B'riferenza għall-ammont mensili li jingħata mill-Ministru għad-diesel sabiex it-track tal-korsa taż-żwiemel tiġi ppreparata għat-tiġrijiet u peress li d-diesel għola u se jkompli jogħla, ma taħsibx il-Ministru allura li l-ammont li jingħata għad-diesel għandu jiżdied ukoll?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-allokazzjoni għall-fuel li tingħata lil Gozo Horse Racing Associationsabiex it-track tal-korsa tiġi ppreparata għat-tiġrijiet żdieded bi 25% biex tkopri ż-żieda fil-prezz tad-diesel.
B'riferenza għax-xogħlijiet li qed isiru fit-triq mir-Rabat għal San Lawrenz, tista' il-Ministru tgħid jekk hux minnu li l-mina li tifforma parti mill-akkwadot hijiex se tintmess jew le?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-mina li tifforma parti mill-akkwadot fit-triq bejn ir-Rabat u San Lawrenz ser titħalla fejn hi.
Peress li r-residenti ta' Triq Borg Għarib, Għajnsielem, Għawdex qed jilmentaw minn nuqqas ta' bozoz fl-imsemmija triq, jista' il-Ministru jara li dan l-inkonvenjent jiġi indirizzat?
Response (GATT, AUSTIN)
It-twaħħil ta' bozoz ġodda huwa responsabbilta tal-Kunsill Lokali minħabba li issa dawn ġew devoluti lill-Kunsill Lokali.
Tista' il-Ministru tgħid fiex waslu x-xogħlijiet fil-biċċerija ta' Għawdex u meta se tibda tiffunzjona biex taqdi l-bżonnijiet ta' l-Għawdxin?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li wara li kienet inħarġet offerta għal xogħolijiet strutturali fil-biċċerija, liema xogħol ġie finaliżżat, fil-frattemp kien hemm ghaddej ukoll il-proċess ta' tender għad-'Disinjar, provvista, stallazzjoni, ittestjar u kummissjonar ta' tagħmir għas-slaughtering line u servizzi anċillari fil-Biċċerija Ċivili fix-Xewkija'. Dawn l-offerti bħalissa qegħdin fl-istadju ta' evalwazzjoni. Il-biċċerija tkun tista' tibda tiffunzjona mill-ġdid meta jitlesta x-xogħol ta' din l-offerta li skond l-istess offerta m'għandux ikun aktar minn 183 ġurnata mid-data ta' l-aċċettazzjoni.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17980, peress li mit-tabella li tqiegħdet fuq il-mejda tal-Kamra jirriżulta li f'Għawdex qed ikollna ħames sigħat biss medjazzjoni fil-ġimgħa u peress li hemm bżonn ta' iktar sigħat fil-ġimgħa, jista' il-Viċi Prim Ministru jindirizza din il-problema kemm jista' ikun malajr?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta' siegħat ta' medjazzjoni fil-ġimgħa iddedikat għall-medjazzjoni f'Għawdex huwa suffiċjenti għan-numru ta' każi li hawn pendenti fi stadju ta' medjazzjoni. Fil-fatt, medjaturi f'Malta li jaħdmu l-istess numru ta' siegħat bħall-medjatriċi f'Għawdex għandhom l-istess workload u qed isibuh suffiċjenti sabiex jespletaw is-seduti li għandhom.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali (tobba jew ta' professjoni oħra) jaħdmu fid-direttorat responsabbli għall-finanzi u amministrazzjoni politika dwar is-saħħa u ippjanar u riżorsi umani? X'inhi l-kariga ta' kull wieħed u waħda minnhom? Kemm minnhom huma rġiel u kemm huma nisa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jeżistix Direttorat bit-titolu ndikat fil-Mistoqsija Parlamentari.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17979 li kienet titratta dwar rikonoxximent u mhux rekwiżiti, peress li dawn l-istudenti huma inkwetati dwar x'job opportunities jista' ikollhom peress li qed jiġu nfurmati li lokalment il-BTEC National Diploma in Health Studies mhuwiex rikonoxxut, jista' allura l-Ministru jgħid jekk din id-diploma hijiex rikonoxxuta jew le u jekk fl-affermattiv, x'job opportunities jista' ikollhom dawn l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix fl-uffiċju, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni l-istudenti tal-B.Sc (Hons) Nursing - intake October 2004 mhux se jingħataw sponsorships, u dan minkejja li korsijiet kemm ta' qabel kif ukoll ta' wara qed jingħataw sponsorship?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-Onor .Interpellant hija żbaljata fil-Mistoqsija l-għaliex filwaqt li hu veru li f'Ottubru 2004 ma ġewx offruti boroż ta' studju għal studenti infermiera, l'anqas is-sena ta' wara ma ngħataw dawn l-ischolarships minnħabba bidla fil-policy. Id-Diviżjoni tas-Saħħa ma għadhiex toffri paga minima lil dawk l-infermiera li jagħżlu Baċellerat fl-Istudji Infermeristiċi mill-Universita' ta' Malta.
Peress li l-iskola primarja Rosa Magro fix-Xewkija, Għawdex għandha diversi ħsarat strutturali li jenħtieġu attenzjoni immedjata, liema ħsarat huma ta' periklu għat-tfal u l-ġenituri jinsabu nkwetati ħafna dwar dan u peress li minn informazzjoni li ngħatat fiċ-ċerimonja ta' l-għoti tal-premjijiet nhar il-Ġimgħa li għaddiet ġie mħabbar li se jsiru xi xogħlijiet, tista' il-Ministru telenka x-xogħlijiet li se jsiru, tgħid x'tenders ingħataw, meta se jinbeda x-xogħol u meta hu previst li jitlesta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ma jirriżultax li hemm ħsarat strutturali li huma ta’ periklu għat-tfal.
a) Ix-xogħlijiet ppjanati huma:
i) Qlugħ tad-dawl u installar mill-ġdid kemm tad-dawl kif ukoll ta’ dawk is-servizzi msejħin ‘low voltage’ u jinkludi wkoll sistema ta’ ‘fire/smoke detection and alarm’, CCTV;
ii) Tikħil u tibjid ta’ kullimkien;
iii) Irranġar tal-ħsara fil-kolonni, liema ħsara fil-preżent ma hijiex ta’ natura strutturali u m’hi ta’ ebda periklu għal persuni li jiffrekwentaw l-iskola;
iv) Irranġar tal-bjut, inkluż dak tas-sala, tqegħid tal-‘waterproofing membrane’;
v) Installazzjoni ta’ faċilitajiet sanitarji ġodda;
vi) Upgrading komplet tas-sala ta’ l-iskola inkluż; dawl u sound;
vii) Aperturi ta’ l-aluminium biex jingħalaq il-kurridur t’isfel;
viii) Xogħol biex il-basement jiġi kkonvertit fi kmamar utilizzabli. Dan jinkludi xogħol ta’ ‘damp proofing’ ukoll.
b) Intbagħtu d-dokumenti tat-tender lid-Dipartiment tal-Kuntratti għal ħafna mix-xogħolijiet imsemmija hawn fuq, liema tender hu stmat li ser jiswa madwar Lm135,000. Għal xogħolijiet oħra li jiswew anqas minn Lm20,000 hu maħsub li jinħarġu tenders Dipartimentali.
c) Hu mistenni li x-xogħol li l-aktar jista’ jtellef il-ħidma ta’ l-iskola jibda fil-bidu tal-vaganzi tas-sajf. Xogħol li ma jtellifx l-andament tal-iskola jibda kif jiġu aċċettati l-offerti.
d) Hu previst li xogħol jitlesta sa qabel tibda s-sena skolastika l-ġdida.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-istipendju li normalment jieħdu l-istudenti li jattendu l-kors ta' l-Electrical Licence A, MCAST Xewkija, Għawdex mhux qed jitħallas? Tista' in oltre tgħid meta se jsir il-ħlas dovut lil dawn l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Napprezza jekk l-Onor. Membru separatament tindika d-dettalji (isem u numru tal-karta ta' l-identita') ta' l-istudent konċernat biex nistħarreġ il-kas.
Peress li Triq il-Għabex f'Birkirkara tinsab fi stat ħażin ħafna tant li r-residenti tat-triq bagħtu e-mail lill-Membri Parlamentari u anke bagħtu indirizz ta' website fejn wieħed jista' jara d-diżastru li hemm, jista' il-Ministru jara li l-ilmenti ta' dawn ir-residenti jiġu indirizzati minnufih?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tewġiba għal din il-Mistoqsija Parlamentari tingħata f'seduta oħra.
Tista' il-Ministru tgħid kemm inħarġu u ngħataw tenders fl-2005 mill-Ministeru, għal-liema xogħol, min ħa t-tender, kemm ġie jiswa x-xogħol u kemm dam biex sar?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni qed tinġabar u għaldaqstant risposta tingħata f’seduta oħra.
Tista' il-Ministru tgħid kemm ingħata xogħol b'direct order mill-Ministeru fl-2005, għal-liema xogħol, min għamlu, kemm ġie jiswa x-xogħol u kemm dam biex sar?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17984, jista' il-Ministru jgħid meta se jerġa' jibda jopera l-helicopter? In oltre għal liema raġuni ma ġiex helicopter ieħor sabiex isir is-servizz waqt li tkun qed issir il-manutenzjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-servizz tal-helicopter bejn Malta u Għawdex ġie lura għan-normal fil-31 ta' Marzu.
Jista' il-Ministru jgħid il-kors B.Tech National Diploma in Health Studies offrut mill-MCAST x'rikonoxximent għandu mill-gvern u mill-Universita' ta' Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-applikanti għad-dħul fil-kors Preparatorju għad-Diploma in Health Science li għandhom il-BTEC National Diploma in Health Studies jiġu kkunsidrati li jissodisfaw ir-rekwiżiti għad-dħul fil-kors jekk ikunu għaddew ukoll fil-livell tas-Sec fil-Malti, fil-Lingwa Ingliża, fil-Matematika u f'suġġett tax-Xjenza.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm medjaturi impjegati tal-qorti? Min huma u kemm għandhom sigħat ta' xogħol kull wieħed u waħda minnhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm għaxar medjaturi impjegati tal-Qorti li l-ismijiet tagħhom u n-numru ta' siegħat li jaħdmu huwa kif indikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li r-residenti ta' Triq tal-Baqqari, Xewkija qed jilmentaw minn problema ta' drenaġġ, speċjalment meta tagħmel ix-xita, jista' il-Ministru jara li dan l-inkonvenjent jiġi indirizzat?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li dan l-inkonvenjent diġa ġie ndirizzat billi l-Korproazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma bidlet il-mains tad-drenaġġ fl-inħawi msemmija.
Peress li għad baqa' inkonvenjent ta' storbju li ġej mill-pompa tal-ġibjun f'Ta' Ċenċ, Sannat, Għawdex, jista' il-Ministru jara li dan l-inkonvenjent jiġi indirizzat?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat gall-PQ 14856.
Jiena nfurmat li l-iżviluppi li ssemmew f'dik it-tweġiba mistennija jseħħu fi żmien qasir.
Infurmat wkoll li l-post mhux fil-viċinanzi ta' l-abitat u l-ilmenti dwar il-ħsejjes saru minn nassaba li jsostnu li l-ħsejjes imsemmija qed igerrxulhom l-għasafar.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali (tobba jew ta' professjoni oħra) jaħdmu fid-direttorat responsabbli għas-saħħa pubblika, promozzjoni u informazzjoni dwar is-saħħa? X'inhi l-kariga ta' kull wieħed u waħda minnhom? Kemm minn dawn l-impjegati huma rġiel u kemm huma nisa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li għal din il-ġimgħa mhux se jkun hemm titjiriet bil-helicopter bejn Għawdex u Malta u lura? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-servizz tal-helicopter bejn Malta u Għawdex twaqqaf minħabba xogħol ta' manutenzjoni fuqu.