B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1132 u ċioe' l-aħħar parti ta' l-istess mistoqsija, in-vista tar-risposta hemm mogħtija, jista' l-Ministru jgħid meta din il-fabbrika ġiet mogħtija l-liċenzja sabiex timmanifattura r-ravjul, tortellini, lasagna u xogħol ieħor ta' l-għaġin; (ii) mil-liema awtoritajiet ġiet hekk liċenzjata; (iii) meta bdiet topera din il-fabbrika; (iv) jekk din il-fabbrika kelliex permess mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-liċenzja li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, inħarġet mill-Pulizija fi Frar 1996 wara li kien inħareġ permess mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal bdil ta' użu għall-istess fond f'Lulju 1994.
Ninsab infurmat ukoll li l-Pulizija ma żżommx rekord dwar meta fond jibda jiġi wżat wara li tkun ħarġet il-liċenzja neċessarja.
14.11.98
Jista' l-Ministru jgħid meta x-xogħol mibdi fl-aħħar xhur fil-Qasam tal-Bini ta' Ħal Dmikki ġewwa Ħal Għaxaq jiġi fit-tmiem tiegħu u jitneħħa l-periklu maħluq minn ħofra kbira li ġiet imħaffra u mħollija miftuħa mingħajr ilqugħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ix-xogħol fuq l-iżvilupp ta' ġnien pubbliku fil-Housing Estates ta' Ħal-Dmikki Ħal-Għaxaq jinsab wieqaf għal żewġ raġunijiet. L-ewwelnett fejn tħaffret il-ħofra msemmija biex isir ġibjun, dieħel kwantita' ta' ilma aktarx ġej min xi 'main' ta' l-ilma. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma qed tinvestiga minn fejn ġej dan l-ilma. Problema oħra li qed iżżomm ix-xogħol hija l-pożizzjoni ta' arblu tad-dawl li jrid jitneħħa mill-Enemalta. Jien infurmat li l-Enemalta ser tagħmel dan ix-xogħol fil-jiem li ġejjin. Jidher ukoll li l-ilqugħ tal-ġebel li tħalla bħala protezzjoni ma' din il-ħofra ġie mitfugħ għal isfel minn vandali. Nittama li dawn il-problemi jissolvew fil-ġimgħat li ġejjin.
23.11.98
Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbidel il-wiċċ ta' Triq Valletta, fiż-Żurrieq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed isir pjan bl-assistenza tal-Konsulenti Germanizi biex jiġi stabbilit pjan prijoritarju għal biex il-ħsarat bħal dawk fit-toroq arterjali jkunu jistgħu jiġu msewwija. Għalhekk ix-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant isir skond il-prijoritajiet ta` dan il-pjan.
Jista' l-Ministru jgħid meta Triq Ta' Ċiantar se titkompla u tiġi mnifda għal fuq dik ta' Bronja, fiż-Żurrieq?
Response (GALEA, ĊENSU)
It-triq imsemmija mill-Onor Interpellant trid tinfetah permezz ta` l-izvilupp li jkun qegħed isir mill-privat li jizviluppa l-artijiet li jagħtu għal din it-triq. Wara dan, iridu jiġu nstallati s-servizzi biex it-triq tkun tista' tiġi asfaltata.
Sajjieda Maltin — Protezzjoni minn sajjieda barranin
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-Gvern sabiex jipproteġi l-għajxien tas-sajjieda Maltin, partikolarment dawk li jistgħadu għat-ton, mis-sajjieda barranin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-sajjieda Maltin igawdu mill-protezzjoni kollha li jagħtuhom il-Forzi Armati ta' Malta sabiex jiġu nforzati l-liġijiet u r-regolamenti kif inhuma sa ħamsa u għoxrin mil nawtiku kif deskritt f'Kap 226 tal-Liġijiet ta' Malta.
Minkejja li s-sajd għat-tonn isir fil-parti l-kbira tiegħu 'il barra mill-ibħra Maltin kif deskritti hawn fuq, id-Dipartiment tas-Sajd qiegħed jieħu sehem attiv f'diskussjonijiet waqt laqgħat diversi tal-FAO fejn jiġu deċiżi regolamenti fuq l-industrija tas-sajd fil-Mediterran. Madankollu il-Gvern Malti qiegħed jinsisti illi ċerti metodi ta' sajd tat-tonn, użati minn pajjiżi oħra u li jagħmlu ħsara lill-popolazzjoni ta' din l-ispeċi, jiġu projbiti.
Jista' l-Ministru jgħid: (1) jekk hemmx grading tal-materja prima li jipproduċu l-barrieri tal-qawwi; (2) Jekk issirx sorveljanza sabiex jiġi stabilit li fil-planki u/jew fil-konkos użat għas-soqfa jintużax ramel u żrar ta' kwalita' rikjesta għal tali skop?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid: (1) Jekk hux qed isiru spezzjonijiet regolari tal-barrieri li jinsabu fil-kampanja tagħna; (2) jekk hux qegħdin isiru spezzjonijiet u verifiki sabiex jiġi aċċertat li l-barrieri kollha huma mdawra b'ħitan skond il-liġi; (3) Jekk qattx kien hemm xi każ fejn irriżulta li xi sidien tal-barrieri għalqu art proprjeta' tal-gvern jew formanti parti minn toroq pubbliċi; (4) Jekk qatt saru tali verifiki u spezzjonijeit meta kien l-aħħar li tali saru; (5) Jekk hux qed isiru inspections sabiex jiġi stabilit jekk ċerta sidien tal-barrieri humiex qed jabbużaw u jkissru u jaqtgħu blat proprjeta' ta' l-Istat; (6) Jekk monumenti storiċi qrib tali barrieri humiex qegħdin jiġu spezzjonati sabiex jiġi stabilit jekk hux qed issir ħsara lil tali monumenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jindika jekk il-Gvern huwiex se jinvesta fil-bini ta' housing estates ġodda u jekk fl-affermattiv, fejn hu ppjanat li dawn l-estates jinbnew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar għanda artijiet biex tkompli għaddejja bil-proġetti tal-bini ta' flats u maisonettes f'diversi inħawi madwar Malta u Għawdex. Ta' min isemmi ukoll il-proġett ta' Pembroke fejn fis-snin li ġejjin għandhom jinbnew madwar 350 units fl-ewwel fażi tal-proġett.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex se jieħu ħsieb jimmodernizza l-estates tal-gvern l-antiki billi jinstalla lifts fejn m'hemmx, ibiddel u jirranġa xogħol tal-ġebla u jipprovdi street furniture fejn m'hemmx jew fejn hemm bżonn li tinbidel? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex beħsiebu jiddedika flus għal dan l-iskop?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Rigward il-lifts, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għal PQ Nru 409. Rigward xogħol ta' 'landscaping' u 'street furniture', ninforma lil Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għaddej bi programm ta' żviluppar ta' ġonna f'Oqsma ta' Djar. Fil-fatt bħalissa għaddej xogħol fil-'housing estates' tal-Fgura, Gudja, Ħal Għaxaq, tal-Pieta' u l-Furjana.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid: 1) kemm hemm plots fiż-Żurrieq li mhumiex żviluppati li huma proprjeta' tal-Joint Office; 2) jekk dawn il-plots humiex se jiġu allokati jew inkella żviluppati u wara allokati; 3) jekk dan il-proċess huwa pendenti, dawn l-istess plot se jiġu mdawra b'ħitan bħalma ġew imġiegħla jagħmlu sidien ta' plots oħra fl-istess lokalita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli.
17.11.98
Jista' l-Ministru jindika x'tip ta' sussidji qed jingħataw u x'miljoramenti qegħdin jiġu proposti għall-futur bħala inizjattiva għall-privat sabiex jikri l-proprjeta' tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-preżent qed jingħata sussidju fuq il-kera sa massimu ta' Lm215 biex tħajjar nies jikru mingħand il-privat. Tlabt lill-Awtorita' tad-Djar biex isir studju kif dan jista' jiġi mtejjeb b'mod li jibbenefikaw dawk il-familji li l-aktar għandhom bżonn.
Bħalissa għaddej studju fuq skema biex tħajjar sidien ta' postijiet vojta tal-privat jikru dawn il-postijiet lill-Maltin.
17.11.98
In vista tad-dikjarazzjoni magħmula mill-Ministru fis-sens li l-problema tal-housing hija tant kbira li l-Gvern lanqas għandu djar biex jospita dawk il-każi fil-bżonn, jista' l-Ministru jgħid: (1) Kif sejjer il-Gvern jirrisolvi din il-problema; (2) X'se jkunu l-kriterji li bihom dawk il-units disponibbli jitqassmu; (3) Fejn huwa maħsub li jiġu mibnija u allokati units ġodda; (4) Jekk din l-allokazzjoni hijiex se tkun waħda assoluta jew inkella b'kera jew b'enfitewsi temporanja; (5) Kemm, jekk se jkun hemm, se jkun hemm units allokati lil nies bi bżonnijiet speċjali; (6) Kemm, jekk se jkun hemm, se jkunu allokati għal single parents; (7) Kemm, jekk se jkun hemm, allokati lil ġuvintur u xebbiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-problema ta' l-akkomodazzjoni soċjali f'pajjiżna mhux se ssolvi ruħha sempliċiment bl-iżvilupp ta' aktar 'units', għalkemm dan l-iżvilupp jibqa' element importanti. Kif diġa' għidt drabi oħra, hemm bżonn reviżjoni ntelliġenti tal-liġijiet tal-kera u inizjattivi oħra.
B'danakollu rrid ngħid li l-Awtorita' tad-Djar għandha program ta' bini biex tgħin tittaffa din l-problema. Dan il-bini jinstab f'diversi lokalitajiet f'Malta u Għawdex.
S'issa l-intenzjoni hi li l-allokazzjonijiet isiru kemm b'titolu ta' kera kif ukoll taħt titolu ta' bejgħ assolut.
Kif tagħmel f'kull sejħa għall-applikazzjonijiet għal postijiet ġodda, l-Awtorita' tad-Djar tirriserva ammont minnhom kemm għal persuni b'disabilita' kif ukoll 'single parents', oltre kategoriji oħra.
Fir-rigward ta' allokazzjoni lill-guvintur u xebbiet, il-Board il-ġdid ta' l-Awtorita' tad-Djar ser jikkonsidra dan il-fatt.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex se tiġi regolata l-pożizzjoni ta' dawk li għandhom bżonn u jagħmlu użu minn radios VHF li preżentement huma projbiti mil-liġi? Hemm ħsieb dwar jekk is-sajjieda humiex se jitħallew jużaw dawn il-mezzi li jistgħu jkunu ta' ħajja jew mewt għalihom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lil l-Onor Interpellant jindika liema tip ta` apparat qed jirreferi ghalih.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti li attendew għal visti fid-Dipartiment tal-Ġilda fl-Isptar Sir Paul Boffa f'din l-aħħar sena? Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm kien hemm pazjenti li ġew operati f'dan l-istess dipartiment fl-istess żmien? Rigward il-magna tal-PUVA, jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm pazjenti rċevew kura b'din il-magna f'din l-aħħar sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-pazjenti li attendew għal visti fid-dipartiment tal-Ġilda, fl-isptar Sir Paul Boffa f'din l-aħħar sena, jiġifieri minn Jannar 1998 sa Ottubru 1998, kienu jammontaw għal 13,762 ruħ.
Il-pazjenti li ġew operati f'dan l-istess dipartiment u fl-istess żmien kienu jammontaw għal 810.
Kien hemm ukoll 155 pazjent li rċevew kura bil-magna tal-PUVA f'din l-aħħar sena.
Jista' l-Ministru jgħid meta se titneħħa l-anomalija naxxenti mill-fatt illi l-liġi tipprojbixxi l-kaċċaturi lokali milli jkollhom aktar minn żewġ skrataċ fil-magazzin meta minn naħa l-oħra huwa permess l-importazzjoni ta' armi għall-użu tal-kaċċa li huma kapaċi jġorru aktar minn żewġ skrataċ fil-magazine?
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir minn dawk l-armi kollha wżati għal skopijiet ta' kaċċa li għandhom il-magazzin tagħhom li jesa' aktar minn żewġt iskrataċ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dwana tirrilaxxa snieter semi awtomatiċi kemm-il darba dawn ikunu b' 'magazine plug insert' li bih jkunu jesgħu biss żewġ skrataċċ fil-'magazine' u ieħor fiċ-'chamber'. Dawk il-persuni li jinqabdu bi snieter semi awtomatiċi li ma jkunux jikkonformaw skond dak li għidt, jittellgħu l-Qorti.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni wara d-deċiżjoni li parti minn Triq iz-Zurrieq gewwa Hal Safi, u dan limitatament għal ftit metri, ġiet dikjarata one-way? Jista' l-Ministru jgħid kif ittieħdet din id-deċiżjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-deċiżjoni ttieħdet mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex jiġi eliminat il-periklu li kien qed jinħoloq mill-volum ta` traffiku li kien jgħaddi mill-qalba tar-raħal.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fi Triq Ta' Ciantar, fiż-Żurrieq hemmx xi area li hija meqjusa bħala zona/area industrijali?
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' permessi nħarġu f'din it-triq?
Jista' l-Ministru jgħid jekk qatt ġietx liċenzjata f'azjenda sabiex jiġi manufatturat ravjul, tortellini, lasagna u xogħol ieħor ta' l-għaġin?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel u t-tieni partijiet tal-Mistoqsija, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija t-tweġiba hija fl-affermattiv.
16.11.98
Jista' l-Ministru jara li l-vultaġġ ta' l-elettriku fi Trejqet in-Nigret, fiż-Żurrieq ikun wieħed stabbli peress illi r-residenti ta' l-akwata qegħdin ibatu minn preġudizzju u dannu minħabba fit-tlugħ u nżul ta' dan il-vultaġġ elettriku li xi drabi jkun tant baxx illi jinqata'?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni Enemalta qiegħda tinvestiga l-ilment tal-Onor. Membru biex tkun tista tieħu l-passi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikanti għall-akkomodazzjoni alternattiva quddiem id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi mill-5 ta' Settembru 'l hawn daħlu 280 applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva.
16.11.98