Jista' il-Ministru jgħid x'tibdiliet saru fil-manning ta' l-engine room fuq il-vapuri tal-Gozo Channel? Jista' jagħti r-raġunijiet għal dan it-tibdil?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li minn meta inħareġ is-'Safe manning Document' tal-vapuri mill-MMA (Awtorita' Marittima ta' Malta) kif rivedut, ma baqax l-obbligu li jkun hemm it-tielet persuna (il-Motorman) abbord, għax ma baqax jifforma parti integrali tal-krew. Madankollu, il-ħtieġa li jkunu hemm ic-'Chief Engineer' u s-Second Engineer' baqa' hemm.
Jista' il-Ministru jgħid kif inhu x-shift tat-terminal attendants Għawdxin tal-Gozo Channel li qed jaqdu dmirijiethom iċ-Ċirkewwa?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-ħinijiet tax-Shift tat-Terminal Assistants li jaħdmu ċ-Ċirkewwa huwa normalment ta' għaxar siegħat, minħabba n-natura u l-esigenzi tax-xogħol.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10476, peress li saret mistoqsija parlamentari dwar il-kesħa fl-għassa tal-pulizija tar-Rabat, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li din il-problema tiġi rranġata?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Membru għall-aħħar parti tat-Tweġiba li jien tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 10476.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10479 dwar Triq Sannat, fis-Sannat Għawdex, tista' il-Ministru tindika meta se jsiru x-xogħlijiet peress li din hija triq li minnha jgħaddu ħafna nies u l-inkonvenjent minħabba l-istat tat-triq huwa kbir?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħlijiet fi Triq Sannat, fis-Sannat huma ppjanati li jsiru s-sena d-dieħla.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex is-sussidju li ssoltu jingħata lil lanċa li topera għall-Kemmuna għadu ma ngħatax? Jaf li l-ħaddiema u dawk kollha li jivjaġġaw lejn Kemmuna qed ibatu minn dan l-inkonvenjent għax ikollhom iħallsu għat-trasport?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat illi ma' kien jingħata ebda sussidju fir-rigward tal-lanċa msemmija mill-Onor Interpellant. Li kien jiġri hu li kienet tinkera lanċa biex tieħu qassis u pulizija biss (mhux "ħaddiema u dawk kollha li jivjaġġaw") is-Sibt, il-Ħadd u festi pubbliċi bejn Novembru u Mejju. Il-Gozo Channel kienet tħallas Lm28.00 kull vjaġġ. Peress li l-Gozo Channel illum qed taħdem taħt Public Service Obligation Contract il-kirja relattiva - jekk għandha tibqa ssir - trid issir jew direttament minn min hu interessat jew taħt l-obligi tal-kuntratt.
B'referenza għal diversi mistoqsijiet parlamentari li diġa' saru dwar toilets fiċ-Ċirkewwa peress li kemm il-ħaddiema kif ukoll il-passiġġieri qed jilmentaw minħabba faċilita' ta' toilets adegwati, jista' il-Ministru jara li dan l-inkonvenjent jiġi rimedjat?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposti li tajt għad-domandi numru 7624 u 8016 fejn jirrigwarda il-ħaddiema. Dwar l-użu mill-pubbliku , l-Onor. Interpellant hi għal darb'oħra mitluba biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex Malta ma jidħlux prodotti ta' l-għajnejn u tal-contact lenses li jkunu preservative free?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tas-Saħħa ma jerżerċita l-ebda kontroll fuq id-dħul f'Malta ta' prodotti tal-għajnejn u tal-contact lenses ħlief meta dawn ikunu mediċini.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9946 u għar-risposta relattiva, jista' il-Ministru jara x'jista' isir biex ma tibqax din id-diskriminazzjoni fil-konfront tad-detenturi tal-karta anzjan f'Għawdex?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
M'għandi xejn xi nżied mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9946.
Peress illi fl-għassa tal-pulizija tar-Rabat, Għawdex hemm problema ta' kesħa fix-xitwa u sħana kbira fis-sajf, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li tiġi stallata sistema ta' ajra kondizzjonata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f'Marzu ta' l-2004, fuq talba tal-Pulizija t'Għawdex, kienu ġew installati 4 airconditioning units fl-uffiċini tal-Pulizija tar-Rabat. Hekk kif dawn ġew installati, saret talba oħra sabiex jitwaħħlu air conditioning units, din id-darba fl-Għassa tar-Rabat, liema talba qed tkun kunsidrata għas-sena finanzjarja li qegħdin fiha. Pero' għar-rigward tal-kesħa matul ix-xitwa, ninsab infurmat illi ma jidhirx li hemm din il-problema, peress li ma saret ebda talba sabiex jingħataw aktar heaters għal din l-Għassa.
Peress li Triq Sannat, Sannat, Għawdex tinsab fi stat delapidat ħafna u ilha hekk għal diversi snin, tista' il-Ministru tara li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa mill-iktar fis?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħlijiet fi Triq Sannat, sejrin isiru aktar 'il quddiem skond il-prijoritajiet tal-gżira kollha.
Tista' il-Ministru tgħid meta se jingħataw il-premjijiet lir-rebbieħa tal-wirja ta' Santa Marija 2004 peress li issa għaddew diversi xhur?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-premijiet lir-rebbieha tal-wirja ta' Santa Marija 2004 ser jithallsu meta s-Socjeta' Agrarja, Kulturali u Industrijali Ghawdxija jkollha l-fondi mehtiega. Jiena ser nara li dawn jinghatawlha mill-iktar fis possibli.
Peress li z-zona magħrufa bħala tal-Qasam f'San Lawrenz kif ukoll it-triq huma fi stat delapidat ħafna, tista' il-Ministru tgħid jekk huwiex maħsub li jsiru xi xogħlijiet biex din iz-zona ma tibqax żdingata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru koncernat peress li z-zona msemmija taqa' taht ir-responsabilita' tal-Kunsill Lokali.
Peress illi fl-għassa tal-pulizija tar-Rabat, Għawdex fix-xitwa jkun hemm ħafna ksieħ u fis-sajf ikun hemm ħafna sħana, tista' il-Ministru tara li jiġu stallati air conditioners?
Jista' il-Ministru jgħid għaliex kors tal-bini li kien hemm isir fl-MCAST tax-Xewkija, Għawdex, liema kors suppost kien ta' 69 siegħa ġie mwaqqaf wara 56 siegħa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-avviż li kien deher fil-ġurnali kien indikat ċar li l-kors kien ser ikun ta' 45 siegħa kif miftiehem bejn l-MCAST u l-BICC. Żdiedu wkoll numru ta' siegħat għall-parti prattika tal-kors.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iskrivani li hemm jaħdmu l-isptar San Luqa hux se jiġu trasferiti ma' xi entita' oħra meta jibda jopera l-isptar Mater Dei?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li ma' ttieħdu ebda deċiżjonijiet biex l-iskrivani li qegħdin jaħdmu l-Isptar San Luqa jiġu trasferiti f'xi entitajiet oħra meta jibda jopera l-Isptar Mater Dei.
Peress li d-dwal tal-moll tan-naħa ta' wara taċ-Ċirkewwa bil-ħsara, peress li jekk ikun bżonn li l-vapur jopera min-naħa ta' wara dan ma jistax minħabba l-periklu għax ma hemmx dawl, peress li jidher li hemm kwestjoni dwar min hu responsabbli jekk hux il-Gozo Channel jew il-Malta Maritime Authority, ma jaħsibx il-Ministru li dawn id-dwal għandhom jitranġaw immedjatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ntlaħħaq ftehim bejn l-Awtorita' Marittima u l-Gozo Channel Co Ltd. rigward id-dwal tal-moll ġewwa ċ-ċirkewwa. Għaldaqstant it-tiswijiet meħtieġa mistennija jibdew dalwaqt.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali għall-elezzjonijiet li saru fit-12 ta' Ġunju, 2004 kemm għall-membru tal-parlament Ewropew kif ukoll għall-kunsilli lokali?
Jista' ġentilment jindika dettaljatament kif u fiex intnefqu dawn il-flus?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tiġi miġbura u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.