B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21018, jista' il-Ministru jgħid fejn intrema' it-terrapien tax-xogħol fit-triq Għajnsielem/Xewkija? Jista' jgħid kemm kien hemm vjaġġi ta' terrapien li ġie mormi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li 4,300 metri kubi ta' materjal ġie mħammel s'issa. Parti minn dan il-materjal ġie magħżul u merfuħ għal użu fil-futur, filwaqt li ammont ieħor ġie mormi fil-barrieri ta' fuq il-Qawra propjeta ta' John Mizzi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm pulizija Għawdxin irtiraw/ħarġu mill-korp f'dawn l-aħħar ħames snsin? Jista' in oltre jgħid kemm minn dawn il-pulizija li rtiraw/ħarġu ġew replaced?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar 2002 u s-16 ta' Novembru 2006 spiċċaw 32 membru tal-Korp tal-Pulizija Għawdxin, filwaqt li matul l-istess perijodu kien hemm 28-il persuna Għawdxija li ingaġġaw fil-Korp.
Peress li l-anzjani u persuni b'diżabilita' għandhom diffikultajiet ta' aċċess għall-bini tal-qorti ta' Għawdex, tista' il-Ministru tara li dan l-inkonvenjent jiġi indirizzat immedjatament?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li sal-lum kull meta kien hemm kaz ta' anzjani jew persuni b'dizabilita' li kien jeħtieġ li jiġu l-Qorti, dejjem instabet soluzzjoni.
Pero', minkejja dan, xorta il-Ministeru għal Għawdex huwa konxju li hemm bżonn soluzzjonijiet ferm aħjar u fuq bażi permanenti u, għaldaqstant l-aċċess imsemmi jidħol fl-aġenda ta' proġetti proposti għall-quddiem.
Peress li fil-qorti ta' Għawdex reġgħu naqsu l-ħaddiema klerikali, tista' il-Ministru tara li jkun hemm replacement u żieda ta' ħaddiema fil-qorti ta' Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 21524 li tapplika wkoll għal ħaddiema klerikali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm se jiġu jiswew ix-xogħlijiet sabiex tiġi rranġata r-rampa fil-moll ta' l-Imġarr li qed terġa' tiġi maqlugħa biex issir mill-ġdid? In oltre, jista' jgħid meta se jitlesta x-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li r-rampa tat-Terminal ta' l-Imġarr mhux ser tinqala u ssir mill-ġdid iżda ser isirulha aġġustamenti fl-għoli tagħha. Dan ser isir minħabba li vetturi baxxi ħafna, f'ċertu każijiet, speċjalment meta jkunu ħerġin minn fuq il-vapuri b'veloċita', kienu jaħbtu l-qiegħ mar-rampa. L-istima ta' din il-modifikazzjoni hija stmata ċirca Lm5,500.
Ir-rampa ser terġa tibda tintuża madwar l-ewwel ġimgħa ta' Diċembru 2006.
Peress li Triq Wied Sara, Rabat Għawdex għandha bżonn manutenzjoni immedjata, tista' il-Ministru tara li dan ix-xogħol isir?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-manutenzjoni fuq parti sostanzjali minn Triq Wied Sara diġa saret filwaqt li fuq il-bqija għaddej ix-xogħol li ser jitlesta dalwaqt.
Jista' il-Ministru jgħid kemm preżentaturi fuq it-televiżjoni weħlu multi għax kisru l-linji gwida ta' l-awtorita' mill-2000 sal-lum? Liema kienu l-preżentaturi? X'kienet l-akkuża? Kemm weħlu f'multi?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Peress li fil-qorti ta' Għawdex hemm nuqqas ta' staff, tista' il-Ministru tgħid meta se jiżdied?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata illi għaddej il-proċess biex jimtlew il-vakanzi li hemm fil-posizzjoni ta’ Deputat Registratur, biex b’hekk id-dmirijiet fost l-impjegati tal-qorti jkunu jistgħu jinqasmu aħjar bl-għan li jingħata servizz aħjar għall-Ġudikatura, l-avukati u l-pubbliku in ġenerali.
Qed tiġi kkunsidrata wkoll it-talba għal Court Messengers biex ix-xogħol tal-Qorti ikun jista' jsir b'mod aktar effiċċjenti
Jista' il-Ministru jgħid skond liema kriterju staff Għawdxi li jaħdem l-isptar Malta jiġi trasferit għall-isptar ta' Għawdex? Teżisti xi lista ta' staff li jmisshom jiġu trasferiti lejn Għawdex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fid-Diviżjoni tas-Saħħa jeżistu listi ta' staff li jmisshom jiġu trasferiti lejn Għawdex.
Il-kriterju li jintuża huwa li l-Għawdxin jidħlu fil-lista skond id-data tal-ħatra fil-grad partikulari u skond l-Ordni ta' Mertu li jiġu fil-Bord ta' l-Għażla ta' l-imsemmi grad.
Jista' il-Ministru ġentilment jara li l-ismart card ta' l-istudenta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tinħareġ peress li din għadha mingħajr card?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din l-istudenta u xi studenti oħra applikaw tard minħabba r-resits li kellhom. Informat ukoll li dawn l-ismart cards ġew maħruġa riċentement u għandhom jirċievuha l-iskola fi ftit jiem oħra.
Peress li Triq Qala u Triq Tiġrija fin-Nadur, Għawdex għandhom bżonn ta' manutenzjoni, tista' il-Ministru tgħid meta se jsiru dawn ix-xogħlijiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li t-toroq msemmija saritilhom manutenzjoni matul l-ewwel ġimgħatejn ta’ dan ix-xahar u li minħabba l-istat taghħom qegħdin isiru preparamenti biex ikunu jistgħu jinħarġu offerti għall-asfaltar mill-ġdid ta' dawn it-toroq .
Tista' il-Minsitru tgħid liema toroq se jiġu asfaltati fix-xhur li ġejjin? Tista' tgħid meta huwa maħsub li jsir ix-xogħol?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li t-toroq li huma ppjanati li jiġu asfaltati fix-xhur li ġejjin u li għalihom nħarġu u għalqu l-offerti huma dawk li jidhru hawn taht:
· Tkomplija ta’ xogħol fi Triq Ġdida fi Triq Għajn Qatet, Victoria
· Tkomplija ta’ xogħol fi Triq Bertija & Triq Liberat Grech, Xagħra
· Triq l-Imħallef Cremona, Victoria
· Triq Santa Marta, Victoria
· Triq is-Sajjied, M’Forn
· Triq iż-Żernieq, Nadur
· Triq il-Karmelitani, Kerċem
· Parti minn Triq tal-Ħniena, Xewkija
· Triq Wistin Camilleri, Victoria
· Parti minn Triq l-10 ta’ Ottubru, Sannat
· Parti minn Triq ta’ Barda, M’Forn
· Triq Gdida fi Triq Skappuċċina, Żebbug
· Triq L-Imgħallem, Victoria
· Triq ir-Ramla, Nadur
· Parti minn Triq Pawlu Portelli, Victoria
· Parti minn Triq Mons. Pietru Pace, Victoria
Toroq li ħarġet sejħa għall-offerti u jibdew jinħadmu wara li jintemm il-proċess ta’ l-offerti:
· Triq Sannat , Sannat
· Triq Qasam San Ġorġ, Victoria
· Triq il-Qighan, Għ’Sielem
· Triq l-Imrejzbiet, Għ’Sielem
· Parti minn Triq il-Merkanti, Għ’sielem
Toroq li ntbgħatu d-dokumenti lid-Dipartiment tal-Kuntratti biex jiġu ppublikati l-offerti:
· Triq Gregorio Caraffa, Nadur
Triq Xemmiex, Nadur
· Parti minn Triq Santa Dminka, Munxar
Parti minn Triq il-Prof. Guze Aquilina, Munxar
· Triq il-Knisja, Nadur
Toroq li ser jiġu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea:
· Triq ix-Xlendi, Munxar
· Triq ta’ Pinu, Għarb
Barra mit-toroq imsemmija hawn fuq bħalissa għaddej xogħol preparatorju biex jinħarġu sejħiet għall-offerti ta’ toroq ohra mifruxa ma diversi lokalitajiet f’Għawdex.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21339, tista' il-Ministru tgħid kemm trid staff biex jintuża dan il-makkinarju u kemm hi l-frekwenza ta' l-użu ta' din il-makna?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Dan il-makkinarju jista' jitħaddem minn persuna waħda li tista' tkun kemm infermiera u kemm tabib. Dan jintuża f'każ ta' emerġenza meta jkun hemm pazjent b'attakk ta' qalb. Ma tinżamx statistika ta' kemm-il darba jintuża dan il-makkinarju.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21340, jista' il-Ministru jikkonferma li s-servizz se jibqa' jingħata mill-HSE matul ix-xitwa, ovvjament weather permitting?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għaddejjin diskussjonijiet mal-HSE dwar il-possibilita li s-servizz jitkompla.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru devoluzzjonijiet ta' art tal-gvern lill-kunsilli lokali f'dawn l-aħħar għaxar snin f'Għawdex? Meta saru? Jista' jispeċifika liema kienu l-kunsilli lokali konċernati kif ukoll jagħti dettalji ta' l-art u jgħid għal liema skop/proġett saret din id-devoluzzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Din l-informazzjoni tinkludi biss dawk il-proprjetajiet f'Għawdex li għaddew għand il-Kunsilli Lokali permezz ta' devoluzzjoni mill-1999 sa Ottubru ta' l-2006. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Policy dwar Devoluzzjoni Lokali ġiet introdotta f'Marzu ta' l-1999.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21104 u għar-risposta relattiva senjatament fejn qed jingħad li t-tieni parti tal-mistoqsija tiġi risposta aktar 'il quddiem, allura dan ifisser li għadna ma nafux dwar kemm se tiġi tqum din il-modifika?
Response (GALEA, ĊENSU)
F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mar-risposta mgħotija għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 21104.