Legislature:
Category:
Reset
Active:

Imġarr — Trasport Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex m'għadhomx isiru trips mit-trasport pubbliku dirett mill-Imġarr għall-irħula prinċipali wara nofsinhar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninfurmak illi t-trips li kienu jsiru wara nofsinhar mill-Imġarr għall-irħula m'għadhomx isiru peress li ma kienux jiġu wżati mill-Pubbliku u għalhekk wara rakomandazzjoni mill-Gozo Bus Owners Association dawn ġew sospiżi. Nixtieq ninfurmak illi fil-futur qarib ser jibdew taħdidiet bejn l-ADT u l-Gozo Bus Owners Association rigward titjieb fl-għoti tas-servizz pubbliku.

Rabat, Għawdex — Trasport Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jerġgħu jibdew isiru t-trips b'mod regolari mit-trasport pubbliku mir-Rabat għal San Lawrenz, Għarb u Għasri, liema trips ġew imnaqqsa minħabba x-xogħlijiet fit-Triq ta' Pinu li issa nfetħet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-trips li jsiru mit-trasport pubbliku mir-Rabat għal San Lawrenz/Għarb/Għasri/Żebbuġ fis-7.15am/8.30am/10.30am u 11.30am għadhom isiru regolari u t-trips tad-9.30am u tal-5.30pm m'humiex qed isiru preżentament minħabba x-xogħol li għaddej fuq it-triq li tieħu mir-Rabat għal San Lawrenz. Ninfurmak li hekk kif ix-xogħol fuq it-triq mir-Rabat għal San Lawrrenz ikun finalizzat t-trips tad-9.30 u tal-5.30 jerġa lura għan-normal kif kien qabel.
Leg 10 PQ #22920 Sitting 482 2007-01-16 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Sannat - Triq Daħla taċ-Ċnus

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta se tiġi asfaltata l-parti ta' ġewwa tat-Triq Daħla taċ-Ċnus, fis-Sannat, Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-parti residenzjali tat-triq msemmija hija asfaltata.

Servizz ta' trasport pubbliku

Question

Jista' il-Ministru jgħid għalfejn m'għadhomx isiru trips kollha mit-trasport pubbliku li kienu jsiru mill-irħula prinċipali għall-Imġarr fil-5.30 a.m.?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninfurmak illi t-trips kollha li jsiru mill-irħula prinċipali għall-Imġarr fil-5.30am kienu ġew ridotti għal nhar ta' Tnejn biss u dan peress li ma kienx qed ikun hemm użu ta' dawn s-servizzi b'mod regolari u għalhekk wara pressjoni mill-Gozo Bus Owners Association dawn ġew sospiżi. Nixtieq ninfurmak ukoll illi fil-futur qarib ser jibdew taħdidiet bejn l-ADT u l-Gozo Bus Owners Association rigward titjieb fl-għoti tas-servizz pubbliku.

Imġarr — Trasport Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex m'għadhomx isiru trips mit-trasport pubbliku dirett mill-Imġarr għall-irħula prinċipali wara nofsinhar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Leg 10 PQ #22910 Sitting 481 2007-01-15 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Triq ta' Pinu

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jitwaħħlu d-dwal u sinjaletika adegwata fi Triq ta' Pinu, peress li ċerti partijiet f'din it-triq huma dojoq u perikolużi ħafna? In oltre, peress li sidien ta' vetturi, speċjalment trakkijiet, qed jilmentaw minħabba nuqqas ta' spazju biex ikunu jistgħu jduru mar-roundabout li tagħti għal Għasri, tista' l-Ministru tgħid x'miżuri qed jitteħdu biex jiġi eliminat dan l-inkonvenjent?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li x-xogħol tat-twaħħil tad-dawl u t-tqegħid ta sinjaletika fi Triq li mir-Rabat twassal għal San Lawrenz ser jibda matul din il-ġimgħa. Jiena nfurmata wkoll li ma jirriżultax li hemm problemi biex vetturi jduru mar-roundabout li tagħti għall-Għasri.
Leg 10 PQ #22911 Sitting 481 2007-01-15 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sannat — Bini ta' Ħajt

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jinbena l-ħajt bejn Triq Durell u Triq Tempju ta' Imramma, Sannat, Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jekk l-Onorevoli Nterpellant qiegħda tirreferi għall-kantuniera bejn it-toroq imsemmija, jiena nfurmata li jeżisti ħajt ta’ lqugħ f’din il-parti tat-toroq.

Rabat, Għawdex — Trasport Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jerġgħu jibdew isiru t-trips b'mod regolari mit-trasport pubbliku mir-Rabat għal San Lawrenz, Għarb u Għasri, liema trips ġew imnaqqsa minħabba x-xogħlijiet fit-Triq ta' Pinu li issa nfetħet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Stipendju

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22623 u r-risposta relattiva fejn qed jissemma l-Avviż Legali pero' mhux jiġi speċifikat liema huma, peress li dawn l-istudenti xorta għandhom spejjeż in konnessjoni ma' l-istudji tagħhom, jista' il-Ministru jgħid x'għajnuna qed jagħti l-gvern lil dawn l-istudenti biex jinkoraġġihom ikomplu jistudjaw speċjalment lill-istudenti Għawdxin li għandhom diversi spejjeż addizzjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-SMGB ma tagħmilx distinzjoni bejn studenti Maltin u Għawdxin. Pero l-istudenti Għawdxin jirċievu allowance żejjed biex tagħmel tajjeb għal spejjeż ta' vjaġġar u akkomodazzjoni u li hi amministrata mill-Ministeru għal Għawdex. (Referenza ta' l-Avviż Legali - LN372/05 Artiklu 12)

Munxar — Triq Ras il-Bajada

Question

Jista' il-Ministru jara jekk fi Triq Ras il-Bajada, Munxar tistax issir sleeping policeman jew xi ħaġa oħra li permezz tagħha l-vetturi jnaqqsu l-veloċita' tagħhom f'ċertu partijiet perikolużi peress li f'ċertu partijiet ta' din it-triq qed iseħħu diversi inċidenti tat-traffiku?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninfurmak fuq it-talba tiegħek sabiex ssir sleeping policeman jew xi ħaġa oħra li permezz tagħha l-vetturi jnaqqsu l-veloċita’ tagħhom f’ċertu partijiet perikolużi fi Triq Ras il-Bajjada l-Kunsill Lokali tal-Munxar diġa ħa l-prewkazzjonijiet meħtieġa billi waħħal tabelli fil-bidu ta’ l-istess triq biex jindikaw li l-veloċita għandha tkun ta 35km/hr u anke għamel s-sinjali fl-art li jindikaw lix xufiera li għandhom inaqqsu l-veloċita tagħhom.

Għawdex — Terrapien

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21416, jista' il-Ministru jgħid fejn qed jiġi merfuh dan il-materjal?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li dan il-materjal qed jiġi merfuħ f’barriera numru 5. Din il-barriera tinstab fl-inħawi ta’ Għar Ilma limiti ta’ Kerċem.

Żbir ta' Siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iż-żabra tas-siġar fid-diversi lokalitajiet f'Malta u Għawdex hijiex responsabbilta' ta' xi dipartiment fil-ministeru tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’Malta l-Malta Embellishment and Landscaping Project (MELP) hi responsabbli għaż-żabra tas-siġar fil-lokalitajiet li jaqgħu taħt il-Gvern Ċentrali u f’lokalitajiet fejn il-kuntratur tagħha qiegħed taħt kuntratt. F’Għawdex, ir-responsabbiltà hija f’idejn il-Ministeru għal Għawdex.

Stipendju

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni l-istudent li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, mhux qed jingħata stipendju?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena skolastika 2005/2006 l-istudent imsemmi kien qed jattendi kors Mikiel Ang Refalo u kien jirċievi stipendju. Informat ukoll li din is-sena l-istudent konċernat qed jattendi l-MCAST u qed jirrepeti l-istess livell tas-sena l-oħra. Skond l-Avviz Legali, studenti li jirrepetu l-istess livell m'humiex intitolati għal stipendju.

ADT — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni l-impjegati ta' l-ADT mhux qed jingħataw il-qualification allowances?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Impjegati tal-Gvern li ġew ma' l-Awtorita’ qegħdin irregolati taħt il-Ftehim Kolletiv ta’ l’Awtorita’ li ġie fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar, 2006. Fil- Ftehim Kolletiv ta’ l’Awtorita m' hemm l-ebda qualification allowance.

Scholarships

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19302 li saret fit-22/5/06 u 21350 li saret ft-23/10/06 li t-tnejn li huma għadhom ma ġewx risposti, jista' il-Ministru ġentilment jirrispondihom u jforni l-informazzjoni mitluba?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra għar-rigward ta' dawk il-boroż ta' studju li jamministra l-Ministeru tiegħi u li ma jinkludux skambji taħt il-programmi ta' l-Unjoni Ewropea jew ta' l-Universita' ta' Malta. Għall-iskema ta' scholarships tal-Gvern ivvotajna Lm200,000 fl-Estimi.

Ħaddiema Għawdxin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamnetari 21752 li r-risposta għaliha kienet li risposta tingħata f'seduta oħra, jista' il-Ministru ġentilment iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-lista msemmija f'mistoqsija parlamentari 21527?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #22491 Sitting 473 2006-12-04 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ġarr ta' Pazjenti

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm inġarru pazjenti bil-helicopter mill-istpar ġenerali ta' Għawdex għal St Luke's matul din is-sena, kull xahar separatament, tindika s-sess u l-eta' tal-pazjenti u għal liema raġuni/trattament inġarrew dawn il-pazjenti?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Infurmata wkoll li l-informazzjoni rigward l-eta’ ma teżistix.

Pulizija Għawdxin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22118 li kienet titratta dwar pulizija Għawdxin, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm pulizija Għawdxin li jaħdmu f'Għawdex irtiraw/ħarġu mill-korp f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm minn dawn il-pulizija li rtiraw/ħarġu ġew replaced u mhux ingaġġati mal-korp kif irrisponda l-Viċi Prim Ministru f'mistoqsija parlamentari 22118?

Response (BORG, TONIO)

L-ewwel u qabel xejn niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellanti, illi f'Mistoqsija Parlamentari Nru. 22118 it-tagħrif mitlub kien dwar "Pulizija Għawdxin" u mhux pulizija stazzjonati Għawdex. Għadaqstant it-Tweġiba mogħtija kienet relevanti għat-tagħrif kif mitlub. Dwar dak mitlub f'din il-Mistoqsija, ċioe' 22492, ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħames snin kien hemm 28 membru tal-Korp tal-Pulizija stazzjonati Għawdex li spiċċaw mill-Korp, filwaqt li matul l-istess perijodu ġew stazzjonati 9.

Awtorita' tax-Xandir — preżentaturi tat-televiżjoni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21799 li saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm preżentaturi fuq it-televiżjoni weħlu multi għax kisru l-linji gwida ta' l-awtorita' mill-2000 sal-lum? Liema kienu l-preżentaturi? X'kienet l-akkuża? Kemm weħlu f'multi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ tippubblika statistika dwar il-penalitajiet li hija tinfliġġi fuq l-istazzjonijiet fir-rapport annwali tagħha li jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Għalhekk, l-Onorevoli Interpellant hija mitluba li tirreferi għall-istatistika ppublikata f’dawn ir-rapporti.