base course għalhekk kompla fit-tieni fażi tat-triq.