Peress li din is-sena l-pazjenti tar-residenza ta' Sant'Anna reġgħu għaddejjin minn inkonvenjent kbir minħabba li l-aircondition mhux jaħdem u t-tbatija għal dawn l-anzjani hija kbira tant li hija ta' detriment kbir għal saħħithom, tista' l-Ministru tindirizza immedjatament din il-problema li qed tinħoloq ta' kull sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-problema ta' l-aircondition qed tiġi indirizzata peress li l-offerta għax-xiri ta' l-airconditionqiegħda fil-fażi ta' adjudication. Sadanittant il-pazjenti qed jiġu fornuti b'fans.
Peress li bħalissa f'Għawdex hemm chaos kbir għaliex l-kuntratturi u dawk kollha nvoluti fis-settur tal-bini m'għandhomx fejn jarmu l-iskart tagħhom, tista' l-Ministru tgħid x'passi qed jieħu l-Gvern biex din is-sitwazzjoni tissolva?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li permessi biex barrieri jintużaw għar-rimi ta' skart jinħarġu mill-MEPA, għaldaqstant nitlob l-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25065 u jgħid:
1) x'kienet l-ispiża totali s'issa tal-proġett tat-terminal f'Għawdex;
2) jagħti breakdown ta' l-ispejjeż;
3) min esegwixxa x-xogħol;
4) jindika l-varjazzjonijiet mill-pjanti oriġinali u meta saru dawn il-varjazzjonijiet;
5) jgħid id-differenza fl-ispiża bejn ix-xogħol kif kellu jsir oriġinarjament u x-xogħol li sar skond il-varjazzjoni;
6) meta se jitlesta x-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ispiza totali (certified for payment) tal-proġett tat-terminal f'Għawdex sa l-aħħar ta’ Marzu 2007 hija Lm3,828,098.98.
Din hija maqsuma kif ġej:
· Civil Works (Polidano Brothers Ltd.)
Lm2,869,854.20;
· Finishes Works (Polidano Brothers Ltd.)
Lm295,513.03;
· Building Services (Central Power Installations Ltd.)
Lm195,776.45;
· Vertical Transportation (Titan International Ltd.)
Lm116,955.30;
· General Expenses (including, consultants’ fees, MEPA permit fees, Enemalta fees, etc.)
Lm350,000.00.
Il-pjanti oriġinali tat-terminal ta’ l-Imġarr, li saru mill-kumpanija tal-periti Coastal Management Co. Ltd (CMC Co. Ltd.) kienu ġew riveduti sostanzjalment mill-kumpanija tal-periti Bezzina & Cole fil-perjodu 2003-2004.
Il-varjazzjonijiet prinċipali bejn id-disinji oriġinali u dawk preżenti kienu:
1) Il-bini preżenti tat-terminal sar fuq sular wieħed u mhux fuq tnejn kif kien oriġinarjament.
2) Tibdil fil-Gangways tal-ħadid sabiex jikkumplimenta il-bini tat-terminal li issa sar fuq sular wieħed.
3) Żieda ta’ rampa għad-dħul fil-marshalling area.
4) Tibdil sostanzjali fuq id-disinn tat-toroq madwar il-port.
Ix-xogħolijiet ibbażati fuq il-pjanti ta’ Bezzina & Cole inbdew f’Lulju 2005.
Wieħed jista jgħid li x-xogħol fuq it-terminal huwa kważi lest minn kollox. L-ispiża totali tkun tista' tingħata hekk kif jingħalqu l-kontijiet tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jara li t-talba għal facilitator, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, tiġi proċessata peress li l-istudent in kwestjoni kulma jmur sejjer ħafna lura?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li se jsir dak kollu possibli biex din l-applikazzjoni tiġi pproċessata qabel il-bidu tas-sena skolastika li ġejja.
B'referenza għas-sejħa ta' l-offerti li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern 1 ta' Ġunju, 2007, Avviż Nru: WB 27/2007 dwar feasibility studies għat-Triq Xlendi u Triq ta' Pinu, Għawdex tista' l-Ministru tispeċifika dan l-istudju fhiex jikkonsisti b'mod dettaljat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-istudji msemmija fil-mistoqsija jikkonsistu f'Economic and financial feasibility studies u li l-kontenut tagħhom huma spjegati b'mod dettaljat fis-sejħa għall-offerti li hija ppublikata bħalissa.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm pazjenti li regolarment jużaw il-magni tal-kliewi fl-Sptar Ġenerali ta' Għawdex u kemm hemm magni a diżpożizzjoni tal-pazjenti f'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-numru ta' pazjenti li regolarment jużaw il-magni tal-kliewi fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex huwa sebgħa iżda magħhom ġieli jkun hemm xi każijiet ta' pazjenti Maltin u oħrajn barranin. Il-magni li huma għad-diżpożizzjoni tal-pazjenti f'Għawdex jammuntaw għal erbgħa.
Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-istudent ta' l-MCAST li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament u li m'għaddiex mill-eżami indikat separatament, l-ewwel ġie infurmat li l-każ tiegħu huwa borderline u allura ser isirlu interview u mbagħad ġie infurmat li ma kienx ser isirlu l-interview bil-konsegwenza li issa ma jistax ikompli l-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal sal-ħin li jkun irid jiġi mgħoddi lill-uffiċċju ta' l-iskrivan tal-Kamra, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26471 u għar-risposta relattiva peress li l-ilmenti saru lill-Interpellant li mbagħad tressqu lill-Ministru permezz tal-mistoqsija parlamentari msemmija u allura l-ilment wasal fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, jista' l-Ministru jgħid għaliex dawn l-istudenti tal-BCom intalbu jiktbu isimhom u n-numru tal-karta ta' l-identita' fuq il-karta ta' l-eżami tagħhom meta normalment jitniżżel index number?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Universita', għalkemm mhix obbligata, tuża s-sistema ta' 'blind marking', jiġifieri li l-ezaminatur jimmarka l-karti ta' l-ezami mingħajr ma jkun jaf l-identita' ta' l-istudent. Il-parti fejn l-istudenti jikteb ismu u n-numru tal-karta ta' l-identita' tinqata' u tinżamm mill-amministrazzjoni wara li jingħata numru li jitniżżel ukoll fuq il-manuskrit li jgħaddi għand l-eżaminaturi. Din is-sistema tintuża fil-Fakultajiet kollha mhux għall-istudenti tal-B.Com biss.
Nixtieq nerġa ninforma lill-Onor. Membru li ma kien hemm l-ebda ilment dwar dan la minn xi student u lanqas minn rapprezentanti ta' l-istudenti.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26510 u għar-risposta relattiva, peress li l-proċess ġie eżawrit u dan ġie konfermat anke minn verifiki li saru u rriżulta wkoll li kollox huwa regolari, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex din l-applikazzjoni għadha ma ġietx konkluża meta hawn qed nitkellmu fuq l-għajxien ta' familja li qed tistenna l-ħruġ ta' din l-applikazzjoni biex tkun tista' tibda topera, proprju meta dan huwa ż-żmien meta dan it-tip ta' xogħol huwa rikjest fis-suq u dawn l-applikanti qed jiġu mċaħħda milli jaqilgħu l-għajxien tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi din l-applikazzjoni ġiet finalizzata. Fil-fatt l-applikant ġie infurmat sabiex imur jiġbor din il-liċenzja.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-applikazzjoni għal-liċenzja mill-Kummissarju tal-Pulizija ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ilha pendenti għal diversi xhur meta applikazzjonijiet oħrajn ta' l-istess xorta ġew proċessati u meta jidher li din l-applikazzjoni qed tieħu żmien itwal bla bżonn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant kien jirrikjedi diversi verifikazzjonijiet, li issa ġew eżawriti u huwa mistenni li din l-applikazzjoni tkun konkluża dalwaqt.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26224 li ġiet riferuta lill-Ministru għal Għawdex, peress li għaddejjin xogħlijiet fit-triq li tagħti għall-Għarb, Għawdex u per konsegwenza qed jgħaddi ħafna traffiku minn Triq Dun Alwiġ Mizzi u l-vetturi qed jgħaddu minn hemm b'ċerta veloċita' li toħloq ċertu perikolu, tista' l-Ministru tara li ssir sinjaletika li tiggwida lis-sewwieqa biex isuqu bil-mod f'dik iż-żona?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena infurmata li minn spezzjonijiet li saru ma hemmx il-frekwenza tat-traffiku jew traffiku li jgħaddi b'veloċita eċċessiva minn Triq Dun Alwiġ Mizzi minħabba li hemm toroq alternattivi aħjar.
B'referenza għall-mistoqsija parlarmentari 26220 li ġiet riferuta lill-Ministru għal Għawdex, peress li fi Triq il-Knisja, Għarb m'hemm ebda tabella li turi li fil-viċinanzi hemm skola, biex is-sewwieqa speċjalment dawk mhux midħla ta' l-inħawi jkunu jafu li jridu joqogħdu aktar attenti, tista' l-Ministru tara li din it-tabella jew tabelli jsir jew isiru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena infurmata li fi Triq il-Knisja, Għarb diġa hemm sinjali miżbugħin fl-art biex is-sewwieqa jsuqu bil-mod u biex juru li hemm skola fil-viċinanzi.
Jista' l-Ministru jwiegeb mistoqsija parlamentari 25507 u cioe' : Peress li saru lmenti minn diversi studenti tal-Fakulta' ta' l-Inġinerija dwar is-suġġett Computer Programming liema lmenti kienu dwar eżamijiet li jsiru fuq il-computers ta' l-Universita' u waqt l-eżami kien hemm breakdown tas-sistema, bil-konsegwenza li dawn l-istudenti ma setgħux ikomplu l-eżami u ġew penalizzati għax ma komplewx. Peress li din hija sitwazzjoni inġusta fil-konfront ta' dawn l-istudenti jista' l-Ministru jintervjeni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma kien hemm l-ebda ilmenti dwar is-suġġett "Computer Programming" la mal-Kap tad-Dipartiment u l-anqas mad-Dekan tal-Fakulta'.
Peress li saru diversi lmenti minn studenti tal-B.Com għaliex fil-karti ta' l-eżamijiet tagħhom qed jintalbu jnizzlu isimhom u n-nurmu tal-karta ta' l-identita' minflok l-index number kif normalment isir, jista' l-Ministru jgħid għaliex dan qed isir?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma wasal ebda lment dwar dan, la minn xi studenti individwali u lanqas mir-rappreżentanti ta' l-istudenti.
Tista' l-Ministru ġentilment tgħid kemm-il applikazzjoni hemm pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali f'Għawdex u tgħid kemm kull waħda minnhom ilha pendenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jelenka l-ispejjeż kollha magħmula minn dan il-ministeru in konnessjoni man-Notte Gozitana kif ukoll jelenka t-tenders u direct orders maħruġa in konnessjoni ma' din l-attivita' u jindika min ħa t-tender jew direct order relattiv u l-ammont involut?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant hija kif jidher fit-tabelli li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26225, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' dawk il-facilitators Għawdxin li ġew trasferiti minn Malta għal Għawdex u jindika d-data tat-trasferiment?
Response (GALEA, LOUIS)
Le, mhux il-kaz li t-tagħrif jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.