Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #16730 Sitting 346 2006-01-30 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Sptar Ġenerali

Question

Tista' il-Ministru tara li x-xogħlijiet ta' maintenance li hemm bżonn fil-long stay ward fis-sezzjoni mentali fl-isptar ġenerali ta' Għawdex isiru minnufih? Tista' tara wkoll li jiġu fornuti siġġijiet peress li m'hemmx biżżejjed biex jakkomodaw lill-pazjenti u l-istaff?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ix-xogħjijiet ta’ manutenzjoni f’dak li huwa ta’ madum ġewwa l-Long Stay Ward beda xi ftit ġranet ilu u sal lum għadu għaddej. Mistenni jitlesta fil-futur qarib. Fir-rigward ta’ siġġijiet f’din il-ward, ġejt infurmata li f’kull ħin hemm aktar minn biżżejjed peress li hemm 38 pazjent u 55 siġġu.

Liġi dwar il-Vjolenza Domestika

Question

Peress li l-liġi dwar il-vjolenza domestika ser tidħol fis-seħħ dalwaqt, tista' il-Ministru tgħid x'miżuri qed jittieħdu sabiex f'Għawdex jiżdiedu l-istrutturi u jissaħħu dawk eżistenti sabiex din il-liġi tkun iktar effettwata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Att dwar il-Vjolenza Domestika jipprovdi għat-twaqqif ta' Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika li, fost affarijiet oħra, se jkollha l-funzjoni li tagħtini pariri dwar: standards għal faċilitajiet ta' kura għal vittmi u awturi ta' vjolenza domestika, inklużi servizzi jew faċilitajiet ta' kenn pubbliċi jew privati; il-proċeduri għall-ko-ordinament effettiv f'livell nazzjonali ta' l-attivitajiet ta' aġenziji u entitajiet pubbliċi u privati mqabbdin fl-għoti ta' servizzi dwar materji ta' vjolenza domestika, inklużi servizzi ta' sostenn; l-iżvilupp ta' pjan komprensiv għal programm multidixxiplinarju ta' prevenzjoni attiva u ta' intervent kmieni. A bażi ta' dawn il-pariri jittieħdu dawk il-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-imsemmija liġi, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex.
Leg 10 PQ #16518 Sitting 340 2006-01-16 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Trasport ta' baqar bejn Malta u Għawdex

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm jingħata sussidju għal kull ras għat-trasport tal-baqar minn Għawdex għall-biċċerija ta' Malta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li ma hemmx sussidju għat-trasport għal kull ras ta' bhejjem taċ-ċanga minn Għawdex, għall-biċċerija ta' Malta.
Leg 10 PQ #16519 Sitting 340 2006-01-16 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex — Monument

Question

Tista' il-Ministru tgħid għal liema raġuni ma ġewx miżjuda l-ismijiet tal-vittmi tal-gwerra fuq il-monument ta' Kristu Re fi Pjazza Indipendenza fir-Rabat, Għawdex meta l-istess monument ġie restawrat, u tenut kont li l-ismijiet in kwestjoni ġew debitament mogħtija?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija fis-Seduta 336 għall-mistoqsija Numru 16199. L-ismijiet għadhom ma ġewx imwaħħla peress li l-persuna li ser twaħħalhom kienet impenjata fuq xogħlijiet aktar urġenti ta’ restawr.
Leg 10 PQ #16520 Sitting 340 2006-01-16 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ġgantija — Fossa

Question

B'riferenza għall-fossa li saret biswit il-Ġgantija, peress li qed jinħoloq inkonvenjent minħabba irwejjaħ u anke ħmiġijiet, tista' il-Ministru tara li dan l-inkonvenjent jiġi rimedjat?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li minn spezzjonijiet li saru minn uffiċjali fi ħdan l-Uffiċċju tas-Saħħa Pubblika ma rriżultax li kien hemm irwejjaħ, ħmieġ jew fawran ta’ materjal mill-fossa in kwestjoni li qegħdin jikkawżaw xi inkonvenjent.

Ingaġġ ta' Nurses

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jiġu ngaġġati nurses u jekk fl-affermattiv meta u kemm hemm bżonn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita' ngaġġa fuq bażi permanenti, nhar is-26 ta' Diċembru 2005, 159 infermier, li minnhom kien hemm numru ta' infermiera każwali li diġa kienu qegħdin jaħdmu. Kwalunkwe ngaġġ li jsir fil-futur jiġi determinat minn numru ta' vakanzi li jkun hemm minn żmien għal żmien.

Servizz bejn Għawdex u Kemmuna

Question

B'riferenza għat-trasport li kien isir bejn Għawdex u Kemmuna bil-lanċa għall-qassis u l-pulizija skond ftehim milħuq bejn il-Gozo Channel u l-operatur, jista' il-Ministru jgħid jekk dan is-servizz hux ser ikompli jingħata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Libreriji on line

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il librerija ġew on line u f'liema lokalita' jinsabu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta’ libreriji li sal-lum huma on line huwa ta’33. Informat li l-libreriji jinsabu f’dawn il-lokalitajiet: Il-Biblijoteka Nazzjonali Il-Librerija Pubblika Ċentrali, Floriana Il-Librerija Pubblika u dik ta’ self ta’ kotba ta’ Għawdex Il-Librerija Reġjonali ta’ Birkirkara, Luqa, Mosta, Paola u Qormi (San Bastjan), Il-Libreriji Friegħi ta’: Birżebbuġa, Siġġiewi, Żebbuġ (Malta), Żejtun,Żurrieq, Mellieħa, San Ġwann, Naxxar, Bormla, Msida, Ħamrun, Żabbar, Sliema, Għargħur, San Pawl il-Baħar, Mġarr (Malta), Gżira, Qormi (San Ġorġ), Għaxaq, Gudja, Mqabba, Attard, Dingli u Nadur, (Għawdex).

Għawdex — Uffiċjal Reviżur

Question

Peress li f'Għawdex m'għandniex uffiċjal reviżur li jaqdi dawk il-funzjonijiet rikjesti fil-liġi u allura dan qed joħloq ċertu inkonvenjent, jista' il-Viċi Prim Ministru jara jekk din is-sitwazzjoni tistax tiġi rimedjata?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.

ADT — Post ta' Manager Gozo

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15208, jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-rekwiżiti u kwalifiki meħtieġa għal din il-pożizzjoni?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li r–rekwiżiti u kwalifiki meħtieġa għal din il-posizzjoni msemmija huma :- - tlett snin esperjenza fil-qasam tal- middle management - litterat fit-teknologija tal-informatika - kommunikazzjoni tajba kemm bil-miktub kif ukoll bil-kelma - ħiliet ġenerali ta' tmexxija
Leg 10 PQ #15591 Sitting 321 2005-11-14 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Art ħdejn il-Ġgantija

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 15324 u 15454 li saru lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Viċi Prim Ministru li rriferew id-domanda lill-Ministru konċernat, dwar porzjon raba' li tinsab ħdejn il-Ġgantija u li xi żmien ilu kienet intiża biex issir parkeġġ għall-coaches tat-turisti, u peress li din l-istess art tħammlet mill-kunsill lokali tax-Xagħra u anke ġiet ċirkondata b'ħajt tas-sejjieħ, tista' il-Ministru tgħid din l-art għaliex ser tintuża u meta se tibda tintuża?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-art imsemmija fil-mistoqsija kienet mimlija terrapien u skart ieħor u wara li din l-art tnaddfet mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra reġa nbena l-ħajt li kien idawwara.

Raba' ħdejn il-Ġgantija

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15324 dwar porzjon raba' li tinsab ħdejn il-Ġgantija u li xi żmien ilu kienet intiża biex issir parkeġġ għall-coaches tat-turisti u peress li din l-istess art tħammlet mill-kunsill lokali tax-Xagħra u anke ġiet ċirkondata b'ħajt tas-sejjieħ, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid din l-art għaliex se tintuża u meta se tibda tintuża?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Kerċem — Triq Calleja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15322, peress li Triq Calleja f'Kerċem, Għawdex hija perikolża ħafna u anke seħħew inċidenti fatali fiha, u peress li saru talbiet mir-residenti Kerċemin biex din it-triq titwessa, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħa l-ministeru biex din il-problema tiġi rimedjata u jitneħħa l-periklu?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanti li t-twessiegħ tat-toroq f'Għawdex ma jaqax taħt ir-responsabbilita' tal-Ministeru tiegħi.

Tender

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet it-tender li l-partikolaritajiet dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dawl tas-sistema tal-catering li hi proposta li ħa tiġi introdotta fl-Isptarijiet Governattivi, imsemmija Tender ġiet miżmuma.

ADT — Post ta' Manager Gozo

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14955, jista' il-Ministru jgħid jekk l-interviews sarux lill-applikanti kollha u jgħid meta saru u minn min? Inoltre, peress li l-post għadu vakanti, jista' jgħid x'passi qed jittieħdu biex jimtela' l-post?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li wara li sar short listing sar interview wieħed, dan sar fit-13 t'Ottubru, 2005. L-interviewing board kien magħmul mic-Chief Executive Officer u mill-Human Resources Manager ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport. Peress li l-post għadu vakanti l-Awtorita’ għamlet talba lill-ETC biex tibda il proċess tagħha wara li ma nstab ħadd addattat għal posizzjoni msemmija.

Nadur, Għawdex — Problema tad-drenaġġ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14697 li saret fl-4/10/05 u li għaliha l-Ministru rrisponda li risposta tingħata f'seduta oħra, jista' il-Ministru ġentilment jirrispondi d-domanda u cioe' peress li fi Triq Qala, fin-Nadur Għawdex diversi residenti lmentaw minħabba problemi tad-drenaġġ, peress li minħabba l-ilma tax-xita d-drenaġġ sbroffa u anke daħal fid-djar tar-residenti ta' l-istess triq, jista' il-Ministru jara li din il-problema tingħata attenzjoni minnufih?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li s-sistema tad-drenaġġ f'din it-triq tiffunzjona sewwa sakemm tintuża biss biex tirċievi drenaġġ domestiku. Biex tinżamm fi stat tajjeb, is-sistema titnaddaf almenu darba fis-sena. Il-problem li semmiet l-Onor. Interpellant tinqala' f'każ ta xita għaliex il-katusi ta' l-ilma tal-btieħi u bjut ta' ħafna djar huma mqabbda illegalment mas-sistema tad-drenaġġ. Matul l-aħħar xita qawwija, ġewwa Għawdex, kien hemm ħafna każijiet simili f'kull raħal, irrespittivament mill-kundizzjoni tal-katusi tad-drenaġġ, propju minħabba l-abbuż imsemmi. Qiegħed għalhekk nifhem illi l-Onor. Interpellanta tixtieq illi l-WSC tieħu azzjoni mmedjata biex tneħħi dan l-istat ta' illegalita' u sejjer hekk ninforma lill-WSC.
Leg 10 PQ #15321 Sitting 313 2005-11-07 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Universita' ta' Għawdex

Question

B'riferenza għall-erba' korsijiet ġodda li ser isiru fiċ-ċentru ta' l-Universita' ta' Għawdex li dwarhom tqassmu l-fuljetti fid-djar u li huma bl-Ingliż u b'riferenza għal admission requirements senjalment għall-applikanti mingħajr ċertifikati, tista' il-Ministru tgħid x'ser ikunu l-kriterji ta' l-għażla mill-board of studies biex l-applikanti jkunu jistgħu jidħlu għall-kors, minkejja li ma jkollhomx O level standard of education?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li dawk l-applikanti li ma jkollhomx ċertifikati formali ta’ “O” levels ser isirilhom interview mill-Board of Studies tal-kors u jiġu mitluba jiktbu kompożizzjoni qasira, taħt kundizzjonijiet ta’ eżami, fuq suġġett magħżul mill-Board, biex jiġi stabbilit jekk dawn l-applikanti humiex kapaċi biżżejjed biex ikun jistgħu jipparteċipaw fil-korsijiet bi gwadann għalihom.
Leg 10 PQ #15322 Sitting 313 2005-11-07 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Kerċem — Triq Calleja

Question

Peress li Triq Calleja f'Kerċem Għawdex hija perikoluża ħafna u anke seħħew inċidenti fatali fiha u peress li saru talbiet mir-residenti Kerċemin biex din it-triq titwessa', tista' il-Ministru tgħid x'passi ħa l-ministeru biex din il-problema tiġi rimedjata u jitneħħa l-periklu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li t-triq imsemmija hija responsabbilta' tal-Kunsill Lokali ta' Kerċem Ghalhekk nitlob lill Onorevoli Nterpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Qala Għawdex — Triq Imġarr

Question

Peress li diversi residenti fi Triq Imġarr, Qala, Għawdex huma mħassbin dwar il-vetturi li jgħaddu b'veloċita' qawwija mill-imsemmija triq, jista' il-Ministru jgħid jekk qattx saret xi talba jew ġiet ikkunsidrata l-possibbilta' li ssir xi ħaġa dwar din il-problema?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Traffic Management Unit irriżulta li l-Kunsill Lokali tal-Qala kien issottometta proposti għal sistema ta’ one way fil-pjazza tal-knisja u fit-toroq tal-madwar. M'hemm l-ebda proposti għal sistemi ta’ traffic calming fi Triq Imġarr.