Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #2407 Sitting 29 1998-12-11 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru għall-Ambjent

Birżebbuga — Il-Bajja s-Sabiħa

Question

Jaf il-Ministru li parti mix-xogħol li kellu jsir fuq il-proġett ta' Birżebbuga, partikolarment fil-parti tal-Bajja s-Sabiħa sabiex meta tagħmel ix-xita l-ilma ma jaqlibx għal fuq il-bajja, għadu ma sarx? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan l-ilqugħ u culverts humiex se jsiru? Jekk fl-affermattiv, meta se jsir dan ix-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li bħalissa qed isiru pjanti ġodda partikolarment li juru l-'invert levels' tal-culverts eżistenti biex tiġi addottata l-aħjar sistema sabiex l-ilma tax-xita ma jaqax fuq ir-ramel. Wara li joħorġu t-tenders neċessarji, jibda x-xogħol li mistenni jkun lest sa Ġunju 1999.
Leg 9 PQ #2353 Sitting 25 1998-12-09 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħal Safi — Rampi

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra dwar jekk hemmx l-awtorizazzjoni rikjesta sabiex il-kunsill lokali jew aħjar is-Sindku ta' Ħal Safi, jagħmel ir-rampi fi: (1) Triq San Gwann, Safi (ħdejn Mon Cherie Confectionery); (2) Triq Dun Gużeppe Caruana, Safi (wara d-dar tal-Kappillan)? Jekk dawn saru mingħajr il-permessi neċessarji, jista' l-Prim Ministru jindika x'passi se jittieħdu sabiex tali abbużi jiġu eradikati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta' Safi li l-Kunsill għandu l-permessi meħtieġa kemm għar-rampi kif ukoll għat- tabelli li jindikaw li hemm dawn ir-rampi. Sadanittant infakkar lill-Onorevoli Interpellant li, kif intqal f'tweġibiet għal mistoqsijiet simili, il-Kunsill Lokali huma korpi statutorji ta' Gvern Lokali, u għaldaqstant awtonomi. L-Onorevoli membru huwa mitlub li jigbor kull tagħrif ieħor relatat mall-mistoqsija tiegħu mill-istess Kunsill.

Birżebbuġa — Xogħol fuq paviment

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn ix-xogħol fuq il-bankini u l-paviment fuq il-proġett ta' Birżebbuġa, partikolarment fin-naħa tal-Qajjenza waqaf għal kollox bil-materjal jixxerred u jitkisser?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol fit-toroq li kellu jsir mid-Dipartiment fuq il-proġett, tlesta. Kien baqa` biċċa ta` għaxar metri kwadri li tħalliet mill-kuntrattur u li issa saret. S`intendi baqa` xogħol li jrid jitkompla is-sena d-dieħla wara li jitqiegħdu l-cables u tinbena estensjoni ta` Triq it-Trunċiera.
Leg 9 PQ #2271 Sitting 23 1998-12-07 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ħaddiema

Question

B'rifernza għall-mistoqsija parlamentari numru 1655 u r-risposta sussegwenti, jista' l-Ministru jgħid: (a) kemm hu n-numru ta' dawk il-pulizija li ġew maqlugħa minn posthom biex jimlew post vakant bl-assenza ta' l-uffiċjali tal-pulizija mal-gate tal-Kwartieri Ġenerali u kemm-il shift kellu jiġi covered; (b) minn liema sezzjonijiet dawn il-pulizija bdew jiġu maqlugħa sabiex jiġi replaced dan il-post temporanjament vakant; u (ċ) kemm ilu dan l-uffiċjal tal-pulizija mal-gate nieqes u jekk dan hux każ ta' mard fit-tul u meta se jiġi replaced?

Response (BORG, TONIO)

M'għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1655 f'Seduta 15. 07.12.98pm
Leg 9 PQ #2278 Sitting 23 1998-12-07 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru għall-Ambjent

Mitħna tax-Xarolla — Inkursjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan sabiex l-inkursjoni u ċioe' l-post ħdejn il-Mitħna tax-Xarolla, fiż-Żurrieq tiġi organizzata peress illi din saret parti perikoluża?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Żurrieq — Dawl fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi opportuni sabiex Triq Widnet il-Baħar u Triq Ġdida fi Triq Widnet il-Baħar fiż-Żurrieq jiġu mdawwla?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba magħmula mill-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.

Zurrieq — Triq Widnet il-Baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq Widnet il-Baħar u triq oħra ġdida fi Triq Widnet il-Baħar fiż-Żurrieq tingħata wiċċ stante illi issa s-servizzi kollha ġew installati?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi għar-risposta ta` PQ 2056 (Seduta 20)

Żurrieq — Vjal ix-Xarolla

Question

Jaf il-Ministru li Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq saret triq prinċipali? Jista' jgħid meta huwa maħsub illi din it-triq titwessa' peress illi dik eżistenti hija waħda dejqa li kienet intiża biex isservi ta' service road?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li għad m`hemmx pjanijiet biex Vjal ix-Xorolla titwessa`. Jien infurmat ukoll li għalkemm din it-triq saret tintuża sew mit-traffiku, il-volum għadu ma laħaqx livell tali li jkun jirrikjedi it-twessiegħ tagħha.
Leg 9 PQ #1743 Sitting 17 1998-11-30 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Marsaxlokk — Gabbana

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gabbana li hemm fil-pjazza ta' Marsaxlokk hux se tibqa' fejn hi, u jekk se tibqa', b'liema mezz se tiġi allokata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li, skond il-proġett ta' embellishment f'Marsaxlokk, il-gabbana li qed jagħmel referenza għaliha l-Onor. Interpellant mhux ser tibqa' fejn hi. Ninsab infurmat ukoll, li bħal ma jsir f'każijiet simili, il-gabbana fil-post il-ġdid tiġi mikrija lill-istess kerrejja. 30.11.98

Marsaxlokk — Xatt

Question

Peress li l-Amministrazzjoni Laburista kienet ddikjarat mas-Sajjieda Xlokkajri li x-xatt u ċioe' Xatt is-Sajjieda kien se jitħalla għas-sajjieda, jista' l-Ministru jagħti l-istess assigurazzjoni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lil-Onorevoli Interpellant jgħid meta saret u x'kienet tgħid id-dikjarazzjoni li qed jgħid li għamlet l-Amministrazzjoni Laburista u jekk teżisti jipproduċi kopja tagħħa. Xatt is-Sajjieda hu kif inhu llum grazzi ghall-Amministratzzjoni Nazzjonalista tas-sittinijiet meta l-Ex-Ministru Carmelo Caruana ħa d-deciżjoni, u sar ix-xogħol, biex twessa'Xatt is-Sajjieda u kompla ssebbaħ dan ir-raħal.
Leg 9 PQ #1745 Sitting 17 1998-11-30 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Marsaxlokk — Suq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-suq tal-Ħadd ġewwa Marsaxlokk hux se jiġi trasferit għal fejn kien propost taħt Amministrazzjoni Laburista? Jekk fl-affermattiv, fiex waslu l-preparamenti sabiex dan isir?

Response (BORG, TONIO)

Nissuġerixxi li l-Onor. Interpellant iressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma' dawk kollha konċernati sabiex jiġu regolarizzati dawn is-swieq. 30.11.98

Ta' Ġiorni — Housing estates

Question

L-Amministrazzjoni preċedenti kienet fl-istadju illi, lir-residenti ta' flats ta' Housing Estate f'Ta' Ġiorni, San Ġiljan, jiġi nstallat lilhom is-sistema tal-lifts partikolarment fejn dawn il-flats huma mibnija fuq 16-il filata? Jista' l-Ministru jispjega jekk dan għadux fl-intenzjoni li jsir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta' PQ Nru. 409. 30.11.98
Leg 9 PQ #1855 Sitting 17 1998-11-30 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru għall-Ambjent

Marsaxlokk — Port Ruman

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-embellishment project tas-South, li issa wasal fit-tieni fażi tiegħu, huwiex se jieħu ħsieb Port Ruman f'Marsaxlokk bħalma kien mistenni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Iva, il-Kumitat ta' l-embellishment tas-South ser jieħu ħsieb Port Ruman f'Marsaxlokk. Fil-fatt sa llum diġa' issottometta applikazzjoni lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar rigward: (i) rilokazzjoni tal-futbol ground (ii) sit ġdid għall-bejjiegħa tal-Monti ta' nhar ta' Ħadd. Sadanittant qed jitħejjew pjanti għal Bus Terminus ġdid fl-inħawi li jifforma parti mill-proġett.
Leg 9 PQ #1471 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru għall-Ambjent

Żurrieq — Tal-Bebbux - Culverts

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex mibdi l-proġett tal-culverts fl-Estate tal-Bebbux ġewwa ż-Żurrieq, jekk hux se jitkompla peress li dan id-dewmien qiegħed jikkawża dannu lir-residenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Proġett tal-Culvert f'Tal-Bebbux, iż-Żurrieq, se jitkompla hekk kif it-temp jippermetti.

Żurrieq — Triq Napuljun

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta x-xogħlijiet neċessarji fi Triq Napuljum kontrada ta' Bebbux, fiż-Żurrieq se tiġi rranġata u magħmula b'mod illi ma tibqax taqleb għal ġol-garaxxijiet (basements) tar-residenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-asfaltar ta` dawn it-toroq isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment s`intendi wara li jkun zgurat li s-servizzi jkunu tqiegħdu kollha b`mod permanenti.

Żurrieq — Tiswija ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk triq pubblika li kienet ġiet arbitrarjament imkissra minn sidien ta' barriera fil-kontrada ta' Bassasa limiti taż-Żurrieq li huma ġew misjuba ħatja ta' dan ir-reat, hijiex se tiġi rranġata billi tiġi mogħtija wiċċ tal-konkos jew inkella jekk humiex se jiġu mqabbda l-istess sidien tal-barriera jagħmlu l-istess xogħlijiet a spejjeż tagħhom sabiex tieqaf is-sofferenza inutli li għaddejjin minnha dawk li jużaw l-istess triq?

Response (ZAMMIT, NINU)

Id-dipartiment ta'l-Agrikoltura m'għandu l-ebda talba formali mill-bdiewa biex tiġi rranġata xi triq tal-bdiewa fl-inħawi tal-Bassasa limiti taż-Żurrieq. Is-Suggeriment tal-Onor. Interpellant ser jiġi kunsidrat.
Leg 9 PQ #1655 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir replacement ta' l-uffiċjal tal-pulizija li hemm nieqes mal-gate tal-Police Headquarters?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-uffiċjal li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant qed jiġi rimpjazzat skond il-ħtieġa. 24.11.98
Leg 9 PQ #1656 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Towing ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew: (1) ittowjati vetturi mill-1 tas-sena 1998 sal-lum (a) mill-Ħamrun; (b) minn Buġibba; u (2) f'kull każ min kien l-uffiċjal tal-pulizija nvolut?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li, bejn l-1 ta' Jannar, 1998, u t-18 ta' Novembru, 1998, in-numru ta' vetturi li ġew ittowjati mill-Ħamrun u minn Buġibba kien ta' 233 u 528 rispettivament. Ma jidhirlix li d-dettalji mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija għandhom jiġu ppublikati. 24.11.98

Safi — Triq Żurrieq - Sinjali tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jindika l-kriterji li bih il-ħajja tat-tfal li jiffrekwentaw l-iskola tal-gvern ta' Ħal Safi u l-oħrajn li jkunu jilagħbu fil-faċilitajiet sportivi, ġiet sagrifikata sabiex it-traffiku ma jibqax jgħaddi mill-qalba tar-raħal? Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk qattx ġiet diskussa l-possibilta' li Triq Żurrieq f'Ħal Safi ssir "no parking" minflok tiġi perikolata l-ħajja tat-tfal?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-egħluq ta` parti ta` Triq iż-Żurrieq saret biex jiġi eliminat il-periklu li kien qed jinħoloq mill-volum kbir ta` traffiku li kien jgħaddi mill-qalba tar-raħal. It-~Traffic Signs~ li ġew imqiegħda jindikaw li t-traffiku li jkun nieżel miż-Żurrieq lejn Ħal-Safi għandu jgħaddi mill-~By Pass~, jiġifieri minn Triq il-Kuċċard. B`hekk it-traffiku qed jigi mbiegħed mill-iskola tal-Gvern u mill-faċilitajiet sportivi w allura l-oppost ta` dak li qed jallega l-Onor Interpellant.