Jista' il-Ministru jgħid jekk l-Enemalta u l-WSC jagħmlux random inspections fuq il-ħaddiema? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm saru fl-aħħar tliet xhur? Meta saru u fejn saru?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Korporazzjoni Enemalta tikkonferma li ġieli saru 'random inspections' għal serq ta' l-elettriku u/jew ilma fuq il-ħaddiema tagħha.
Nikkonferma li f'dawn l-aħħar tlett xhur saru żewġ 'random inspections'.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha sistema ta' spezzjonijiet fuq bażi regolari. Dawn jintużaw speċjalment fejn hemm pumping stations, booster stations u boreholes. Dawn l-istations jistgħu jkunu awtomatizzati jew għandhom il-ħaddiema ġo fihom. L-ispezzjoni issir kemm sabiex ikun hemm kontroll fuq l-attendenza ta' l-operators kif ukoll biex fejn ma hemmx operators il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tassigura li kollox qed jaħdem sew.
Fl-aħħar tlett xhur dawn l-ispezzjonijiet baqgħu isiru regolarment. Ma nħossx li għandi nagħti dettalji ta' fejn saru dawn l-ispezzjonijiet.
B'riferenza għall-opri tal-baħar li qabel ma saret il-marina fl-Imġarr, Għawdex kellhom irmiġġijiet fil-port u li mbagħad meta saret il-marina is-sajjieda ġew mogħtija pontoos bi prezz sussidjat, jista' il-Ministru jgħid jekk f'każ li l-istess marina tgħaddi f'idejn il-privat jew isir xi arranġament ieħor, x'garanzija se jkollhom dawn is-sajjieda u sidien oħra li l-prezzijiet li qed iħallsu bħalissa se jibqgħu l-istess?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għadu kmieni sabiex wieħed jgħid x'kundizzjonijiet hemm ta' kif ser tiġi privatiżżata l-marina ta' Għawdex jew xi marina oħra. Madanakollu, kif ġara s'issa fi proġetti simili dejjem ittieħdu l-kunsiderazzjonijiet kollha taċ-ċirkostanzi tas-sajjieda u dilettanti tal-lokal, li kellhom drittijiet ta' rmiġġi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17638, li kienet saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u Intern, jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw permessi għal diskoteki ġewwa Għawdex f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' jindika lil min ingħataw u d-data? Jista' jgħid x'kundizzjonijiet ġew imposti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar sentejn ma nħarġux liċenzi ġodda għal diskoteki f'Għawdex.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw permessi għal diskoteki ġewwa Għawdex f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' jindika lil min ingħataw u d-data? Jista' jgħid x'kundizzjonijiet ġew imposti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-liċenzji tan-negozju imsemmija, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għall-offerta għal servizz ta' bini - fażi 2 għall-bini tat-terminal il-ġdid/carpark fil-port ta' l-Imġarr, Għawdex li deher l-avviż tagħha fil-gazzetta tal-gvern 17,887 tat-3 ta' Marzu 2006, paġna 2237, peress illi f'diversi okkażjonijiet il-gvern ta dikjarazzjonijiet ta' kemm se jiġi jiswa l-proġett, jista' il-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet imsemmija fl-offerta humiex inklużi fl-ammont kif dikjarat mill-gvern jew jekk din hijiex separata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ispiża tax-xogħlijiet għat-tender imsemmija hija nkluża fl-ammont totali għal dan il-proġett.
Tista' il-Ministru tgħid fejn sar xogħol ta' patching fit-toroq f'Għawdex mill-ewwel ta' Jannar 2006 u tindika meta saru dawn ix-xogħlijiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li mill-ewwel ta’ Jannar sal-lum, f’Għawdex sar xogħol ta’ patching mill-ħaddiema tad-Dipartiment għal-Proġetti u Żvilupp kif jidher fl-iskeda li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17542, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema ċirkostanzi joħroġ il-permess ta' dfin ta' feti mill-pulizija msemmi fil-mistoqsija msemmija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-permess tad-dfin, ai termini ta' l-artikolu 141 tal-Kapitolu 10, jinħareġ mill-Pulizija wara li jkun ippreżentat iċ-ċertifikat tal-mewt maħruġ minn tabib. F'każ li l-mewt tkun suġġett ta' Inkjesta Maġisterjali, ikun ukoll meħtieġ li jkun hemm l-awtorizazzjoni tal-Maġistrat Inkwirenti.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17522 u r-risposta relattiva, peress li skond dik ir-risposta l-kuntratt imsemmi ġie ffirmat fis-7 ta' Frar 2006 u peress li l-kmamar/garaxxijiet imsemmija twaqqgħu ħafna qabel dik id-data, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern tax l-approvazzjoni tiegħu minn qabel u jekk il-parti ta' l-iżvilupp li tolqot dawn il-garaxxijiet kenux koperti bil-permess tal-MEPA?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma tat l-ebda permess sabiex il-garaxxijiet jitwaqqaw qabel ma ġie ffirmat il-kuntratt.
Infurmat ukoll li l-parti ta' l-iżvilupp li tolqot dawn il-garaxxijiet kif ukoll il-garaxxijiet li jridu jinbnew fix-Xewkija bħala alternattiva, huma koperti bil-permessi tal-MEPA (PA5117/04 u PA5626/04).
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17522, peress li parti mid-domanda kienet tikkonċerna dwar il-ground tal-football u li ma ġietx risposta jew imsemmija fir-risposta, jista' allura il-Viċi Prim Ministru jirrispondiha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sa issa t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma tat l-ebda permess sabiex isiru xogħlijiet fil-ground tal-football, pero' hemm talba lill-MEPA ħalli issir shifting tal-football ground u l-gvern ma oġġezzjonax għaliha.
Tista' il-Ministru tgħid f'Għawdex jekk hemmx xi persuna responsabbli li tara li d-dfin fiċ-ċimiterji jsiru skond il-liġi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tas-Saħħa hija responsabbli li d-dfin fiċ-ċimiterji f’Malta u f’Għawdex jsir skond il-liġijiet/ir-regolamenti eżistenti. F’Għawdex din ir-responsabbilta taqa’ taħt is-sezzjoni tal-Ispettorat tas-Saħħa fid-Dipartiment tal-Customer Services, Ministeru għal Għawdex. Il-Pulizija hija responsabbli għall-ħruġ tal-permessi ta’ dfin.
Rigward ċimiterji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet ekklezjastiċi, l-inkarigu jaqgħa fuq l-amministrazzjoni tal-paroċċa fejn hu lokat iċ-ċimiterju, iżda ma dan kollu dawn xorta waħda huma teznuti li josservaw il-liġijiet u r-regolamenti u dan mingħajr ebda pregudizzju għal kull azzjoni li tista’ tittieħed mill-Awtorita tas-Saħħa fin-nuqqas ta’ ħarsien ta’ dawn il-liġijiet u regolamenti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li parti minn Villa Rundle ġewwa r-Rabat, Għawdex, kif ukoll l-art li fuqha kienu mibnija l-garaxxijiet tad-dipartiment ta' l-agrikoltura, ġietx trasferita lill-privat jew intlaħaqx xi tip ta' ftehim ieħor?
Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti d-dettalji relattivi? In oltre, jista' jgħid jekk il-ground tal-football Leli Farrugia fir-Rabat, Għawdex huwiex inkluż ukoll?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ebda parti mill-ġnien magħruf bħala Villa Rundle ġewwa r-Rabat, Għawdex ma ġie trasferit. L-imħażen/garaxxijiet li hemm wara l-art fejn qabel kien hemm id-Duke of Edinburgh Hotel ġew mibjugħa wara sejħa għal offerti li ġiet ippubblikata fl-4 ta' Novembru 2005 permezz ta' l-Avviż Nru. 213.
Il-kuntratt tal-bejgħ ġie iffirmat fis-7 ta' Frar 2006. Skond il-kondizzjonijiet tal-kuntratt, il-kompratur huwa obbligat li fi żmien għoxrin ġimgħa jibni a spejjeż tiegħu numru ta' mħażen/garaxxijiet f'sit fix-Xewkija skond kif ġie appruvat mill-M.E.P.A u jgħaddi dawn l-imħażen/garaxxijiet lill-gvern malli jkunu lesti.
Tista' il-Ministru tgħid kemm jiġi jiswa kull traġett ta' pazjent bil-helicopter mill-isptar ġenerali ta' Għawdex għal St Luke's? Tista' in oltre tgħid kemm inġarru pazjenti bil-helicopter bejn Għawdex u Malta matul is-snin 2004 u 2005?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-isptar Ġenerali t’Għawdex m’għandux dettalji dwar kemm jiġi jiswa kull traġitt ta’ pazjent bil-helicopter peress li dan is-servizz jingħata mingħajr ħlas.
Fis-snin 2004 u 2005 inġarru 17 u 14-il pazjent bil-helicopter rispettivament.
Tista' il-Ministru tgħid kemm saru operazzjonijiet fl-isptar ġenerali ta' Għawdex fis-snin 2004 u 2005, kull xahar separatament? Tista' tgħid kemm-il darba ġie anestitista minn Malta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-numru ta’ operazzjonijiet fl-isptar ġenerali t’Għawdex fis-snin 2004 u 2005 kull xahar separatament, huwa kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Irrid ngħid li anestitisti kellna 2 kuljum.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'art ġiet espropriata mingħand il-privat fl-2005 f'Għawdex? Jista' jgħid id-data tal-pubblikazzjoni, fejn u jekk il-kumpens tħallasx?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-2005 l-espropriji ġodda ta' art f'Għawdex kienu kif ġej:
- Art ta' kejl ta' 1,166 metri kwadri f'Għajnsielem esproprijata permezz ta' Dikjarazzjoni tal-President ta' l-10 ta' Marzu 2005, Avviż Nru. 251.
- Art ta' kejl ta' 1,470 metri kwadri li tinkludi fuqha l-Fortizza ta' Sant'Antnin fil-Qala esproprijata permezz ta' Dikjarazzjoni tal-President tas-27 ta' April 2005, Avviż Nru. 433.
- Tliet biċċiet art ta' kejl ta' 124 metri kwadri, 136 metri kwadri u 54 metri kwadri fix-Xewkija esproprijati permezz ta' Dikjarazzjonijiet tal-President tas-7 ta' Novembru 2005, Avviżi Nru. 1104, 1105 u 1106 rispettivament.
Il-kumpens dovut huwa depożitat f'bank accounts separati, skond il-provvedimenti ta' l-Ordinanza dwar Akkwist ta' Artijiet (Kap 88) sakemm jiġi aċċertat min huma s-sidien tal-proprjeta' u jkun jista' jsir il-ħlas. Sa issa ħadd mis-sidien għadu ma tħallas il-kumpens dovut lilu.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-gvern dwar id-dfin ta' feti f'każi ta' meta jkun hemm miscarriage u jsir l-EPRC l-isptar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sakemm il-fetu jkun kopert b'permess ta' dfin li joħroġ mill-Pulizija, d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ma jsib ebda oġġezzjoni għal tali dfin.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm impjegati tal-gvern ingħataw sponsorship mill-gvern biex ikomplu l-istudji f'MBA jew M.Sc fl-aħħar ħames snin fl-Universita' kemm f'Malta kif ukoll barra?
Jista' jgħid il-grad u l-kwalifiki ta' dawk li ġew sponsorjati kif ukoll f'liema dipartiment jew ministeru kienu jaħdmu?
In oltre, jista' jiġi speċifikat f'liema areas ta' studji ingħataw dawn il-boroż ta' studju u f'liema pajjiż u universita' marru jistudjaw dawk li ħadu l-boroż ta' studju barra minn Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tweġiba għal mistoqsija parlamentari numru 17566.
Tista' il-Ministru tgħid kemm sewa x-xogħol ta' refurbishment fis-sala tal-maternita'/ġinekoloġija ta' l-isptar ġenerali ta' Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Maternity Projects Costings
Removal of asbestos soffit
19856
Installation of new soffit
3231
Nurse call
3507
Fire Alarm
830
Structural alterations
8225.5
Medical gases
6500
Entonox
3226
Vinyl
17121
A/C
1240
Aluminium works
2000
Tiling
500
Replacement of hot and cold water system
3800
Electrical
2000
Bedhead trunking
6500
Luminaries
2200
Sanitaryware
1230
Soffit
800
Total
82766.5
Peress li l-apparat ta' l-ultra sound fis-sala tal-maternita' ġiet obsolete u ma ġietx mibdula, tista' il-Ministru tgħid meta se tinxtara makna ġdida biex taqdi l-esiġenzi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-esiġenzi tal-pazjenti tal-maternita huma milħuqa. L-ultrasound kollha li jkun hemm bżonn fuq pazjenti tal-maternita jittieħdu fuq l-ultrasound machine li hemm fid-dipartiment tar-radjoloġija.
B'riferenza għat-trasport li kien isir bejn Għawdex u Kemmuna bil-lanċa għall-qassis u l-pulizija skond ftehim milħuq bejn il-Gozo Channel u l-operatur, jista' il-Ministru jgħid jekk dan is-servizz hux ser ikompli jingħata?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li s-servizz bil-lanċa bejn Kemmuna u Għawdex għall-pulizija u l-qassis tkompla mill-24 ta' Diċembru 2005.
Tista' il-Ministru tgħid kemm jaħdmu nies fl-isptar ġenerali ta' Għawdex, xi grad għandhom u f'liema dipartiment u/jew taqsima qegħdin?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-numru ta’ nies li jaħdmu fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex huwa ta’ 686. Il-grad li għandhom, id-dipartimenti u t-taqsimiet li qegħdin fihom huwa kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.