Qorti ta' Għawdex — Apparat għal video conferencing
Question
Tista' il-Ministru tgħid meta l-qorti ta' Ghawdex se jiġi armat b'apparat għall video conferencing kif ukoll bi screens/monitors u video recorders biex il-qorti jkunu jistgħu jintwerew filmati li jiġu prodotti bħala prova mill-partijiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li ġa qed jittieħdu l-passi meħtieġa biex fil-Qorti ta' Għawdex ikun hemm il-faċilitajiet ta' monitors, video recorder u video camera.
Jista' il-Ministru ġentilment iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra lista aġġornata ta' l-għaqdiet sportivi kollha f'Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-provvedimenti tar-reġistrazzjoni ta' l-għaqdiet sportivi mal-Kunsill Malti Għall-Isport għadhom ma daħlux fis-seħħ, ma jirriżultalix li hemm lista uffiċċjali ta' dawn l-għaqdiet.
B'rifernza għal mistoqsija parlamentari 11529, tista' il-Ministru tispjega u tgħid x'kienu ċ-ċirkostanzi li taw lok għal dawn ir-riżenji u meta ngħataw? Inoltre, tista' tgħid x'passi qed jittieħdu u jekk ħarġux calls for application? Jekk ħarġu calls for application tista' tgħid meta? Ma taħsibx il-Ministru li sakemm tiġi rimedjata s-sitwazzjoni għandu jkun hemm rimedju temporanju u cioe' jiġi ENT minn Malta biex jara l-pazjenti Għawdex u mhux l-Għawdxin imorru Malta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Dwar is-suġġerimenti ta' l-Onorevoli Interpellant biex jiġu speċjalisti ta' l-ENT minn Malta biex jaraw il-pazjenti f'Għawdex, dan kien diga' qed isir. Infatti s-servizz f'Għawdex minn dejjem kien offrut bi speċjalisti li jiġu minn Malta. Is-servizz ta' dawn waqaf għaliex bir-riżenji li kien hemm f'Malta, id-Dipartiment tas-Saħħa ra li ma setgħax jibqa' joffri dan is-servizz f'Għawdex.
Il-proċess ta' reklutaġġ ta' dawn l-Ispeċjalisti qiegħed isir mill-Ministeru tas-Saħħa f'Malta.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm teaching staff fl-iskola tal-mużika ta' Sannat u tgħid kemm jgħallem sigħat fil-ġimgħa u kemm għandu studenti kull għalliem f'din l-iskola?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lil Ministru kkonċernat.
Peress li l-iskola tal-mużika f'Ta' Sannat għandha bżonn il-manutenzjoni, tista' il-Ministru tgħid meta se jsiru dawn ix-xogħlijiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-offerta għax-xogħlijiet meħtieġa tinsab fil-fażi ta' l-adjudication. Ix-xogħlijiet huma ppjanati li jibdew hekk kif dan il-proċess ikun konkluż.
B'riferenza għall-iżvilupp li se jsir fl-iskola tal-Qala, tista' il-Ministru tgħid jekk hux se jintmess il-bini kif proġettat mill-Perit Huntingford u li għandu valur arkitettoniku?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-iżvilupp maħsub għall-iskola tal-Qala ser isir biss wara li jkun hemm il-permessi kollha meħtieġa mill-Awtorita' Maltija ta' l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Jista' il-Ministru jara jekk huwiex possibbli li meta l-vapur ikun se jopera minn Sa Maison jitwaħħal avviż fl-ajruport ta' Malta biex min ikun ġej minn barra ma joqgħodx imur inutilment iċ-Ċirkewwa, bħalma ġara fl-10 ta' April 2005?
Response (GATT, AUSTIN)
Is-suġġeriment huwa utli, u uffiċjali tal-GCCL ser javviċinaw lil MIA biex jaraw kif dan jista' jsir.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex is-sentinella fiċ-Ċittadella kienet qed tkun magħluqa meta kien hemm wirja ta' artist internazzjonali l-ġimgħa li għaddiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Il-Wirja ta' l-Artisti Internazzjonali Ċiniżi li saret fis-Sentinella ġiet inawgurata fl-20 ta' Frar 2005 u baqgħet għaddejja sal-11 ta' Marzu 2005. Il-wirja infetħet kuljum (bis-Sibtijiet u l-Ħdud inklużi) għajr għal xi ġranet meta l-impjegati tat-Taqsima tal-Kultura li jaħdmu fis-Sentinella kienu mpenjati f'ħidma oħra li l-istess Taqsima kienet kommessa bih sa minn qabel ma ġiet ibbukjata din il-wirja prestiġuża. L-organiżatturi tal-wirja kienu nfurmati minn qabel, li peress li arranġamenti biex tittella' l-wirja saru fi żmien relattiv qasir, seta' jkun hemm xi ġranet meta din ma tkunx tista' tinfetaħ minħabba impenji li l-Uffiċju tal-Kultura kien diġa' kommess fuqhom minn qabel..
Tista' il-Ministru tgħid għaliex is-sentinella fiċ-Ċittadella kienet qed tkun magħluqa meta kien hemm wirja ta' artist internazzjonali l-ġimgħa li għaddiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' il-Ministru tgħid meta se tingħata t-tarmak Triq Rotunda, Xewkija, Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li parti minn Triq ir-Rotunda fix-Xewkija diġa' miksija bit-tarmak. Il-parti l-oħra tat-triq tkun tista' ssir aktar 'il quddiem skond il-prioritajiet għal Għawdex kollu.
Tista' il-Ministru tara li l-ħajt tas-sur tan-naħa ta' Foreman Street, Rabat, Għawdex issirlu l-manutenzjoni meħtieġa peress li qed jinqala' ġebel imdaqqas li jista' ikun ta' periklu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li qiegħda tittieħed azzjoni biex isiru tiswijiet fil-ħajt tas-sur tan-naħa ta' Foreman Street, ir-Rabat Għawdex.
Tista' il-Ministru tgħid xi żvilupp qed isir in-naħa tal-breakwater f'Marsalforn?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li saret applkazzjoni lill-MEPA għat-twaqqiegħ u bini mill-ġdid ta' taraġ eżistenti fl-inħawi tal-breakwater f'Marsalforn bil-ħsieb li jigu wkoll pprovduti faċilitajiet sportivi.
Peress li qed ikun hemm ilmenti daparti ta' ġenituri li għandhom lil uliedhom bil-facilitator fl-iskejjel għaliex meta l-facilitators ma jiġux l-iskola t-tfal jintbagħtu lura lejn id-dar, jista' il-Ministru jara jekk huwiex possibbli li jkun hemm facilitators extra biex meta dawn il-facilitators ma jmorrux l-iskola t-tfal jibqgħu l-iskola biex jitgħallmu u ma jintbagħtux id-dar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm facilitators extra li jissejħu "On Call facilitators". Mill-istess natura tax-xogħol tagħhom dawn il-facilitators jiġu ikkuntattjati mill-iskejjel fi żmien qasir u mhux dejjem ikunu f'pożizzjoni li jattendu l-iskola biex jieħdu post facilitator li ma tkunx attendiet.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex l-appuntamenti tal-pazjenti ma' l-ENT fl-isptar ġenerali ta' Għawdex ġew ikkanċellati u bagħtuhom Malta? Tista' tgħid jekk dan l-inkonvenjent huwiex temporanju jew le?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-appuntamenti ta' l-ENT ġew ikkanċellati għaliex telqu bla ma kien mistenni żewġ speċjalisti ta' l-ENT, it-tnejn Senior Registrars. B'riżultat ta' dan in-nuqqas ta' speċjalisti kellhom jitnaqqsu s-servizzi ta' l-ENT.
Is-sitwazzjoni għandha tiġi għan-normal meta jiġi konkluż il-proċess li hu għaddej għar-reklutaġġ ta' speċjalisti ta' l-ENT.
Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jara li l-applikazzjoni għall-fidi ta' ċens tal-joint office - dettalji dwarha qed jingħataw separatament - tiġi pproċessata peress li ilha pendenti mill-1996?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni għall-fidi ta' ċens li ngħataw id-dettalji dwarha waslet fi stadju avvanzat u fi żmien qasir l-applikant jissejjaħ għal kuntratt ta' fidi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk studenti ta' l-Institute of Health Care li jkunu rrepetew is-sena fis-sajf, jagħmlux work phase u jekk jitħallsux tax-xogħol tas-sajf?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li studenti ta' l-Institute of Health Care huma biss eleġibbli li matul il-kors tagħhom jitħallsu biss ta' erbgħa 'summer workphases' matul l-erbgħa snin tal-kors tagħhom.
Informat ukoll li studenti li jirrepetu xi sena, per konsegwenza, ma jkunux eleġibbli li jitħallsu il-workphase allowance imma xorta jkunu meħtieġa illi jaħdmu il-workphase biex itellgħu s-siegħat neċessarji ta’ taħrig prattiku kif jitolbu r-regolamenti tal-kors relattiv.
Taħseb il-Ministru li studenti Għawdxin li jattendu korsijiet Malta u li ma jkollhomx stipendju għax ikunu rripetew is-sena għandu jkollhom allowance speċjali għalihom biex ikunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li dawk l-istudenti Ghawdxin li ma jkollhomx stipendji ghax ikunu rrepetew is-sena huma ntitolati ghal sussidju ta' Lm70 kull tliet xhur. Dan is-sussidju jinghata lil dawk l-istudenti Ghawdxin li ma jkollhom l-ebda stipendju u jkunu qeghdin jattendu korsijiet f'Malta li ma jsirux f'Ghawdex.