Jista' il-Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-ħsara li reġa' hemm fuq il-vapur Melita tal-Gozo Channel? Meta se jerġa' jibda jopera l-istess vapur u kemm hi mistennija li tkun l-ispiża biex tissewwa din il-ħsara?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ħsara li kien hemm fuq il-vapur Malita kienet fis-'cylinder eye' tal-'hydraulic door ramp' ta' quddiem. Huwa stmat li l-ħsara biex tissewwa, ser tammonta għal madwar Lm2,500, li tinkludi, kemm ix-xogħol, kif ukoll l-ispares. Il-vapur diġa' reġa lura fis-servizz.
Jsita' il-Ministru jgħid għal liema raġuni fl-iskola Ninu Cremona, Rabat, Għawdex qed isiru l-eżamijiet fl-intrata ta' l-istess skola u l-istudenti anke jidhru mit-triq, bil-konsegwenza li l-istess studenti qed ibatu minn inkonvenjent ta' storbju li jkun ġej mit-triq u jtellifhom waqt l-eżami?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru tirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru għall-Għawdex.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega għal liema raġuni kien hemm tnaqqis tar-rate per hour minn Lm2.15 għal Lm1.80 fis-siegħa tal-membri tal-protezzjoni ċivili?
Response (BORG, TONIO)
Il-Mistoqsija ma hijix korretta peress li ninsab infurmat illi ma kien hemm ebda tnaqqis tar-rate per hour lill-membri tal-Protezzjoni Ċivili.
Jekk l-Onorevoli Interpellant qegħda tirreferi għal sezzjoni partikolari ta’ membri tal-Protezzjoni Ċivili li ġew ingaġġati reċentement wara li kien ser jintemm l-impieg tagħhom minn mal-Malta International Airport, għandi ngħid li dawn ingħataw impieg ġdid ma’ dan id-Dipartiment wara sejħa li saret permezz ta' Ċirkolari Nru 8 tal-2004. Bis-saħħa tal-Klawsola 6.2. ta’ din iċ-Ċirkolari, dawn l-impjegati li kienu ġew trasferiti mill-Forzi Armati ta’ Malta għall-Malta International Airport, ġarrew magħhom il-garanzija dwar kundizzjonijiet ta’ impieg relatiiv għall-kundizzjonijiet tal-impieg li huma kellhom dakinhar li telqu minn mal-Forzi Armati ta’ Malta. Din il-klawsola bl-ebda mod ma tagħti garanzija li l-impjieg mal-Prorezzjoni Civili kellu jkun taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ ħlas bħall-impjieg mal-Malta International Airport.
Minn paragun ta’ ammont ta’ salarju li qegħdin jirċievu dawn l-impjegati jiġifieri Lm4,325 fis-sena, u l-ammont ta’ salarju u allowances li kieni jirċievu bħala impjegati mal-Forzi Armati ta’ Malta, jiġifieri bejn Lm3,592 u Lm3,872, jirriżulta li dawn l-impjegati qed jaqilgħu somma ta’ bejn Lm453 u Lm733 fis-sena iżjed milli kienu jaqilgħu qabel. Dan is-salarju huwa bbażat fuq ġimgħa ta’ 46 siegħa.
Peress li skond it-timetable il-ġdida suppost li jsir trip fis-6.30 a.m. u ieħor fis-7.00 a.m. mill-Imġarr, jista' il-Ministru jgħid għaliex f'dawn il-ġranet dawn it-trips ma sarux u jekk hux se jibdew jerġgħu jsiru dawn iż-żewġ trips?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-MV Malita irritorna għas-servizz normali u għalhekk l-iskeda tkompliet b'mod normali.
Peress illi diversi studenti u għalliema qed jilmentaw minn nuqqas ta' indafa fl-iskola Ninu Cremona, fir-Rabat, Għawdex, jista' il-Ministru jara li din il-problema tiġi ndirizzata?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru tirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru għall-Għawdex.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx ingaġġati xi nies mal-Gozo Channel mill-1 ta' Jannar 2005? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhu l-post u s-salarju relattiv?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li mill-ewwel ta' Jannar 2005, ġiet ingaġġata persuna waħda mall-Gozo Channel. Il-post huwa ta' Chief Operations Officer u s-salarju huwa ta' Lm13,000.
Peress li issa xi xiri tal-biljetti tal-vapur tal-Gozo Channel se jiġi shifted għaċ-Ċirkewwa u t-ticket attendants u oħrajn se jibdew jirrapportaw għax-xogħol iċ-Ċirkewwa, jista' il-Ministru jgħid jekk it-travelling time bejn Għawdex u Malta hux se jitqies bħala parti mill-ħin tax-xogħol jew le?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Peress illi fuq il-vapuri tal-Gozo Channel qed ikun hemm problemi ta' exhaust minħabba li l-extractors mhux qed jinxtegħlu, jista' il-Ministru ġentilment jara li dan l-inkonvenjent jiġi ndirizzat?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Kumpanija Gozo Channel tikkonferma li l-extractors qed jaħdmu u jinżammu mixgħula waqt li l-vapuri jkunu qed joperaw.
Tista' il-Ministru tgħid meta se jitlesta x-xogħol ta' tindif ta' qiegħ il-baħar fl-Imġarr Għawdex u għaliex qed isir f'dawn il-ġranet meta qed joqrob l-istaġun turistiku u joħloq inkonvenjenti ta' irwejjaħ u ngombru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħol ta' tindif ta' qiegħ il-baħar fl-Imġarr qiegħed isir mill-Awtorita' Marittima ta' Malta. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Ħaddiema u studenti Għawdxin — Allowances/sussidji
Question
Tista' il-Ministru tgħid u telenka kemm hemm skemi ta' allowances u /jew sussidji għall-ħaddiema u studenti Għawdxin li jaħdmu u jistudjaw Malta?
Tista' tgħid kemm applikaw għal kull skema kull sena f'dawn l-aħħar ħames snin, xahar b'xahar?
Tista' tgħid kemm kien l-ammont li ngħata lill-istudenti/ħaddiema f'dawn l-aħħar ħames snin, xahar b'xahar u tgħid kemm għad baqa' x'jitħallsu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Il-Ministeru għal Għawdex għandu tliet skemi ta' allowances u/jew sussidji għall-ħaddiema u studenti Għawdxin l jaħdmu u jistudjaw f'Malta. Dawn huma:
i) sussidju ta' Lm15 fix-xahar flimkien ma' 20c għal kull darba li jaqsmu bejn il-gżejjer biex jattendu l-Universita' għal dawk l-istudenti Għawdxin li jattendu kors fuq bażi full-time l-Universita' ta' Malta;
ii) sussidju ta' 54c għal kull jum li jattendu għax-xogħol jew l-iskola lil dawk il-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta f'xi istituzzjoni li tkun tal-Gvern jew funded mill-Gvern, kif ukoll għal dawk l-istudenti Għawdxin li jattendu xi kulleġġi f'Malta;
iii) sussidju ta' Lm70 kull tliet xhur ta' studju lil dawk l-istudenti Għawdxin li jattendu xi kors f'Malta li ma jkunx qed isir f'Għawdex.
L-informazzjoni li qiegħda titlob l-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Ma hemm l-ebda ammont li għad irid jitħallas fir-rigward ta' dawn is-sussidji.
B'riferenza għad-diversi mistoqsijiet parlamentari preċedenti dwar ir-reklutaġġ ta' ENTs għall-isptar ġenerali ta' Għawdex, jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' reklutaġġ ta' dawn l-ENT peress li issa l-poplu Għawdxi ilu diversi xhur ibati minn dan in-nuqqas li qed jikkawża inkonvenjent kbir, speċjalment għall-anzjani?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li s-sejħa għall-applikazzjoni ta' Senior Registrar ENT kienet ippublikata fil-Gażżetta tal-Gvern. Dwar is-sejħa għall-applikazzjoni ta' Postijiet ta' SHO's, il-proċeduri għadhom qegħdin jiġu pproċessati.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jelenka x-xogħlijiet fit-toroq li saru f'Għawdex minn kull kunsill lokali f'dawn l-aħħar ħames snin u jindika meta saru, kemm swew u min għamel ix-xogħol?
In oltre, jista' jindika liema toroq f'Għawdex huwa ppjanat li jsir xogħol fihom minn kull kunsill lokali għal kull lokalita' separatament u jgħid meta huwa maħsub li jinbeda x-xogħol għal kull triq separatament?
Response (BORG, TONIO)
Billi, bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta, nissuġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Dipartiment ta' l-Artijiet — Ħamrija fuq biċċa art
Question
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 12001 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura u mistoqsija parlamentari l2818 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-ħamrija li kellha tintefa' b'enforcement action mid-dipartiment ta' l-artijiet fil-fatt titpoġġa għax minn ritratt li qed jiġi mehmuż ma' din il-mistoqsija jidher li għadu ma sar xejn?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` ġie spjegat fir-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12718, peress li l-inkwilin baqa` ma beniex il-ħitan li kienu jeżistu u ma ipprestinax il-ħamrija għall-istat oriġinali, il-kirja mhux ser tiġi mġedda wara l-iskadenza tas-sitt xhur kurrenti, jiġifieri wara t-30 ta' dan ix-xahar.
Moll ta' l-Imġarr — Tariffa fuq ġarr ta' passiġġieri
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li se tiġi imposta tariffa fuq is-sidien tad-dgħajjes li jġorru l-passiġġieri ħalli jniżżlu nies fuq il-moll ta' l-Imġarr? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm ser tkun din it-tariffa?
Tista' il-Ministru tgħid x'kien l-involviment tal-Ministeru fil-konvenzjoni tal-karnival, telenka l-attivitajiet kollha li kien involut fihom il-ministeru, kemm direttament kif ukoll permezz tal-kumitat tal-kultura, u tgħid kemm kienet l-ispiża item by item?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata illi l-Kumitat Organizzattiv Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex organizza ‘Welcome Soiree’ għad-delegati kollha tal-XXV Konvenzjoni ta’ l-FECC u għall-pubbliku in ġenerali fi Pjazza Indipendenza, Victoria nhar il-Ħadd 29 ta’ Mejju 2005. L-ispiża totali ta’ din is-serata kienet ta’ Lm 1,731.
Barra minn hekk dan l-istess kumitat ta għajnuna lill-Kunsill Lokali tan-Nadur permezz ta’ l-armar ta’ seating area fi Pjazza San Pietru u San Pawl, Nadur u s-self tal-hydraulic stage għal xi attivitajiet.
Saret ukoll reception fil-bitħa tal-Ministeru għal Għawdex in konnessjoni ma’ esebizzjoni dwar il-Karnival. L-ispiża ta’ din ir-reception kienet ta’ Lm740.
Peress li l-pulizija jagħmlu ħafna ħin barra fix-xemx, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-korp iforni sun block ta' SPF adegwat biex il-pulizija jiġu protetti mill-effetti ħżiena tax-xemx?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija, li minħabba n-natura tax-xogħol assenjat lilhom ikunu meħtieġa jqattgħu ħin twil fix-xemx u ma jkunux jistgħu jilbsu l-uniformi normali, li minnha nnifisha hija ta' protezzjoni kontra x-xemx, bħal ma huma l-membri ta' l-Administrative Law Enforcement Section li jagħmlu xogħol fuq il-baħar, qed jingħataw sun block.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12472, jista' il-Ministru jgħid xi żvilupp huwa mistenni li se jsir fl-inħawi?
Response (GATT, AUSTIN)
L-iżvilupp fl-inħawi msemmija mhux fil-kompitu tal-Ministeru tiegħi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Tista' il-Ministru tgħid meta se jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq id-Duluri, Marsalforn Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħol fi Triq id-Duluri Marsalforn, qiegħed issir mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ u li skond il-permess maħruġ għal dan ix-xogħol, dan għandu jitlesta sat-28 ta' Ġunju 2005.
Jista' il-Ministru jara li dwar mistoqsija parlamentari 12001 il-ħamrija li kellha tintefa' b'enforcement action mid-dipartiment ta' l-artijiet fil-fatt titpoġġa għax minn ritratt li qed jintbagħat separatament, jidher li għadu ma sar xejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.