Peress illi l-ħaddiema tal-Gozo Ghannel, sepċjalment dawk li jaħdmu fl-art huma esposti ħafna għax-xemx, jista' il-Ministru jara li jiġi fornut sunblock ta' SPF ogħla minn dak li ġie fornut ta' SPF 20?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Peress illi Triq il-Qala fin-Nadur, Għawdex hija f'kondizzjoni ħażina ħafna, peress illi hemm diversi residenti speċjalment anzjani li qed jilmentaw anke minħabba l-ħofor li hemm u kien hemm min waqa' ġo dawn il-ħofor, tista' il-Ministru tara li din it-triq tiġi asfaltata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li t-triq imsemmija mill-Onor Interpellant isirilha manutenzjoni regolarment biex tinżamm fi stat tajjeb.
Għawdex — Nadur - Triq il-Qala - problemi ta' drenaġġ
Question
Peress illi r-residenti ta' Triq il-Qala, fin-Nadur Għawdex qed jilmentaw minħabba problemi ta' drenaġġ in konsegwenza ta' xogħlijiet f'residenza privata li affettwaw is-sistema tad-drenaġġ fi Triq il-Qala, tant li meta tkun ix-xita jfur id-drenaġġ minn ġol-gandott u jidħol fid-djar, jista' il-Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Peress li in konsegwenza ta' l-għeluq tal-Magħtab ir-raħal tax-Xagħra jinsab infestat bi ġrieden kbar, li peress li issa m'għandhomx provvista ta' ikel jistgħu jkunu ta' periklu kbir, tista' il-Ministru tgħid x'miżuri qed jittieħdu biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni? Tista' tgħid ukoll jekk sarux xi studji jew ittieħdux xi prekawzjonijiet biex tiġi evitata din l-infestazzjoni?
Peress illi fil-biċċerija ta' Għawdex hemm container li fih hemm biċċiet tal-laħam tal-bhejjem u peress illi dan qed ikun kaġun ta' intiena li qed idejjaq lir-residenti u l-bdiewa ta' l-inħawi, tista' il-Ministru tara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li qiegħda tittieħed azzjoni biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk it-time-off u leave li kienu ntitolati għalih il-ħaddiema li kienu fit-taqsima tad-drenaġġ hux se jingħata issa li ġew detailed mal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li kif inhuma l-prattiċi normali meta persuna tiġi trasferita minn Dipartiment jew sezzjoni għal oħra, il-persuna tibqa' ntitolata għal ammont, skond ir-records uffiċċjali tal-leave u time-off.
Dan jgħodd ukoll fil-każ tal-ħaddiema li ġew detailed mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' vapuri se jintużaw għal Sa Maison u jekk dawn humiex se jġorru passiġġieri jew vetturi tal-merkanzija biss?
In oltre jista' jgħid jekk sarux xi studji jekk il-port t'Għawdex jiflaħx għaż-żieda ta' vapuri?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-karatteristiċi tal-vapuri li sejrin jaħdmu din ir-rotta ser ikunu jiddependu fuq it-tip ta' servizz li ser ikun qiegħed jingħata mill-operatur. Dan ikun magħruf biss wara li tinħareġ is-sejħa pubblika u jintgħażel l-operatur u dan isir mill-MMA.
Dwar it-tieni parti tad-domanda, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferiha lejn il-Ministru konċernat.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex ix-xogħol fuq it-tkabbir taċ-ċimiterju ta' Santa Marija f'Għawdex baqa' ma nbediex minkejja li kien hemm il-permessi meħtieġa? X'passi se jittieħdu biex ix-xogħol li għandu jsir isir mill-iktar fis?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata illi qegħdin jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex tinħareġ s-sejħa għall-offerti għall-bini ta' oqbra ġodda fiċ-Ċimiterju ta' Santa Marija fix-Xewkija.
Xewkija, Għawdex — Mġarr ix-Xini - provvista ta' elettriku
Question
Peress illi l-bdiewa li jaħdmu r-raba' imsejħa ''Ta' l-Għama ta' Fuq'' f'Imġarr ix-Xini limiti tax-Xewkija ilhom għal diversi snin jitolbu biex fl-inħawi jkollhom provvista ta' l-elettriku, jista' il-Ministru jara li l-ilmenti ta' dawn in-nies jiġu ndirizzati u jgħid jekk u meta se jingħataw din il-faċilita'?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret jirriżulta li fl-inħawi msemmija l-Enemalta għandha applikazzjoni waħda li għaliha saret stima iżda din qatt ma ġiet imħallsa. Għalhekk ebda xogħol ma jista' jinbeda.
Tista' il-Ministru tgħid kemm qed isiru vjaġġi biex jinġarr l-iskart kuljum lejn Malta, x'tip ta' vetturi qed jintużaw u f'liema trips tal-Gozo Channel qed jinġarr dan l-iskart?
Peress illi l-iskart minn Għawdex għal Malta qed jinġarr bil-vapuri tal-Gozo Channel, jista' il-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet u miżuri qed jittieħdu minħabba l-iġjene u kontra t-tixrid ta' bacteria fuq il-vapuri? Jista' wkoll jgħid jekk hux qed issir disinfezzjoni regolari kemm a benefiċċju tal-ħaddiema kif ukoll tal-passiġġieri? Ma jaħsibx il-Ministru li l-iskart għandu jinġarr separatament mill-passiġġieri?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-kumpanija Gozo Channel ħejjiet diversi kundizzjonijiet li jridu jiġu osservati meta jinġarr l-iskart domestiku fuq il-vapuri tagħha. Dawn jinkludu:
- l-vettura li qiegħdha ġġorr l-iskart għandha tiġi diżinfettata qabel ma tħalli l-impjant, sabiex titla' fuq il-vapur.
- il-kontejner li fih jinġarr l-iskart għandu jingħata numru uniku li jista' jintgħaraf faċilment, għandu jkun issiġillat sabiex la toħroġ riħa u lanqas ebda likwidu minnu, u sabiex l-iskart ma jkunx jidher.
- jekk l-iskart li jkun qed jinġarr ikun fih sustanzi jew oġġetti li huma rregolati u jaqgħu taħt il-kodiċi ta' l-IMDG, għandhom jitwaħħlu tabelli distintivi u appożiti mal-kontejner skond il-kodiċi ta' l-IMDG u l-istandards u l-liġijiet ta' l-Ewropa.
Minn naħa tagħhom, l-Inġinier responsabbli ta' l-impjant ta' l-iskart f'Ghawdex irid jiżgura u jiċċertifika li l-ġarr ta' l-iskart qed isir skond l-istandards applikabbli u l-liġijiet ta' l-Ewropa.
Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni anzjani ta' 75 sena u iktar mhumiex qed jingħataw il-pilloli kontra l-cholesterol mill-isptar minkejja li dawn qed jiġu preskritti lilhom u minkejja li dawn l-anzjani jkollhom il-karti roża u safra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
It-trattament kontra l-cholesterol jingħata biss lill-persuni li għandhom anqas minn 75 sena u li jissodisfaw kriterji oħra. Din il- miżura daħlet fis-seħħ fis-sena 1997/1998 waqt li kien Ministru l-Onor. Micheal Farruġia.
Peress illi skond il-liġi studenti li jiggradwaw fil-B. Conservation (Hons) iridu jagħmlu sentejn prattika biex jieħdu l-warrant biex ikunu jistgħu jaħdmu, peress li apparentement f'Malta m'hawn ebda warrant holder li jistgħu jagħmlu l-prattika miegħu dawn il-gradwati, peress li lanqas ġie appuntat warrant board, jista' il-Ministru jgħid u jidderiġi lil dawk il-gradwati f'dan il-kors dwar x'għandhom jagħmlu biex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom in vista ta' dawn in-nuqqasijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli għall-Kultura.
In vista ta' l-istqarrija tal-Ministru Austin Gatt dwar iż-żieda fin-nollijiet tal-Gozo Channel,tista' il-Ministru tgħid jekk hux se jiżdied il-ħlas tas-sussidju lill-istudenti u ħaddiema li jistudjaw u jaħdmu Malta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Il-kumpens relattiv ghaz-zieda fin-nollijiet qed jigi kkunsidrat.
Jista' il-Ministru jikkjarifika u jelabora dwar il-liberalizzazzjoni tas-servizz għal Sa Maison?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li peress il-Kumpannija qed tagħmel it-telf fuq is-servizz tal-kargo għal Sa Maison, bħala miżura biex jitnaqqsilha dan it-telf, ġie deciz li jilliberalizza ir-rotta tal-kargo għal Sa Maison, u għal dan il għan għandha toħroġ sejha għall-offerti fil-ġimgħat li ġejjin. Din għandha toġroġ mil-MMA (Awtorita Marittima ta' Malta).
Jista' il-Ministru jekk jogħġbu jiċċara dak li ntqal fl-istqarrija ministerjali tal-21/04/04 u cioe' dwar il-mod ta' kif il-crew se jiddaħħal xogħol skond l-esiġenzi tas-servizz tal-Gozo Channel?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmata li peress li fil-maġġoranza tal-vjaġġi, in-numru ta' passiġġieri ma jaqbizx il-ħames mija. Għalhekk, f'dawn il-vjaġġi, wara li nkiseb permess mingħand l-Awtorita' Marittima ta' Malta (MMA), il-vapuri ser ikunu jistgħu joperaw b'ekwipaġġ ta' 11 flok ta' 15, jiġifieri ikun hemm sistema illi l-ekwipaġġ abbord ma jkunx dejjem fiss bi ħmistax irrispettivament ta' kemm ikun hemm nies abbord, imma jkun flessibbli skond kemm qed iġorr passiġġieri. Iż-żieda fin-nies għal dawn il-vjaġġi li jġorru 'l fuq minn 500 passiġġier jittellgħu mill-art jew mil-vapur li jkun marbut ġewwa l-port ta' l-Imġarr.
Jista' il-Ministru jgħid jekk it-time-off u leave li kienu ntitolati għalih il-ħaddiema li kienu fit-taqsima tad-drenaġġ hux se jingħata issa li ġew detailed mal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex — Iffirmar ta' charge letters
Question
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4576 indirizzata lill-Ministru għal Għawdex, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk ħarġitx letter of delegation li s-segretarju permanenti fil-Ministeru għal Għawdex ikun jista' jiffirma ċ-charge letters minflok id-direttur customer services fl-istess ministeru? Jekk fl-affermattiv, meta ħarġet din l-ittra u a tenur ta' liema artiklu ta' l-avviż legali dwar il-proċedura tad-dixxiplina ta' l-1999 tal-kummissjoni dwar is-servizz pubbliku? Jekk fin-negattiv, a tenur ta' liema artiklu s-segretarju permanenti ta' Għawdex jiffirma ċ-charge letters imsemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi d-Delega ta’ Poter dwar kontroll dixxiplinarju li nħarġet fl-1 ta’ Novembru 1999, tipprovdi li meta l-uffiċċju ta’ Direttur li jkun jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni diretta tas-Segretarju Permanenti jkun vakanti u ma tkun saret l-ebda ħatra ta’ aġent Direttur, bħal ma fil-fatt seħħ f’dan il-każ, l-uffiċjal delegat biex joħroġ iċ-charges lill-uffiċjali pubbliċi li jaħdmu f’dak id-Dipartiment, jkun is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru.
Din id-delega ta’ poteri ngħatat mill-Prim Ministru fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku bis-saħħa ta’ l-Artiklu 110 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex ix-xogħol fuq it-twaqqif tal-monument f'ġieħ l-Arċipriet Cassar baqa' ma sar qatt minkejja li kien hemm il-permessi meħtieġa? X'passi se jittieħdu biex ix-xogħol fuq dan il-monument isir?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li għad m'hemmx il-permessi meħtieġa għat-twaqqif tal-monument f'ġieħ l-Arċipriet Cassar.