Tista' il-Ministru tgħid għal liema raġuni għalqet il-parti tal-biċċerija fejn kienu jidħlu l-każi ta' emerġenza? Tista' tgħid issa x'rimedju se jkollhom ir-raħħala peress li sakemm iddum magħluqa dawn il-bhejjem qed jintremew?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-parti tal-biċċerija fejn kienu jidħlu l-każi ta' emergenza ngħalqet minħabba li sitwazzjonijiet bħal dawn qegħdin jiġu ttrattati fir-razzett rispettiv. Jiena nfurmata wkoll li qiegħda tittieħed azzjoni biex bhejjem li jistgħu jkunu tajbin għall-konsum jinġarru lejn il-biċċerija ta' Malta.
Tista' il-Ministru tgħid jekk fl-isptar ġenerali ta' Għawdex hemmx automated external defibrillator? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid kemm jiswa dan il-makkinarju? Jekk fin-negattiv, hemm xi ħsieb li dan il-makkinarju jiġi akkwistat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ġewwa l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hemm automated external defibrillator wieħed. Dan il-makkinarju ma nafux kemm jiswa peress li ġie mogħti lill-isptar bħala donazzjoni mill-għaqda "The Friends of the Sick and the Elderly".
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li mhux se jinżammu bookings għall-helicopter bejn Malta u Għawdex? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid għaliex?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-bookings li jsiru ma' HSE għadhom jiġu aċċettati.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20800 fejn ġie mwieġeb li risposta tingħata f'seduta oħra?
Response (BORG, TONIO)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20800, ninsab infurmat illi n-numru ta' ċitazzjonijiet mogħtija f'Għawdex matul Ġunju, Lulju u Awissu ta' l-2006, hu kif jidher fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni turi kif dawn ingħataw raħal b'raħal u kemm minnhom kienu ta' vetturi rreġistrati f'Malta u kemm f'Għawdex.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19302 li saret fis-seduta tat-22/05/06 u li tweġiba kellha tingħata f'seduta oħra, jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw scholarships għall-korsijiet barra minn Malta fl-aħħar sitt snin? Jista' jgħid f'liema universitajiet jew kulleġġi ngħataw dawn l-ischolarships u f'kull każ individwali jgħid kemm ħallas għalihom il-gvern?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix fl-uffiċju, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21018, jista' il-Ministru jgħid fejn intrema' it-terrapien tax-xogħol fit-triq Għajnsielem/Xewkija? Jista' jgħid kemm kien hemm vjaġġi ta' terrapien li ġie mormi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
MCAST ta' Għawdex — BTEC diploma in Electronics course
Question
Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni l-kors ta' BTEC diploma in Electronics offrut fl-MCAST ta' Għawdex ġie mwaqqaf u l-istudenti ġew mgħarrfa llum stess b'dan? Ma jaħsibx il-Ministru li dan mhux ġust fil-konfront ta' l-istudenti konċernati u jista' jgħid x'passi se jittieħdu biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti nfushom iddeċidew li ma jsegwux il-kors, li rreferiet għalih l-Onor. Membru, biex jibdew jattendu kors ieħor.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21016 dwar escalator għall-passiġġieri, jista' il-Ministru jgħid meta saret id-deċiżjoni għal din il-modifika u jgħid jekk din il-modifika involvietx spejjeż extra? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-deċiżjoni sabiex issir din il-modifikazzjoni saret reċentament. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija r-risposta tkun tista tingħata aktar il-quddiem.
Jista' il-Ministru jara li l-istudenta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħata l-kotba indikati separatament mill-iskola fejn tattendi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni tipprovdi kotba lil studenti li jattendu skejjel Primarji u Sekondarji. Studenti li jattendu skejjel Post-Sekondarji jingħataw stipendju kif ukoll allowance fil-bidu tas-sena, biex ikunu jistgħu jixtru l-kotba li jkollhom bzonn.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-coach ta' l-isptar li ġġorr il-pazjenti Għawdxin lejn St Luke's u lura ma toperax is-Sibt? Tista' tgħid jekk hemmx xi ħsieb li dan is-servizz jibda jingħata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li dan is-servizz fil-fatt ilu jingħata. Fil-fatt il-coach, meta jkun hemm talba awtorizzata minn tabib, tmur nhar ta’ sibt ukoll mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-Isptar San Luqa.
Jista' il-Ministru jara l-każ ta' studenta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha titlob għall-facilitator għal diveri snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenta msemmija li ilha snin li ġiet statemented b'Full Time Facilitator u llum qiegħda fil-Form II. Informat li anke meta kienet fl-iskola primarja kellha facilitator ukoll.
Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni nqala' it-taraġ li kien inbena fuq il-moll ta' l-Imġarr, minn liema taraġ suppost kellhom jinżlu l-passiġġieri?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sa llum il-ġurnata, l-Awtorita' Marittima ma qagħlet l-ebda taraġ li nbena fuq il-moll ta' l-Imġarr. Kull ma saret kienet modifikazzjoni fuq dan it-taraġ sabiex il-post jkun jista jakkomoda escalator għall-passiġieri.
Tista' il-Ministru tgħid xi proġetti għandu l-gvern dwar l-inċineratur ta' l-isptar ġenerali ta' Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi wieħed mill-proġetti ppjanati għall-Isptar Ġenerali t'Għawdex huwa l-'clinical waste decontamination unit', li jinkludi t-tneħħija ta' l-inċineratur. Fil-fatt, diġa sar l-istudju neċessarju marbut ma' dan il-proġett u anke saret l-applikazzjoni lill-MEPA għall-permessi neċessarji.
Tista' il-Ministru tgħid fejn intrema' it-terrapien tax-xogħlijiet fit-toroq tar-Rabat/San Lawrenz u Għajnsielem/Xewkija? Tista' tgħid kemm kien hemm load ta' terrapien li ġie mormi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li parti mill-materjal fuq it-triq tar-Rabat/San Lawrenz ġie riċiklat u ntuża bħal rdim fuq l-istess post filwaqt li materjal ieħor li ma kienx addattat biex jintuża fuq is-sit ġie mitfugħ fil-barriera ta’ Isopu n-Nadur Għawdex. Jiena nfurmata wkoll li ma tinzammx informazzjoni dwar in-numru ta’ viegi ta’ terrapien mormi minhabba li il-kejl relevanti ghal kuntratt huwa tal-volum imhammel. Dwar il-parti tal-mistoqsija li tirreferi għat-triq ta’ Għajnsielem nitlob l-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat
Peress li Triq Għajn Qatet, Rabat tinsab fi stat ħażin ħafna, tista' il-Ministru tara li jsir ix-xogħol ta' patching neċessarju kemm jista' ikun malajr?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li ser tittieħed l-azzjoni neċessarja fil-ġranet li ġejjin
Jista' il-Ministru jispjega u jgħid x'se jiġri minn dawk is-60 facilitator li ftit ġranet ilu ġew informati li dawn huma redundant u allura tilfu l-impjieg tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru tirreferi għat-tweġiba għal Mistoqsija numru 20770.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20713, jista' il-Ministru jgħid kemm se jiġi jiswa x-xogħol fit-triq mill-Imġarr sax-Xewkija, jingħata breakdown ta' l-ispejjeż u minn min qed isir ix-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ix-xogħol fit-triq mill-Mġarr sax-Xewkija hu stmat li se jiġi jiswa LM1,449,136.
Ix-xogħol qed jinħadem minn K.R.A.M. Joint Venture,
breakdown
ta' l-ispejjeż qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-wardens f'Għawdex matul ix-xhur ta' Ġunju, Lulju u Awissu 2006? Jista' jagħti l-elenku għal kull raħal separatament kif ukoll jgħid kemm minnhom kienu dwar vetturi reġistrati fuq sidien Maltin u kemm minnhom reġistrati fuq sidien Għawdxin?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor Interpellant li billi l-informazzjoni għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għalqu lukandi f'Għawdex f'dawn l-aħħar għaxar snin, liema huma u kemm kellhom sodod?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar 10 snin f'Għawdex għalqu dawn il-lukandi:
Ritz Hotel lukanda ta' żewġ stilel b'34 sodda (1996)
Andar Hotel lukanda ta' erba' stilel bi 80 sodda (2004)
Mġarr Hotel lukanda ta' ħames stilel b'158 sodda (2005)
Total ta' 272 sodda
Fl-istess perjodu nfetħu dawn il-lukandi:
Grand Hotel lukanda ta' erba' stilel b'114 sodda (1997)
San Lawrenz lukanda ta' ħames stilel b'214 sodda (1999)
San Andrea lukanda ta' tlett stilel b'56 sodda (2001)
Down Town lukanda ta' tlett stilel b'76 sodda (2005)
Total ta' 460 sodda