B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18327 u r-risposta relattiva, peress li l-opri liriċi li jittellgħu fit-teatri f'Għawdex jagħtu kontribut konsiderevoli lix-xena kulturali ġewwa Għawdex, peress ukoll li dawn l-opri ħafna drabi jsiru bit-telf, ma jaħsibx il-Prim Ministru li tali attivitajiet għandhom jikkwalifikaw għall-eżenzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-attivitajiet tat-teatri ma jikkwalifikawx għal eżenzjoni mill-VAT billi bl-Artiklu 5 tal-Liġi tal-VAT teatru huwa meqjus bħala ‘persuna li twettaq attivita’ ekonomika ikun x’ikun ir-riżultat jew l-għan ta’ dik l-attivta’.
La darba t-teatri jiġbru l-VAT, jistgħu dejjem inaqqsu dik l-input VAT li l-liġi tal-VAT tippermettilhom kontra id-dħul ta’ l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.
Peress li saru xi lmenti li t-trasport bil-coach li tmur l-isptar Malta kull fil-għodu mhux qed joqogħdu l-pazjenti kollha, tista' il-Ministru tgħid jekk f'każi bħal dawn huwiex maħsub li jiżdiedu l-mezzi ta' trasport?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ma jirriżultax li hemm nuqqas ta' spazju għall-pazjenti fuq il-coachli tmur malta kull filgħodu.
B'riferenza għall-eżami tal-MATSEC A Level Accounting (SB1/A) li sar fil-25 ta' April 2006, peress li l-istudenti qed jilmentaw li fil-papers 1 u 2 kien hemm xi domandi li ma kenux inklużi fis-sillabu u qed issir riferenza senjatament għall-paper 1 section A question 1a, kif ukoll paper 2 section B question 3b, illi wkoll kien hemm diversi ambigwitajiet fil-karta in partikolari paper 1 question 2 li tant kienet ambigwa li meta l-istudenti kkonsultaw ma' xi għalliema ma setgħux jaħdmuha u in vista ta' dawn il-lamenteli, jista' il-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex l-istudenti jiġu kkumpensati għal dawn l-anomaliji fil-karta ta' l-eżami msemmija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-eżami tal-MATSEC fl-Accounting Livell Avvanzat li sar fil-25 ta' April 2006, il-mistoqsijiet kollha kienu dwar topics inklużi fis-sillabu u ma kienx hemm mistoqsijiet ambigwi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-ocular prosthesis hux se tibqa' issir Malta jew le? In oltre, jista' jgħid x'għajnuna tingħata mill-gvern lill-pazjenti li jagħmlu l-prosthesis u re-fitting konsegwenzjali barra minn Malta? Tista' tgħid ukoll kemm hemm persuni li jingħataw din it-tip ta' għajnuna mill-gvern?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li s-servizz ta' Occular Prosthesis ser jibqa' jingħata f'Malta. Il-proċeduri biex jintagħżel xi ħadd biex imexxi dan is-servizz waslu biex jiġu finaliżżati. Qed ukoll isiru arranġamenti sabiex din il-persuna tiġi mħarġa.
Fil-preżent hemm ħamest itfal li jintbagħtu l-Ingilterra u l-Gvern jgħinhom kif jgħin lil kull persuna oħra li jkollha bżonn ta' kura barra minn Malta.
Peress li Triq is-Sajjied, Marsalforn Għawdex mhijiex imdawwla adegwatament, jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li jiżdiedu l-bozoz tad-dawl f'dik it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru: 18282.
Peress li l-proċeduri ta' overseas adoptions huma kollha bla ħlas, salv għall-appostilli li jsiru fuq id-dokumenti meħtieġa li huma konsiderevoli, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li f'każi ta' overseas adoptions l-appostilli jsiru mingħar ħlas?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wara li rċevejt xi talbiet staqsejt lill-ufficjali tal- Ministeru tiegħi biex naraw kif nistgħu naġevolaw dan il-piż fuq każijiet ta` adozzjoni minn barra minn Malta.Bħalissa dan il-proċess qed jiġi eżaminat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18219 li saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li ġiet riferuta lill-ministru konċernat, b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 13497 li wkoll kienet saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li ġiet imwieġba minnu, liema mistoqsija kienet titratta dwar skema ta' sussidju temporanju li twaqqaf fl-2001 għall-bhejjem li jinġarru minn Għawdex għal Malta, tista' il-Ministru tgħid għaliex din l-iskema twaqqfet? In oltre, tista' tgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jerġa' jintroduċi din l-iskema?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ma għandi xejn xi nżid ma dak li rrisponda l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent għall-mistoqsija Numru 13497.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18260 u għar-risposta relattiva, peress li d-domanda tirriferi għal servizz li dwaru sar ftehim bejn il-gvern u l-operaturi, peress li diversi operaturi turistiċi jixtiequ jkunu jafu x'obbligi hemm, jekk hemm, imposti fuq is-service provider biex jipprovdi servizz meta l-helicopter li jopera normalment ma jkunx qed jopera minħabba manutenzjoni, jista' allura l-Ministru jagħti d-dettalji mitluba?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18327 u r-risposta relattiva, peress li l-opri liriċi li jittellgħu fit-teatri f'Għawdex jagħtu kontribut konsiderevoli lix-xena kulturali ġewwa Għawdex, peress ukoll li dawn l-opri ħafna drabi jsiru bit-telf, ma jaħsibx il-Prim Ministru li tali attivitajiet għandhom jikkwalifikaw għall-eżenzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18329, peress li d-domanda kienet tirriferi għal dawk li kellhom il-ħwienet u li ġew żgumbrati minħabba x-xogħol fuq it-terminal, jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' dawn in-nies?
Response (GALEA, ĊENSU)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mar-risposta ta' PQ 18329.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 18141 u 17984, jista' il-Ministru jgħid li f'każ li l-helicopter ma jkunx jiffunzjona minħabba manutenzjoni, bħalma diġa' ġara riċentement, hemmx xi obbligu impost fuq is-service provider sabiex jipprovdu helicopter ieħor minflok?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn x'inżid ma' dak li għidt fir-risposti ta' qabel.
B'riferenza għall-waste transfer station l i l-gvern beħsiebu jagħmel fix-Xewkija, jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-proċess ta’ l-applikazzjoni għall-iżvilupp tat-'transfer station' qed tiġi pproċessata mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Il-proċess ta’ l-istudju dettaljat dwar l-impatti ambjentali (EIA) ġie konkluż u issa qed jitkompla l-ipproċessar ta’ l-applikazzjoni mid-Direttorat ta’ l-Ippjanar.
Peress li ħafna żgħażagħ qed imorru japplikaw għal xogħlijiet mal-gvern li jirrikjedu O level standard, u peress li kulmin għandu l-marki 6 u 7 qed tiġi rifjutata l-applikazzjoni tagħhom, jista' allura l-Ministru jgħid O level marka 6 jew 7 x'jista' isir bih u għalxiex jiġi rikonoxxut?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-eżamijiet tal-MATSEC fil-livell tas-SEC l-livell il-marki mill-1 sas-7 huma kollha gradi li jingħataw skond kriterji stipulati skond ir-regolamenti li se jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Għalkemm il-marki mill-1 sas-7 juru li l-istudent leħaq xi grad tal-livell ordinarju jiddipendi minn min qed jimpjega biex jistabilixxi l-kriterji rikjesti għall-impjieg.
Hemm korsijiet ukoll fl-MCAST u fl-ITS li jaċċettaw studenti grad ta’ 6 u 7.
Peress li r-residenti ta' l-Għarb, Għawdex qed ibatu minn inkonvenjent rigward is-servizz tat-trasport pubbliku peress li dan ġie ridott għal tliet trips filgħodu biss, jista' il-Ministru jindirizza din il-problema sabiex dawn it-trips jiżdiedu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li għadhom għaddejjin diskussjonijiet bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta u l-Gozo Bus Owners Association dwar id-devjazzjoni u n-numru ta' traġitti li jsiru fuq ir-rotta bejn ir-Rabat u San Lawrenz sakemm jitlestew ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fuq din it-triq. Id-diskussjonijiet dwar b'kemm għandhom jitnaqqsu n-numru ta' traġitti fuq din ir-rotta qegħdin isiru minħabba li r-rotta ta' devjazzjoni prattikament irduppjat fit-tul u l-ħin minn dik oriġinali.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li malli jintlaħaq ftehim finali, iċ-ċittadini ta' dawn il-lokalitajiet jiġu nfurmati, filwaqt li malli jitlesta' x-xogħol fuq din it-triq, terġa' tidħol fis-seħħ ir-rotta u l-ħinijiet oriġinali.
Peress li meta bdew ix-xogħlijiet fuq it-terminal ta' l-Imġarr, Għawdex ġew żgumbrati xi sidien tal-ħwienet għaliex fejn kien hemm dawn il-ħwienet se jiġi l-istess terminal, jista' il-Ministru jgħid meta dawn is-sidien se jingħataw post alternattiv u fejn?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li meta jitlesta t-terminal ta' l-Imġarr Għawdex, il-faċilitajiet kollha marbuta ma' dan l-istess terminal se jingħataw b'kera (lease) lill-Gozo Channel Co. Ltd, bħala operatur tas-servizz bejn żewġ gżejjer. Dan il-lease agreement (Harbour Agreement) bejn l-Awtorita' Marittima u l-Gozo Channel se jkun finaliżżat dalwaqt.
Għaldaqstant, matul il-perjodu tal-kera kull talba għal post ġewwa t-terminal, għandha ssir lill-Gozo Channel Co. Ltd. wara li jkun ġie ffinaliżżat il-Harbour Agreement.
Peress li Triq il-Għabex f'Birkirkara tinsab fi stat ħażin ħafna tant li r-residenti tat-triq bagħtu e-mail lill-Membri Parlamentari u anke bagħtu indirizz ta' website fejn wieħed jista' jara d-diżastru li hemm, jista' il-Ministru jara li l-ilmenti ta' dawn ir-residenti jiġu indirizzati minnufih?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi x-xogħol fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ġie maqsum f'diversi fażijiet. L-ewwel fażi jinkludi l-bini ta' retaining wall u t-tieni fażi jinkludi l-bini tat-triq imsemmija. Wara konsultazjonijiet mall-Mepa , kienu inbidlu scheme alignmentminħabba problema ta' storm water discharge li hemm f'dawn l-akkwati. It-tenders għal dawn ix-xogħolijiet inħarġu w id-Direttorat qiegħed jistenna biex jiġu mmarkati r-road alignments neċessarji mill-MEPA biex ikunu jistgħu jibdew dawn ix-xogħolijiet.
Huwa mistenni li l-ewwel fażi tax-xogħol jinbeda' fit-tieni ġimgħa ta' April.
Peress li bħalissa t-triq għal San Lawrenz u l-Għarb tinsab magħluqa u l-aċċess għal dawn l-irħula qed isir mill-Għasri u peress li f'ċerti partijiet ta' din it-triq jekk tinqala' emerġenza jew inċident waqt li t-traffiku jkun għaddej jistgħu jinqalgħu diversi diffikultajiet, u anke partijiet minn din it-triq hija ħażina ħafna, tista' il-Ministru tgħid xi prekawzjonijiet u miżuri qed jittieħdu, jekk ittieħdu, biex nevitaw dawn il-problemi? Inoltre tista' tgħid jekk huwiex maħsub li jkun hemm aċċess alternattiv senjatament minn dik it-triq li minn Santa Luċija tieħu għal San Lawrenz li bħalissa tinsab fi stat ħażin ħafna imma li tista' tiġi rranġata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata illi ittieħdu l-prekawzjonijiet u miżuri neċessarji bl-akbar serjeta' fiċ-ċirkustanzi preżenti fit-tirq alternattiva li mill-Għasri twassal għall-Għarb u San Lawrenz. It-trafikku qiegħed jiġi monitorat u ma huwiex qiegħed ikun hemm konġestjoni ta' traffiku. Fuq din ir-rotta ġew asfaltati 3880 metru kwadru ta' triq biex it-traffiku jkun jista' jimxi aħjar kif ukoll tneħħa parking minn ċerti partijiet li setgħu joħolqu diffikultajiet. Napprezza li kulħadd jifhem li proġett ta' din il-portata joħloq xi nkonvenjent iżda kulħadd għandu jifhem ukoll li dan l-investiment tant qawwi għal Għawdex ser jirriżulta fi proġett ta' fejda għall-komunita' Għawdxija. It-triq li minn Santa Luċija tieħu għal San Lawrenz, veru li m'hijiex f'kundizzjoni tajba iżda wara kunsiderazzjoni tax-xogħol neċessarju biex titranġa ma huwiex feasable li din it-triq tiġi asfaltata biex tintuża bħala rotta alternattiva.
Tista' il-Ministru tgħid meta se jsir l-upgrading u żvilupp tas-Sannat Special Unit sabiex jaqdu l-bżonnijiet tal-persuni b'diżabilita' li jattendu din il-unit?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentiari 13497 dwar skema ta' sussidju temporanja li twaqqfet fl-2001 għall-bhejjem li jinġarru minn Għawdex għal Malta, jista' il-Ministru jgħid għaliex twaqqfet din l-iskema? Inoltre jista' jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jerġa' jintroduċi din l-iskema?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.