Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gozo Channel — Ħaddiema

Question

Peress illi l-ħaddiema tal-Gozo Channel ġew fornuti b'sunblock SPF 20 u peress li dawn il-ħaddiema jgħaddu ħafna ħin fix-xemx, jista' il-Ministru jara li dawn jiġu fornuti b'sunblock ta' SPF ogħla minn 20?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għal-Mstoqsija Parlamentari Nru.5619. Reġa' ġie vverifikat mad-dermatoloġista fl-Isptar Boffa li s-sunblock b'SPF 20 huwa suffiċjenti.

Cafetteria tal-vapur Gaudos

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tissewwa r-refrigeration system fil-cafetteria tal-Gaudos, peress li din il-ħsara ilha tippersisti għal xi ġimgħat u issa li dieħel l-istaġun tas-sħana jista' anke jsir ħsara lill-ikel li jiġi servut lill-passiġġieri?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-ħsara li kien hemm fir-'refrigeration' fuq il-vapur MV Gaudos kellha bżonn xi spare parts biex tissewwa. Dawn ġew ordnati u malli jaslu għand il-Gozo Channel il-ħsara tissewwa minnufih. Ninsab infurmat ukoll illi l-kumpanija Gozo Channel ħadet ħsieb ukoll sabiex l-ikel u x-xorb jitqiegħed fejn hemm refrigeration, filwaqt li fejn hemm il-ħsara ma ntużax.

Sparar fuq plattini

Question

Peress li hemm ħafna żgħażagħ taħt l-eta' li huma dilettanti ta' l-isparar fuq plattini, eċċ u jixtiequ ħafna jipprattikaw dan l-isport, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex maħsub tibdil fil-liġi limitatament għal skopijiet ta' sports, biex dawn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jipprattikaw dan l-isports?

Response (BORG, TONIO)

Dan is-suġġeriment diġa' ġie ikkunsidrat. Nirreferi ukoll għat-Tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 11864.

Dwejra — Proġett ta' konservazzjoni

Question

B'riferenza għall-proġett ta' konservazzjoni tad-Dwejra, peress li f'dawn l-inħawi hemm ħafna mnasab fi proprjetajiet privati li se jkunu koperti bil-proġett, jista' il-Ministru jgħid jekk dawn l-imnasab hux se jitħallew hemm jew le?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Pjan ta’ Azzjoni tad-Dwejra, huwa fi stadju ta’ abbozz għall-konsultazzjoni pubblika. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qed tagħmel laqgħat mal-pubbliku u kull kumment u suġġerimenti qed jiġu kkunsidrati.

Enemalta — Wires ta' l-elettriku

Question

Peress li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qed tbati minn inkonvenjent ta' wires ta' l-Enemalta għaddejjin minn fuq il-proprjeta' tagħha u qegħdin fil-baxx, peress li dawn il-wires huma ta' periklu kbir u peress li ilhom snin twal isiru ilmenti minn din il-persuna dwar dan il-periklu iżda inutilment, jista' il-Ministru jindirizza dan il-periklu għal din il-familja?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-wires imsemmija huma mgħoddija skond kif titlob is-sengħa. Dawn ikunu jistgħu jitneħħew meta joħorġu l-permessi meħtieġa għall-iżvilupp li hemm fl-inħawi .

Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji — Kumpens

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk kumpensi mogħtija mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji humiex suġġetti għat-taxxa fuq l-income?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellanta illi l-ebda taxxa ma hi dovuta jew pagabbli fuq ħlasijiet, magħmulin lill-individwi mill-Gvern ta’ Malta jew minn xi korporazzjoni jew korp stabbilit b’liġi jew minn xi soċjetà jew korp ieħor li fih il-Gvern ikollu kontroll, bħala kumpens għal xi telf ta’ income u li jkunu saru fuq rakkomandazzjoni tat-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji mwaqqaf skond l-Att VIII ta’ l-1997.

Servizz Pubbliku — Ħaddiema fuq light duties

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-proċess biex impjegat tal-gvern jingħata light duties u kif jinbeda dan il-proċess? In oltre, jista' ġentilment jgħid x'tip ta' xogħol hu kkonsidrat bħala light u x'implikazzjonijiet u/jew x'effett ikun hemm fuq is-salarju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-policy tal-gvern hija li ma jaċċettax li mpjegati pubbliċi jkunu fuq light duties. Eċċezzjoni tingħata lil min ikun weġġa’ fuq ix-xogħol.
Leg 10 PQ #12376 Sitting 267 2005-05-16 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Trasport lin-negozjanti — Sussidju

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm talbiet pendenti għal ħlasijiet ta' sussidju għat-trasport lin-negozjanti u tagħti breakdown, kull sena separatament, mill-2000 sal-lum?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-Ministeru għal Għawdex għandu sbatax-il talba approvata u pendenti, għal ħlasijiet ta’ sussidju għat-trasport lin-negozjanti. Dawn it-talbiet huma maqsuma kif ġej: Talba waħda għas-snin 2001/2002; Erbatax-il talba għas sena 2002 li minnhom tħallsu 43% tal-ammonti approvati; Żewġ talbiet għas-sena 2002 u parti mis-sena 2003. Minn dawn tħallsu 43% tal-ammonti approvati għas-sena 2002.

Vapur ta' Pinu — Problema fis-sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi ndirizzata l-problema tas-sistiema tad-drenaġġ fuq il-vapur Ta' Pinu li qed tikkawża rwejjaħ jintnu a detriment tal-passiġġieri?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li m'hemm l-ebda problema fis-sistema tad-drenaġġ tal-vapur MV Ta' Pinu.

Dipartiment għas-servizzi ta' l-indafa — Rimi ta' skart b'mod illegali

Question

B'riferenza għall-komunikat mill-Ministeru dwar id-dipartiment għas-servizzi ta' l-indafa u dwar il-freephone 8007 6608 biex min jinnota skart mormi b'mod illegali, eċċ. ikun jista' jirrapporta fuq dak in-numru, jista' il-Ministru jgħid jekk dan il-freephone huwiex se jieħu wkoll rapporti minn Għawdex jew jekk huwiex maħsub li jkun hemm freephone għal Għawdex biss?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li s-servizz tal-freephone 8007 6608 huwa għal Malta. Rigward jekk huwiex maħsub li jkun hemm freephone għal Għawdex biss, nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #12264 Sitting 266 2005-05-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Permanent pitches

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir pitch permanenti tal-waterpolo f'xi bajja ta' Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li m'hemmx ħsieb li jsir pitch permanenti tal-waterpolo f'xi bajja ta' Għawdex.
Leg 10 PQ #12266 Sitting 266 2005-05-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Attivitajiet sportivi

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm intnefqu flus mill-gvern għal trophies u/jew premjijiet oħra għall-attivitajiet sportivi organizzati f'Għawdex fis-snin 2002, 2003 u 2004 sal-lum, kull sena separatament?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-flus li ntefqu mill-gvern għal trophies u/jew premjijiet oħra għall-attivitajiet sportivi organizzati f'Għawdex matul is-snin mitluba, kienu hekk kif imniżżla hawn taħt: 2002 Lm83.00 2003 Xejn 2004 Lm353.00
Leg 10 PQ #12267 Sitting 266 2005-05-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Qala — Xogħlijiet fl-iskola

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 11732 u għar-risposta relattiva, peress illi jien informata li ntwera tħassib dwar ix-xogħlijiet tal-perit Huntingford fl-iskola tal-Qala, tista' il-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti u outline application sottomessa lill-MEPA?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kopja tal-pjanti mitluba diġa' poġġejthom fuq il-mejda tal-Kamra permezz tar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 11371. Ma saritx outline application lill-MEPA peress li saret full development application li tinsab pubblika fuq il-website tal-MEPA.

Homehelp

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura sabiex persuna li għandha l-homehelp jiżdidulha s-sigħat tal-helper, u bejn wieħed u ieħor kemm iddum tali proċedura?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta ssir talba għal aktar siegħat fis-servizz tal-Home Help tintuża din il-proċedura:- A) Il-klijent iressaq it-talba għal aktar siegħat mas-Supervisor ta' l-area tiegħu. Jintalab Rapport Mediku tal-klijent/klijenti. Is-supervisor tirreferi din it-talba flimkien mal-kummenti tagħha lill-Bord ta' Allokazzjoni. B) F'ċerti każi fejn il-klijenti jkunu qegħdin jibbenefikaw minn numru sostanzjali ta' siegħat, barra li jittieħedu l-proċeduri hawn fuq imsemmija (A), isir ukoll Social Worker's re-assessment. Din il-proċedura tieħu bejn ħmistax u erbgħa ġimgħat. Ċ) Meta t-talba ssir fuq bażi urġenti, din tiġi analiżżata u tittieħed deċiżjoni mmedjatament.

Ministeru ta' l-edukazzjoni — Sezzjoni żgħażagħ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew allokati fondi għas-sezzjoni żgħażagħ fi ħdan il-ministeru ta' l-edukazzjoni? In oltre, jista' jgħid kemm hemm impjegati ma' din is-sezzjoni u jekk hemmx xi ħsieb li jiġu mpjegati oħrajn? Hemm intenzjoni jew pjanijiet biex jiġu mpjegati youth workers?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-fondi li ġew allokati huma ta' Lm197,550 kif jidher fl-estimi ta' 2005 u approvati mill-Kamra tad-Deputati f'Novembru 2004. Hemm żewġ impjegati bħalissa u ser jittieħdu passi biex il-kumplament ta' l-istaff jiżdied skond il-policy tal-Gvern dwar deployment ta' impjegati fis-settur pubbliku.
Leg 10 PQ #12257 Sitting 265 2005-05-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Xogħlijiet ta' patching

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm saru xogħlijiet ta' patching f'Għawdex kull xahar separatament mill-1 ta' Jannar 2004 sal-lum u tgħid in-nefqa kemm kienet kull xahar separatament u min esegwixxa dawn ix-xogħlijiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li x-xogħol ta' patching li sar f'Għawdex mill-1 ta' Jannar 2004 sal-aħħar ta' April 2005 huwa kif jidher fl-iskeda annessa. Dan ix-xogħol sar mill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp.
Leg 10 PQ #12258 Sitting 265 2005-05-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex — Triq Ġuże Cremona

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta se ssir Triq Ġuże Cremona fir-Rabat Għawdex peress li r-residenti ilhom ibatu minn dan l-inkonvenjent għal snin twal?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li x-xogħlijiet fi Triq Guże Cremona fir-Rabat, isiru aktar 'il quddiem skond il-proċeduri normali f'dawn il-każijiet u skond il-prijoritajiet tal-gżira kollha.

Servizz Pubbliku — Ħaddiema fuq light duties

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-proċess biex impjegat tal-gvern jingħata light duties u kif jinbeda dan il-proċess? In oltre, jista' ġentilment jgħid x'tip ta' xogħol hu kkonsidrat bħala light u x'implikazzjonijiet u/jew x'effett ikun hemm fuq is-salarju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #12261 Sitting 265 2005-05-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex — Tennis courts

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex it-tennis courts li hemm fil-playing field tar-Rabat Għawdex ma ġewx irranġati b'mod li jkunu jistgħu jintużaw mingħajr periklu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-arranġamenti meħtieġa huma ppjanati biex ikunu parti mix-xogħlijiet maħsuba għal dik iż-żona aktar 'il quddiem.