Invista ta' l-emendi proposti dwar l-arbitraġġ mandatorju u peress li f'Għawdex m'hemmx Ċentru ta' l-Arbitraġġ, jikkonsidra li huwa opportun li f'Għawdex ikollna jew altrimenti tinħoloq xi fergħa f'Għawdex biex l-arbitraġġ ta' l-Għawdxin jintħadmu f'Għawdex stess?
Response (BORG, TONIO)
Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant ser jittieħed in konsiderazzjoni meta tiġi biex titħaddem dik il-parti ta' l-abbozz tal-Liġi li qiegħed jiġi preżentement dibattut.
Għawdex — Sptar Ġenerali - ħsarat fl-air condition units
Question
Peress illi fil-wards ta' l-isptar Ġenerali ta' Għawdex kien hemm ħsarat fl-air condition units, tant illi diversi pazjenti u anke staff ilmentaw minħabba dan, tista' il-Ministru tara li t-tiswijiet meħtieġa jsiru mill-aktar fis possibbli?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Air Condition Units fis-swali ġenerali ta’ l-irġiel u tan-nisa fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex huma koperti bil-garanzija. Il-kuntrattur intalab li jsewwihom u anke intbagħtet ittra uffiċjali lill-istess kuntrattur sabiex dan jieħu l-azzjoni meħtieġa u b’hekk isiru t-tiswijiet mill-iktar fis possibbli.
Peress illi Triq Santa Maria, Triq id-Duluri, Triq il-Munġbell, Triq Għar Qawqla u l-Pjazzetta ta' Għar Qawqla, kollha f'Marsalforn, Għawdex jinsabu fi stat ħażin ħafna u peress illi skond il-kunsill lokali x-xogħlijiet f'dawn it-toroq għandhom isiru mill-Ministeru għal Għawdex, tista' il-Ministru tgħid meta se jinbdew ix-xogħlijiet u meta huwa previst li jitlestew?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-manutenzjoni tat-toroq imsemmija mill-Onor. Interpellant taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali konċernat. Filwaqt li fejn hemm bżonn ta' rikostruzzjoni tat-toroq imsemmija, dawn jidħlu fil-programm tal-Ministeru skond il-prioritajiet tal-gżira kollha.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6133 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u Investiment u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' tista' tgħid xi drittijiet għandha l-Gozo Channel fuq il-mollijiet tal-port ta' l-Imġarr, Sa Maison u Ċirkewwa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sa llum, il-kumpanija Gozo Channel Co. Ltd; kif kien il-każ tul dawn l-aħħar snin għandha l-awtoriżazzjoni mill-Awtorita' Marittima ta' Malta sabiex tuża dawn il-mollijiet sabiex tkun tista' taqdi l-obbligi tagħha.
Jista' il-Ministru jgħid u jispjega fid-dettall il-proċess għall-għażla b'lots li bbenefikaw mill-ħames Protokoll Taljan?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ix-xogħol ta’ bini ta’ toroq iffinanzjat mill-ħames protokoll bejn Malta u l-Italja nqasam fi tliet ‘LOTS’ sabiex ix-xogħol ikun jista’ jitlesta fiż-żmien allokat.
Il-proċess ta’ l-għażla sar minn Bord maħtur mill-Ministeru fuq kriterji stabbiliti fid-dokument ta’ l-offerta, li huma l-prezz, kapaċita’ teknika u finanzjarja ta’ kull kuntrattur li tefa’ din l-offerta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il proprjeta' għandha mikrija lilha l-Gozo Channel u jagħti d-dettalji relattivi?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-propjetajiet li għandha mikrija għanda l-Gozo Channel huma dawn is-segwenti:-
L-Ufficju tagħhom li jinsab f'Haywharf, Sa Maison;
L-Ufficini tagħhom li jinsabu c-Cirkewwa;
It-Ticket Booth tac-Cirkewwa;
L-Ufficini li jinsabu ġewwa Shore Street, Mgarr Għawdex
Garaxx ġewwa Mġarr Road, Għajnsielem, li jintuża bħala workshop u store.
Il-Kumpannija tħallas ukoll parti mill-kera (limitat għal LM60 fix-xahar) fuq erba' propjetajiet oħra, li jintużaw għall-akkomodazzjoni ta' xi mpjegati barranin tagħha.
Peress li fil-Qorti ta' Għawdex ma hemmx sigurta' biżżejjed, ma jaħsibx il-Viċi Prim Ministru li l-Qorti ta' Għawdex għandu jiġi mgħammar b'apparat ta' sigurta' bħal Malta?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellanti tagħmel did-domanda lill-Ministeru konċernat (Ministeru ta' Għawdex).
Peress li fl-Awla ż-żgħira tal-Qorti f'Għawdex ma kemmx air condition unit u peress li f'din l-awla qed ikun hemm sħana kbira tista' il-Ministru tara li jiġi installat aircondition unit f'din l-awla?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Minħabba l-fatt illi mpinġija mal-ħitan ta' l-awla ż-żgħira tal-Qorti ta' Għawdex hemm affreski antiki, qed tiġi kkonsultata s-Sopraintendenza għal Patrimonju Kulturali Malti sabiex jiġi żgurat li bl-eventwali istallazzjoni ta' tali air conditioning units ma ssirx ħsara lill-istess affreski. Hekk kif ikollna dawn il-pariri tekniċi, jittieħdu l-passi sabiex din l-awla tiġi mgħammra bl-arja kundizzjonata, jekk ikun il-kaz.
Peress li fil-Qorti ta' Għawdex hemm ilmenti dwar inkonvenjenti kkawżati minn ġrieden kif ukoll hemm riħa tinten ħierġa mis-sigrieta ta' l-Awla ż-żgħira, tista' il-Ministru tara li din is-sitwazzjoni tingħata attenzjoni biex tiġi riożolta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Intalbet l-għajnuna tad-Dipartiment tas-Saħħa u ttieħdu passi neċessarji sabiex dan l-inkonvenjent jiġi eliminat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-pożizzjoni dwar il-ħaddiema tal-Kafetterija tal-Gozo Channel hux se tiġi riveduta u jekk wara Ottubru 2004 dawn humiex se jibqgħu mal-Gozo Channel jew humiex se jitkeċċew?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li kienet ingħatat għal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5665 peress illi ma kien hemm ebda żvilupp minn dakinhar.
Għawdex — Nadur - Xogħlijiet ta' manutenzjoni fi Triq Qala
Question
Tista' il-Ministru tgħid x'xogħlijiet ta' manutenzjoni saru fi Triq Qala, fin-Nadur, Għawdex f'dawn l-aħħar ħames snin u tindika x-xhur li fihom ikunu saru x-xogħlijiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ma għandix xi nżid mar-risposta għal mistoqsija numru 5620.
Jista' il-Ministru jgħid kif jiġi allokat l-overtime tal-ħaddiema tal-Gozo Channel?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li overtime, meta jkun hemm bżonnu, jitqassam fuq sekwenza sabiex il-ħaddiema kollha jkunu jistgħu jibbenifikaw indaqs.
F'każ li jkun hemm lok ta' sahra fil-ġimgħa meta diġa tkun saret ir-roster, dan jiġi offrut lill-ħaddiema li ma jkunux xogħol f'dik il-ġurnata, wkoll fuq bażi ta' sekwenza.
Heritage Malta — Ittra li ntbagħtet lil Katidral ta' Għawdex
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5946, b'riferenza għall-ittra li nkitbet minn Heritage Malta lill-Katidral ta' Għawdex dwar il-kanuni li hemm quddiem il-faċċata ta' l-istess Katidral, jista' il-Ministru jgħid jekk ittri bħal din inkitbux ukoll lill-katidral ta' l-Imdina u lill-Konkatidral ta' San Ġwann kif ukoll rigward il-kanuni li hemm quddiem il-Berġa ta' Kastilja u quddiem il-Main Guard fil-Belt Valletta? Jekk it-tweġiba hi fin-negattiv, jista' jgħid għal liema raġuni saret din id-diskriminazzjoni u jekk il-gvern hux lest biex jikkundanna din id-diskriminazzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-istess ittra preċiża ntbagħtet għar-rigward il-kanuni indikati mill-Onor Interpellant ħlief għal "dawk tal-Main Guard" għax dawn ma jeżiżtux u għal "dawk ta' quddiem Kastilja" għax l-arranġamenti f'dan il-każ se jsiru aktar tard.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5950 u r-risposta relattiva li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, tista' il-Ministru tgħid jekk f'dawn l-aħħar sentejn ingħatawx flus impressed lill-iskola tad-drama fin-Nadur? Jekk iva, kemm kienet is-somma li ntnefqet għas-sala tat-teatru ta' l-iskola?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li f'dawn l-aħħar sentejn il-flus imprest li ngħataw lill-iskola tad-drama fin-Nadur huwa kif jidher hawn taħt:
Sena 2003: Lm2,566
Sena 2004: Lm3,200
Minn dawn, is-somma ta' Lm114 ntefqet għas-sala tat-teatru ta' l-iskola in kwistjoni.
Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar il-proċess tal-ħatra tal-manager tal-Malta Racing Club?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-persuna li qed taġixxi ta' amministratur fil-Malta Racing Club hija uffiċċjal pubbliku li ġie assenjat dan ix-xogħol wara li ċ-Chairman tal-Malta Racing Club talab li l-Kumitat konċernat ikollu l-assistenza ta' uffiċċjal pubbliku.
Peresss li issa t-tariffi tal-Gozo Channel għolew, tista' il-Ministru tgħid jekk u meta se tiżdied l-għajnuna lill-ħaddiema u studenti Għawdxin in konsegwenza ta' din iż-żieda?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għar-risposta għall-mistoqsija numru 5274. Il-kumpens għaż-żieda fin-nollijiet qed jiġi kkunsidrat mill-Ministeru tal-Finanzi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-pożizzjoni dwar il-ħaddiema tal-Kafetterija tal-Gozo Channel hux se tiġi riveduta u jekk wara Ottubru 2004 dawn humiex se jibqgħu mal-Gozo Channel jew humiex se jitkeċċew?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'xi seduta oħra.