Jista’ l-Prim ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess li skatta permezz ta' mozzjoni 222 tal-interpellant innifisha fil-leġiżlatura li għaddiet biex il-Qorti ta' Għawdex tingħata d-dinjità li tixirqilha u l-Għawdxin jinqdew aħjar f'Għawdex stess?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nirreferi għar-risposta li kienet ingħatat għad-domanda parlamentari 1038.
Inżid li hekk kif ir-rapport finali jiġi ppubblikat il-Gvern jgħaddi biex jieħu d-deċiżjonijiet fl-iqsar żmien possibbli.
Ministeru għal Għawdex – impjegati ingaġġati ma’ kuntrattur
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fid-diversi uffiċini u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li huma impjegati ma' kuntrattur? Jista’ jgħid x'inhu x-xogħol li jagħmlu u fejn, min hu l-kuntrattur, x'kuntratt hu u jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jagħti d-data tal-ingaġġ ta' kull impjegat?
Response (REFALO, ANTON)
Jiena nfurmat li m'hemm l-ebda impjegat tal-Ministeru għal Għawdex li huwa impjegat ma' kuntrattur.
Peress li qed isiru diversi lmenti dwar nuqqasijiet fil-biċċerija ta' Għawdex senjatament dwar apparat u tagħmir ta' saħħa u sigurtà għall-impjegati, jista’ l-Ministru jara li dawn jiġu indirizzati?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li d-direttorat konċernat qed jieħu ħsieb jipprovdi lbies protettiv għall-impjegati il-biċċerija ta' Għawdex skont in-natura tax-xogħol tagħhom.
Ministeru għas-Saħħa — impjegati ingaġġati ma’ kuntrattur
Question
Jista’ l-Ministru kemm hemm impjegati fid-diversi uffiċini u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f'Għawdex li huma impjegati ma' kuntrattur? Jista’ jgħid x'inhu x-xogħol li jagħmlu u fejn, min hu l-kuntrattur, x'kuntratt hu u jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jagħti d-data tal-ingaġġ ta' kull impjegat?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onor. Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — impjegati ingaġġati ma’ kuntrattur
Question
Jista l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fid-diversi uffiċini u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f'Għawdex li huma impjegati ma' kuntrattur? Jista’ jgħid x'inhu x-xogħol li jagħmlu u fejn, min hu l-kuntrattur, x'kuntratt hu u jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jagħti d-data tal-ingaġġ ta' kull impjegat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għadu qiegħed jinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4649 u 3882 u jgħid kemm-il direct order ingħata mill-Privatisation Unit mis-sena 1998 sa Marzu 2013? Jista’ jgħid x’kienu dawn id-direct orders, lil min ingħataw u kemm swew? Jista’ jgħid ukoll fuq liema bażi ngħataw u għaliex intgħażlet il-proċedura ta’ direct order
Response (CARDONA, CHRIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ ħlasijiet li saru b’ direct order approval bejn l-2004 u l-2013. (Tabella A). Dawk il-ħlasijiet li saru bejn l-1998 u l-2003 mhumiex disponibbli.
Il-Privatisation Unit minn dejjem kellha budget biżżejjed biex jitħallsu biss is-salarji taċ-Chairman u tal-assistenta tiegħu. Spejjeż oħra materjali li ma setgħux jiġu koperti minn dan il-budget kienu jitħallsu mill-MIMCOL minkejja l-fatt li kienet tkun il-Privatisation Unit li kienet titlob dawn is-servizzi. Kull ħlas kien isir wara li tinġieb l-awtrorizzazzjoni taċ-Chairman tal-istess Privatisation Unit kif ukoll taċ-Chairman tal-MIMCOL li wkoll kien membru tal-Privatisation Unit.
Ninsab infurmat li spejjeż oħra tħallsu mill-MGI/MIMCOL għan-nom tal- Pivatisation Unit matul is-snin 2003 u 2013. Dawn l-ispejjeż qed jidhru f’ Tabella B. Dawn l-ispejjeż tħallsu mill-MGI/MIMCOL fuq l-awtorizzazzjoni bil-miktub ta’ Chairman tal-PU, matul iż-żmien. L-MGI/MIMCOL mhux infurmat u ma għandux aċċess għal xi awtorizzazzjoni oħra li setgħet ingħatat mill-Ministeru rispettiv għal xi direct orders approvals. MGI / MIMCOL huma biss ‘paying agents’ għan nom tal- Privatisation Unit.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4651 u 3862 u jgħid kemm daħlu jaħdmu impjegati ġodda mal-Malta Enterprise taħt it-tmexxija tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Min kienu dawk l-impjegati? Saru interviews? Min għamilhom? Xi rwol ingħataw dawn il-ħaddiema ġodda? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti tagħhom flimkien ma’ rendikont tas-salarju tagħhom u l-grad li ngħataw minn dan l-individwu?
Response (CARDONA, CHRIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Huwa possibli li r-raġuni għala ċertu informazzjoni ma tidhirx rigward dettalji tal-interviewing board hu minħabba:
- Data mhux kompluta peress li ma ġietx segwita tajba l-proċedura ta’ rekrutaġġ;
- Data mhux kompluta peress li l-ewwelnett l-informazzjoni ma ġietx imniżżla;
- Data mhux kompluta peress li l-informazzjoni imniżżla kienet mitlufa
Peress li ċertu informazzjoni m’hijiex disponibbli, l-uffiċju tagħna m’huwiex f’pożizzjoni li jiddetermina liema minn dawn hija r-raġuni il-għala m’hemmx informazzjoni f’kull każ partikolari.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4652 u 3863 u jgħid jekk iddaħħlux jaħdmu mal-Malta Enterprise persuni li huma relatati, ossija jiġu mill-persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament fl-istess żmien li hu kien Chairman tal-Malta Enterprise ? Min kienu? Xi rwol ingħataw? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tagħhom? Jista’ jgħid jekk f’tali proċeduri kenitx iddikjarata l-parentela?
Response (CARDONA, CHRIS)
Skond il-kodiċi ta’ etika ta’ Malta Enterprise huwa stabbilit li “huwa biss l-uffiċjal individwali li jista’ jkun a konoxxenza ta’ potenzjal ta’ konflitt ta’ nteress”. Mela, fil-każ ta’ konflitt potenzjali , bħal dak li jista' jkun hemm fil-każ ta’ parentela, il-kodiċi jgħid li “r-responsabbilita’ (onus) li wieħed jgħarraf lill-uffiċjali superjuri tiegħu jekk hemm konflitt attwali jew potenzjali ta’ nteress, taqa’ fuq l-uffiċjal individwali” ikkonċernat.
Ma nafu b’ebda każ fejn saret dikjarazzjoni f’dan is-sens minn xi mpjegat.
Ministeru għal Għawdex – bordijiet, kumitati u sottokumitati
Question
Jista’ l-Ministru jelenka l-bordijiet u kumitati u sottokumitati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u jgħid minn min huma komposti?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant ghar-risposta li nghatat ghall-Mistoqsija Parlementari numru 1201, u ninfurmaha li minn dakinhar li nghatat ir-risposta saru dawn it-tibdiliet:
- Fil-Kumitat tat-tmexxija tac-Centru Ta' Matul il-Jum, wihed miz-zewg ufficjali nominati mill-Assocjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (is-Sur Anthony Formosa) ma accettax in-nomina.
- Fil-Kumitat Celebrazzjonijiet Nazzjonali u Regjonali, l-Av. Grezzju Mercieca, is-Sur Joe Xuereb u s-Sur Joe Camilleri gew mibdula mis-Sur Clifford Galea, mis-Sinj. Rachel Galea u mis-Sur Charles Hili rispettivament.
- Fil-Bord tal-Gozo Channel l-Av. Christian Zammitgie mibdul mill-Av. Lisa Brooke.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ħafna studenti għadhom ma bdewx il-lezzjonijiet taż-żfin fl-Iskola tan-Nadur f’Għawdex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-lezzjonijiet fl-iskola tad-Drama u z-Żfin fin-Nadur Għawdex, bdew nhar l-Erbgħa 9 ta’ Ottubru 2013. Il-lezzjonijiet li bdew huma f’dawn is-suġġetti fil-livelli imsemmija:
Drama Pre-junior (klassi waħda)
Drama junior (2 klassijiet)
Drama Intermediate (klassi waħda)
Community Dance (klassi waħda)
Modern Jazz (2 klassijiet)
Ballet recreational (3 klassijiet)
Ballet Grade 1 (klassi waħda)
Ballet Grade 5 (klassi waħda)
Ballet Grade 6 (2 klassijiet)
Ballet Grade 7 (2 klassijiet)
Ballet advanced (klassi waħda)
Ballet intermediate (klassi waħda)
Il-klassijiet li għadhom ma bdewx huma:
Ballet Pre Primary i (klassi waħda)
Ballet Pre Primary ii (klassi waħda)
Ballet Primary i (klassi waħda)
Ballet Primary ii (klassi waħda)
Ballet Grade 2 (klassi waħda)
Ballet Grade 3 (klassi waħda)
Ballet Grade 4 (klassi waħda)
Ir-raġuni ‘l għaliex dawn il-klassijiet fil-Ballet għadhom ma bdewx hu:
1) L-edukaturi (kollha part-time) li applikaw ma jistgħux joffru aktar ħin għall-lezzjonijiet mitluba u
2) L-edukatrici li għandha l-ħin biex toffri dawn il-lezzjonijiet mhux kwalifikata li tressaq lill-istudenti għall-eżamijiet tar-Royal Academy of Arts.
3) L-edukatrici li hi kwalifikata u li kienet disponibbli biex tieħu il-klassijiet li għadhom ma bdewx ma setgħetx tibda tgħallem. Jirriżulta pero li nhar il-Ġimgha 11 ta’ Ottubru, din setgħet tapplika (u hekk għamlet) fejn applikat għas-sejħa għall-edukaturi tal-adulti ppublikata fuq il-Gazzetta tal-Gvern datata 20 ta’ Settembru 2013.
L-istudenti li għadhom ma bdewx il-lezzjonjiet kollha ġew avżati li minħabba li preżentement ma hemmx min jgħallem, dawn ikunu infurmati aktar ‘l quddiem hekk kif jinstab l-għalliem/a kwalifikat/a biex toffri t-tagħlim.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali — laqgħat u konferenzi
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4862 u jelenka l-konferenzi u laqgħat li attenda barra minn Malta f’dawn l-aħħar sitt xhur?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4861 u jelenka l-konferenzi u laqgħat li attenda barra minn Malta f’dawn l-aħħar sitt xhur?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li fost il-konferenzi u laqgħat barra minn Malta li attendejt għalihom fl-aħħar sitt xhur kien hemm tlett Kunsilli Ewropej f’Marżu, Mejju u Ġunju, għal laqgħa f’Zagreb f’Lulju fuq stedina tal- President u l-Prim Ministru Kroat relatata mas-sħubija tal-Kroazja fl-UE, għal konferenza f’Berlin f’Lulju fuq stedina tal-kancillier Germaniz Angela Merkel bit-tema Round table on the promotion of youth employment in Europe, għas-Summer Davos f’Dalian fic-Ċina f’Settembru organizzat mill-World Economic Forum u għall-Assemblea tal-Ġnus Magħquda fi New York f’Settembru wkoll.
Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — konferenzi u laqgħat
Question
Jista’ l-Ministru jelenka l-konferenzi u laqgħat li attenda barra minn Malta f’dawn l-aħħar sitt xhur?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Konferenzi u Laqgħat li attendejt f'dawn l-aħħar sitt xhur huma:
Informal Meeting of Energy Ministers EU - Dublin
Energy Council of the EU - Luxembourg
Informal Energy Council Meeting - Lithuania
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — konferenzi u laqgħat
Question
Tista’ l-Ministru telenka l-konferenzi u laqgħat li attendiet barra minn Malta f’dawn l-aħħar sitt xhur?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mit-9 ta’ Marzu ‘l hawn, jien attendejt il-Kunsill Infomali tal-Ministri tal-Impjiegi u Politika Soċjali li sar fil-Litwanja bejn il-11 u t-12 ta’ Lullju 2013 kif ukoll il-Kunsill tal-Ministri tal-Impjiegi u Politika Soċjali li sar fil-Lussemburgu fil-15 ta’ Ottubru 2013.