Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gozo Channel — Time table

Question

No question text.

Response (GATT, AUSTIN)

Id-deċiżjoni tal-Kumpanija dwar it-tnaqqis fit-trips saret wara li sar analiżi tal-użu tal-vapuri. L-istatistika uriet li l-ħinijiet tas-servizz jista' jiġi modifikat sabiex jingħata servizz aħjar. L-aspett soċjali tad-deċiżjoni ġiet studjata wkoll. Il-Kumpanija ddeċidiet (u diġa attwat id-deċiżjoni) li, biex il-pubbliku ma jbatix, isiru extra trips skond il-ħtiġijiet u l-esiġenzi tas-servizz. L-analiżi tal-figuri saret qabel ma nħarġet l-ewwel timetable. Ta' min isemmi li l-ewwel timetable kienet identika bħal tas-sena l-oħra.

Gozo Channel — Ħaddiema

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1664 jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema b'kollox impjegati mal-Gozo Channel u jindika l-mansjonijiet rispettivi tagħhom? Jista' jgħid kemm ġew impjegati nies mal-Gozo Channel din is-sena, jindika x-xhur relattivi ta' meta dawn il-ħaddiema ġew impjegati u x'mansjonijet għandhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Bħalissa l-Kumpanija għandha 249 impjegat full time u 2 fuq bażi ta' part time. L-informazzjoni dwar mensjonijiet hija ta' natura kummerċjali. Matul il-2003, ġew ingaġġati tliet impjegati ġodda, tnejn f'Jannar u wieħed f'Marzu.

Servizz tal-helicopter

Question

Jista' il-Minsitru jikkonferma li s-servizz tal-helicopter ser jiġi sospiż fl-1 ta' Mejju 2004, jagħti r-raġunijiet u jgħid x'ser isir mill-ħaddiema li jaħdmu l-heliport inklużi l-iskwadra tat-tifi tan-nar u jgħid ukoll xi proġetti hemm maħsuba għall-użu tal-heliport f'Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma nistax nikkonferma s-suppożizzjoni tal-Onorevoli Interpellant.
Leg 10 PQ #1887 Sitting 41 2003-10-13 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Trasport — Skejjel Sekondarji

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1741, peress li bħalissa t-trasport għall-iskejjel sekondarji wara l-iskola mhux qed jopera u allura qed jikkawża ħafna nkonvenjenti kemm għall-istudenti li ħafna minnhom jimxuha sad-dar, kif ukoll għall-ġenituri tagħhom, tista' il-Ministru tara li tinstab soluzzjoni jew alternattiva sabiex jiġu eliminati dawn l-inkonvenjenti?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L­Onorevoli Nterpellant għandha tkun taf li ntlaħaq ftehim bejn il­Ministeru għal Għawdex u l­Assoċjazzjoni tas­Sidien tal­Karozzi tal­Linja f'Għawdex u b'hekk ġew eliminati l­inkonvenjenti li għalihom hi għamlet referenza.

Gozo Channel — Time table

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1740, peress li fir-risposta li ngħatat ma kien hemm ebda referenza għall-Għawdxin u l-bżonnijiet tagħhom, permess li s-servizz tal-Gozo Channel huwa primarjament servizz soċjali għall-Għawdxin, jista' jgħid il-Ministru jekk sarux xi konsultazzjonijiet qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni dwar it-tnaqqis ta' trips? U peress li ġiet mitluba r-raġuni li għaliha nħarġet time table li mbgħad ġiet irtirata, liema raġuni baqgħet ma ngħatatx jista' il-Ministru jgħid jekk l-analażi tal-figuri mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra saritx qabel ma nħarġet l-ewwel time table jew wara?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Sidien tal-mini buses — Karti tal-VRT

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1665, jista' il-Ministru jgħid x'passi qed tieħu l-Awtorita' dwar it-Trasport biex jiġi eliminat l-inkonvenjent għas-sidien tal-mini buses Għawdxin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport ta' Malta qed tagħmel arranġamenti biex b'effett mit-3 ta' Novembru, 2003, il-karti tal-VRT li għandhom x'jaqsmu mal-vetturi tat-trasport pubbliku jiġu proċessati mill-uffiċċju tad-Direttorat tat-Trasoport Pubbliku li hemm f'Main Gate Street, Rabat, Għawdex.
Leg 10 PQ #1738 Sitting 38 2003-10-06 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — Operating theatre

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex fl-isptar ġenerali ta' Għawdex fl-operating theatre hemm nuqqas ta' ngwanti u maskli protettivi? Tista' il-Ministru tara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li qatt ma kien hemm nuqqas ta' ngwanti u maskli protettivi ġewwa l­operating theatre ta' l­isptar Ġenerali ta' Għawdex.

Gozo Chasnnel — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni l-ħinijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-Gozo Channel tnaqqsu u għaliex mhux qed jingħata overtime lill-ħaddiema? Tista' il-Ministru jgħid jekk hemmx pjanti xi sensji ta' ħaddiema?

Response (GATT, AUSTIN)

Kif jigri dejjem fix-xitwa, l-ħinijiet tal-ħaddiema jonqsu, minħabba s-skeda ridotta tax-xitwa. Madankollu, l-ħaddiema dejjem baqgħu jitħallsu 'in full'. Overtime, kif dejjem ġara, jingħata skond il-bżonn. M'hemm l-ebda 'ban' fuq l-overtime. M'hemmx pjanijiet li se jiġu ssensjati xi ħaddiema.

Gozo Channel — Time table

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex wara li kienet diġa ġiet distribwita t-time table tax-xitwa tal-Gozo Channel din ġiet irtirata u nħarġet oħra li fiha inqas trips?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat mill-Gozo Channel Company Ltd li t-tibdil fl-iskeda tal-vjaġġi fil-għaxija fix-xitwa inbidlu għal żewġ raġunijiet: 1) Biex jitjieb il-livell ta' servizz mogħti lill-passiġġieri u l-klijenti tal-Gozo Channel; 2) Biex tinqata' ħela li kienet qed tirriżulta mill-iskeda l-antika. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru n-numru ta' passiġġieri u vetturi, u l-occupancy level tal-vapuri f'Ottubru, Novembru u Diċembru 2002 fil-vjaġġi li tnaqqsu mill-iskeda tax-xitwa. Dawn it-tabelli juru li f'dawn it-tlett xhur il-vjaġġ li kien jitlaq mill-Imġarr fis-sebgħa neqsin kwart ta' fil-għaxija kellu medja ta' 11 % occupancy ta' passiġġieri u anqas minn nofs l-ispazju fil-garaxx tal-vetturi okkupat (45%). Il-vjaġġ li kien jitlaq miċ-Ċirkewwa fid-sebgħa u nofs kellu medja ta' 11% occupancy ta' passiġġieri u aktar minn nofs il-garaxx tal-vetturi vojt. Il-vjaġġ li kien jitlaq mill-Imġarr fit-tmienja u nofs ta' fil-għaxija kellu medja ta' 8% occupancy ta' passiġġieri b'aktar minn żewġ terzi tal-garaxx vojt. Il-vjaġġ li kien jitlaq miċ-Ċirkewwa fid-disgħa ta' fil-għaxija kien ikollu medja ta' 8% occupancy ta' passiġġieri b'żewġ terżi mill-garaxx tal-vetturi vojt. Dan ma kienx l-aħjar użu tar-riżorsi tal-Gozo Channel li huma meħtieġa biex jaqdu l-bżonnijiet essenzjali t'Għawdex u ta' l-Għawdxin. Kull użu ħażin tar-riżorsi tal-Gozo Channel finalment irid jitħallas zejjed minn min iħallas it-taxxi. Bit-tibdil fl-iskeda, l-Gozo Channel qatgħet aktar minn Lm1400 fi spejjeż kull ġimgħa. Jiġifirei bejn Ottubru u Diċembru ser tkun iffrankat aktar minn tmintax-il elf lira li ser jikkontribwixxu biex iżommu vijabbli is-sussidju li jingħataw l-Għawdxin fuq l-użu tal-vapur minħabba ċ-ċirkostanzi tagħhom. Il-passiġġieri tal-vjaġġi ta' fil-għaxija ma ntlaqtu bl-eda mod ħlief li inġabru fi vjaġġi mqassma aħjar matul is-serata. Bit-tibdil fl-iskeda, l-aħħar vapuri minn Malta u minn Għawdex ser ikunu qed jtilqu aktar tard biex jaqdu aħjar l-aktar lis-settur turistiku. Dan għax issa li l-aħħar vjaġġ minn Għawdex minflok fil-ħdax ta' fil-għaxija, issa se jkun fil-kwarta ta' fil-għodu. Kombinat man-noll li jista' jinxtara fil-għaxija miċ-Ċirkewwa li permezz tiegħu b'erba' Liri karozza b'erba persuni, jew bi tlett Liri erba' persuni bil-mixi jistgħu imorru jieklu Għawdex ser jagħmel ir-restoranti Għawdxin aktar attraenti għall-Maltin u t-turisti. Irrid insemmi l-eżempju ta' numru ta' sidien ta' restoranti b'sens partikolarment intraprenditorjali li qed joffru lill-klijenti Maltin tagħhom li jirrifondulhom l-ispiża tal-vapur meta dawn jitilgħu bid-Diners' Group Ticket tal-Gozo Channel. Dan juri kif b'koperazzjoni bejn is-settur turistiku Għawdxi u l-Gozo Channel nistgħu nassiguraw it-tkabbir ta' din l-attivita' ekonomika f'Għawdex. Barra minhekk, l-aħħar vjaġġ minn Malta ser jitlaq fis-siegħa ta' fil-għodu, minflok bħal qabel fil-ħdax u nofs biex b'hekk anqas turisti li jridu jmorru Għawdex ma jkollhom għajfejn jorqdu Malta fl-ewwel lejl tagħhom hawn wara l-wasla tagħhom bl-arjuplan.
Leg 10 PQ #1741 Sitting 38 2003-10-06 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel sekondarji — Trasport

Question

Peress li bħalissa t-trasport għall-iskejjel sekondarji wara l-iskola mhux qed jopera, u allura qed jikkawża ħafna nkonvenjenti kemm għall-istudenti li ħafna minnhom jimxuha sad-dar kif ukoll għall-ġenituri tagħhom, jista' il-Ministru jara li tinsab soluzzjoni jew alternattiva sabiex jiġi eliminat dan l-inkonvenjent?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Mistoqsija għandha ssir lill-Ministru għal Għawdex.

Gozo Channel — Boat Charter

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-boat charter ser jitwaqqaf wara li l-Gozo Channel stess ftaħret b'dan is-servizz ġdid u innovattiv? X'ser jiġri mid-dgħajsa li kienet tintuża għal dan is-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Boat Charter, jitħaddem bil-ko-operazzjoni tal-Gozo Tourism Association u l-Gozo Channel, ma twaqqafx, imma ser ikompli, b'arranġamenti simili bħax-xitwa li għaddiet. Għandha toħroġ stqarrija lill-pubbliku fil-jiem li ġejjien. Id-dgħajsa li biha kienu jsiru l-vjaġġi ma kienetx il-propjeta' tal-Gozo Channel, imma ta' terzi persuni, u kienet tagħmel l-vjaġġi skond id-domanda.

Gozo Channel — Ħaddiema

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1443, jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema b'kollox impjegati mal-Gozo Channel u jindika l-mansjonijiet rispettivi tagħhom? Jista' jgħid kemm ġew impjegati nies mal-Gozo Channel din is-sena, jindika x-xxhur relattivi ta' meta dawn il-ħaddiema ġew impjegati u x'mansjonijiet għandhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Sidien tal-mini buses — Karti tal-VRT

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni għaliex is-sidien tal-mini buses ikollhom jitilgħu Malta bil-karti tal-VRT għand l-Awtorita' tat-Trasport u għaliex dan il-proċess ma jsirx f'Għawdex stess? Ma jaħsibx li dan huwa inkonvenjent żejjed għas-sidien Għawdxin u ma jidhirlux li din is-sitwazzjoni għandha tiġi rimedjata biex l-Għawdxin jinqdew minn Għawdex stess?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport diġa qed tieħu passi biex tinbiddel is-sistema użata sal-lum.
Leg 10 PQ #1666 Sitting 36 2003-09-30 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Siti arkeoloġiċi — Xogħol ta' restawr

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 915 u 1183 u cioe' kemm saru xogħlijiet ta' restawr fuq siti arkeoloġiċi fis-snin 2000, 2001, 2002 u 2003? Liema huma dawn ix-xogħlijiet, meta saru u kemm swew? Peress li fir-risposta ma kien hemm ebda riferenza għal Għawdex, tista' il-Ministru tgħid kemm saru xogħlijiet ta' restawr fuq siti arkeoloġiċi fis-snin 2000, 2001, 2002 u 2003? Tista' tgħid liema huma dawn ix-xogħlijiet, meta saru u kemm swew? Tista' il-Ministru tindika per item l-ammont minfuq u lil min tħallas?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli interpellant qieghda tingabar u tinghata f'seduta ohra.
Leg 10 PQ #1667 Sitting 36 2003-09-30 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Bajjiet/xtut — Xogħol ta' upgrading

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1180 u 1185 rispettivament, tista' il-Ministru tgħid dettaljatament x'kienu x-xogħlijiet esegwiti, kemm swiet kull biċċa xogħol u lil min tħallsu u/jew għal xiex tħallsu dawn l-ammonti?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant qieghda tingabar u tinghata f'seduta ohra.
Leg 10 PQ #1553 Sitting 35 2003-09-29 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għawdex — Xewkija - skola tal-biedja

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-iskola tal-biedja fix-Xewkija, Għawdex ġiet magħluqa? Jista' jgħid x'se jsir mill-istudenti u x'faċilitajiet alternattivi se jiġu provduti lilhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-bini ta' l-iskola Kelinu Galea tax-Xewkija gie mgħoddi lill-MCAST biex din is-sena jinfetħu korsijiet ġodda fil-livell Post-Sekondarju fi ħdan l-Istitut ta' l-Agrikummerċ. L-istudenti li din is-sena jinsabu fit-tieni sena gew akkomodati fil-Kumpless Ninu Cremona, Victoria. F'din l-iskola qed ikompli jingħataw it-taħriġ meħtieġ skond il-kors tagħhom.
Leg 10 PQ #1554 Sitting 35 2003-09-29 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Ġenerali — Magni li jinsabu bil-ħsara

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex hemm diversi magni, fosthom dik ta' l-istress test, li ilhom bil-ħsara għal diversi xhur u għadhom ma ġewx irranġati? Jaf li l-pazjenti qed jintbagħtu ġo clinics privati biex jagħmlu dan it-test bażiku?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #1555 Sitting 35 2003-09-29 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Ġenerali — Nuqqas ta' ingwanti/maskli protettivi

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex fl-operating theatre hemm nuqqas ta' ingwanti u maskli protettivi? Jista' jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #1556 Sitting 35 2003-09-29 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji — Għoti ta' kumpens mill-HSBC Bank

Question

Peress illi qed jingħataw deċiżjonijiet mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji kontra l-HSBC Bank Malta plc gia Mid Med Bank Ltd; peress illi l-bank imsemmi qed jirrifjuta milli jagħti l-kumpens a tenur ta' l-istess deċiżjonijiet, jista' il-Prim Ministru jgħid min se jħallas dawn il-kumpensi u x'rimedji għandhom dawk l-impjegati li jkunu rebħu l-każ u mingħand min?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-Gvern għandu parir legali li l-Bank imsemmi hu suġġett għall-ġurisdizzjoni tat-Tribunal skond l-Att dwar it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji.

Telephones ċellulari

Question

Jaħseb il-Ministru li wasal iż-żmien li linji ta' telefon ċellulari jiġu aktar kontrollati fis-sens illi kull linja li tiġi mibjugħa għandha tiġi reġistrata u dan biex jitnaqqas l-abbuż ta' użu ħażin?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza t-talba tiegħu lill-Ministeru konċernat.