B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11999 u r-risposta relattiva senjatament għall-iskeda, jista' il-Ministru jispjega l-ewwa skeda ta' għalliema full-time fejn hemm għalliem li m'għandux klassijiet u m'għandux studenti? Jista' jgħid dan l-"għalliem" kemm jitħallas fix-xahar u kemm ilu jgħallem hemm?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema li tidher fl-ewwel skeda ta' għalliema full-time fir-risposta li għaliha qed tirreferi l-Onor. Membru u li m'għandhiex klassijiet u studenti, qegħda taqdi d-doveri ta' kap ta' skola tal-mużika. Din l-għalliema qegħda fuq skala 7.6.
Tista' il-Ministru tgħid meta se jiġu finalizzati x-xogħlijiet fi Triq Birbuba, l-Għarb, peress li r-residenti qegħdin ibatu inkonvenjenti kbar?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħlijiet fi Triq Birbuba l-Għarb qiegħdin isiru mill-Kunsill Lokali ta' l-Għarb. Għalhekk nitlob l-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni vaccine tal-Hepatitis A ma jingħatax b'xejn mill-polyclinics - vaccine li jiswa Lm17 u li min imur il-polyclinic irid jixtriħ hu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tilqim li mhux fl-iskeda ta' tilqim stabilita' mid-Diviżjoni tas-Saħħa qatt ma kien jingħata b'xejn iżda dejjem sar bi ħlas ħlief għall-każijiet eċċezjonali li jiġu eżentati (e.g. nies sejrin għall-missjoni). It-tilqima kontra l-Hepatitis A mhix waħda mit-tilqim fl-iskeda.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għal liema raġuni l-maġistrat Consuelo Scerri Herrera ma ngħatatx staff biex tkun tista' tkompli l-ħidma siewja tagħha f'Għawdex bil-konsegwenza li l-kawżi li kien hemm fuq il-lista ġew differiti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Maġistrat Dr Consuelo Scerri Herrera dejjem ingħatat l-istaff li kellha bżonn biex taqdi d-dmirijiet tagħha fil-Qrati t'Għawdex u dan mir-riżorsi umani li jeżistu f'dawk il-Qrati.
Peress li fi Triq ta' Xħajma, f'Għawdex hemm flow kbira ta' traffiku u peress li f'dik it-triq hemm ukoll il-korsa taż-żwiemel, jista' il-Ministru jara li fl-entratura tal-korsa jitwaħħlu mirja kif ukoll isiru sinjali biex javżaw lis-sewwieqa tal-vetturi li hemm l-entrata tal-korsa taż-żwiemel biex joqogħdu attenti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-recordstad-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku jirriżulta li l-Kunsill Lokali tax-Xewkija m’għamel l-ebda talba għall-traffic mirror fl-entratura tal-korsa taż-żwiemel fi Triq tax-Xħajma.
Id-Direttorat ser jikkonsulta mall-Kunsill Lokali ikkonċernat sabiex jittieħdu l-passi meħtiega.
Jista' il-Prim Ministru jagħti l-elenku tad-diretturi kollha ta' kull dipartiment tal-gvern, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex u jindika d-data ta' l-ingaġġ ta' kull wieħed minn dawn id-diretturi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdil ta' regolamenti jew liġijiet dwar it-tiġrijiet taż-żwiemel li jsiru fit-toroq? Jista' in oltre jgħid jekk din is-sena hux se jitħallew isiru dawn it-tiġrijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma sarx tibdil fil-liġi minn dan il-Ministeru.
Tista' il-Ministru tgħid jekk il-ħaddiema tal-gvern li jaħdmu fiċ-Cittadella jeħdux height allowance minħabba n-natura tax-xogħlijiet li jiġu eżegwiti fuq is-sur? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid kemm hu fix-xahar?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li d-direttur konċernat approva li l-impjegati li jaħdmu fiċ-Ċittadella jingħataw kumpens ta' Height Allowance meta jkun il-każ.
Jiena nfurmata wkoll li d-direttur ser jara li kulħadd jingħata l-kumpens kif dovut lilu skond l-approvazzjoni tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tissewwa r-refrigeration system fil-cafetteria tal-Gaudos, peress li din il-ħsara ilha tippersisti għal xi ġimgħat u issa li dieħel l-istaġun tas-sħana jista' anke jsir ħsara lill-ikel li jiġi servut lill-passiġġieri?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' il-Ministru tgħid jekk humiex se jsiru xi xogħlijiet fil-korsa taż-żwiemel f' Ta' Xħajma?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li huwa propost li jsir żvilupp fil-korsa taż-żwiemel f'Ta' Xħajma li ser ikun ukoll ta' benefiċċju għad-dilettanti taż-żwiemel. Il-Ministeru għal Għawdex beħsiebu jikkonsulta mar-rappreżentanti tad-dilettanti taż-żwiemel fil-waqt opportun.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11730 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Ministru jgħid kemm hemm teaching staff fl-iskola tal-mużika ta' Sannat u jgħid kemm jgħallem sigħat fil-ġimgħa kull għalliem/instructor u kemm għandu studenti kull għalliem f'din l-iskola?
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 11529 u 11729, jista' il-Ministru jgħid x'qed isir biex l-inkonvenjent ta' nuqqas ta' ENTs fl-istpar ta' Għawdex jiġi rimedjat kemm jista' ikun malajr?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jittieħdu passi biex ikunu ngaġġati tobba fil-grad ta' Senior House Officer u Senior Registrat sabiex ikun hemm in-numru ta' nies meħtieġa biex jiġu pprovduti s-servizzi rikjesti.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx ingaġġati xi nies mal-Gozo Channel mill-1 ta' Jannar 2005? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhu l-post u s-salarju relattiv?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.