Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4402 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru għall-Ambjent

Birżebbuġia — Kontrada tal-Papa

Question

Jista' l-Ministru jara li fil-kontrada tal-Papa, Birżebbuġia, fil-parti li qegħda tiġi mnaddfa u mħammla sabiex jiġu kkostruwiti diversi units, jara li tiġi allokata parti għal ħwienet u outlets oħra simili peress illi din l-area hija sprovista minn kull servizz domestiku simili?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Birżebbuġia — Trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif, meta u b'liema mod se jibda: (a) jiġi miljorat; (b) jiġi assigurat; u (ċ) jitjieb u jitwal is-servizz tat-trasport pubbliku minn u lejn l-kontrada tal-Papa f'Birżebbuġia peress illi jirriżulta li dan is-servizz f'din in-naħa ftit jew xejn qed iservi l-iskop li ġew maħluqa għalih?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-servizz ta` karozzi tal-linja via l-inħawi magħrufa Tal-Papa f`Birżebbuġa kien inbeda fuq bażi sperimentali fl-1995. Għalkemm għadu jopera sa llum, f`Settembru ta` l-1997 tnaqqsu l-vjaġġi peress li s-servizz ftit li xejn kien jintuża. Ma jidhirx li d-domanda għal dan is-servizz żdiedet minn dak iż-żmien `l hawn. Madanakollu ser nieħu l-passi neċessarji biex l-Awtorita` tat-Trasport Pubbkliku tinvestiga wkoll din it-talba.
Leg 9 PQ #4404 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru għall-Ambjent

Birżebbuġia — Tal-Papa - Recreational area

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn huwa maħsub li jiġi riservat bħala green area u żviluppat f'recreational area, fil-Kontrada tal-Papa, Birżebbuġia peress illi jidher li mhux se jitħalla spazju għall-iżvoġġ tat-tfal? Jista' l-Ministru jgħid meta tali xogħlijiet fuq tali spazju se jibdew?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Birżebbuġia — Triq Wied il-Buni - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq Wied il-Buni, f'Birżebbuġia tiġi mdawla peress li jidher li d-dipartiment konċernat m'għandux interess li jsolvi din il-problema?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Djar

Question

B'riferenza għall-mistoqsija oħra preċedenti li kienet akkompanjata minn ittra miktuba u ffirmata mill-istess individwu indikat u fformat f'ittra li qed tintbagħat separatament. Jista' l-Ministru jiċċara l-pożizzjoni peress illi jidher ċar li xi ħadd, u żgur mhux il-bnieden hawn ffirmat peress illi hu personalment kien jaħdem fl-istess dipartiment u allura jaf il-proċedura sew, qiegħed jirrapporta b'mod skorrett l-informazzjoni f'din il-kwestjoni? Jista' l-Ministru jinvestiga dan il-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Irrid nagħmilha ċara li billi xi ħadd jindika post vojt lid-Dipartiment tad-Djar, dan ma jfissirx li jkun rebaħ lotterija. Il-post jiġi allokat skond il-bżonn u mhux skond min ikun l-ewwel wieħed li jiskopri post vojt. Barra minn dan, lanqas ma hu aċċettabbli li żewġ inkwilini jinnegozjaw ma xulxin dwar bdil ta' postijiet lill-Gvern. 8.2.99

WSC — Xogħlijiet fuq mains

Question

Jista' l-Ministru jara x'passi ġew meħuda fil-konfront tax-xogħlijiet fuq il-mains/servizzi ta' l-ilma fil-bini tal-gvern f'Ħal Għaxaq (il-flats) f'Ħal Dmikki wara l-informazzjoni li huma għaddew lill-Water Services Corporation minħabba x-xogħol ħażin li sar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ma rċeviet l-ebda rapport dwar xogħol ħażin f'Ħal Dminki. Jekk l-Onorevoli Interpellant huwa f'pożizzjoni li jagħti aktar dettalji, l-Korporazzjoni tkun tista' tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji.

Zurrieq — Triq Kanonku Vincenz Balzan - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħlijiet li kellhom isiru fi Triq Kanonku Vincenz Balzan, fiż-Żurrieq, humiex se jsiru kif kien ppjanat? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid meta dawn ix-xogħlijiet se jibdew?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment u dan wara li jiġi assigurat li s-servizzi neċessarji jkunu fil-post.
Leg 9 PQ #3923 Sitting 55 1999-01-25 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Barrieri — Barriera tal-ġebel tal-qawwi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi l-ministeru qiegħed jieħu fir-rigward tal-fatt illi proprjetarji tal-Barriera tal-ġebel tal-Qawwi fil-kuntrada ta' l-Ibjar fil-limiti taż-Żurrieq peress illi jirriżulta li qed jinqatgħu partijiet ifformati parti minn: (a) art pubblika; (b) tfigħ ta' rdim fuq art pubblika; u (ċ) kostruzzjoni fuq art pubblika?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra. 25.01.99
Leg 9 PQ #1132 Sitting 54 1999-01-21 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Żurrieq — Triq Ta' Ciantar - Zona industrijali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fi Triq Ta' Ciantar, fiż-Żurrieq hemmx xi area li hija meqjusa bħala zona/area industrijali? Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' permessi nħarġu f'din it-triq? Jista' l-Ministru jgħid jekk qatt ġietx liċenzjata f'azjenda sabiex jiġi manufatturat ravjul, tortellini, lasagna u xogħol ieħor ta' l-għaġin?

Response (BORG, TONIO)

Rigward l-ewwel u t-tieni partijiet tal-Mistoqsija ninsab infurmat li ma hemm l-ebda area jew żona delineata għall-industrija fi Triq Ta' Ciantar, Żurrieq. Ninsab infurmat ukoll li fl-24 ta' Lulju, 1994, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħarġet permess għall-bdil ta' użu minn garage għall-użu ta' confectionery fl-imsemmija triq. Tweġiba għall-aħħar parti tal-Mistoqija diġa' ngħatat f'Seduta 11 tas-16 ta' Novembru, 1998. 21.01.99

Djar — Allokazzjoni ta' appartament

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-allokazzjoni ta' l-appartament Nru. 16 fi Blokk VII fi Triq il-Boganvilla, San Gwann, stante li jidher li dan seta' ġie allokat b'mod skorrett bi preġudizzju għal familja indikata fl-ittra li kopja tagħha qed tintbagħat separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li din l-allokazzjoni saret fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti. Jirriżulta wkoll li l-familja li lilha ġie allokat il-post kellha bżonnijiet akbar minn dawk ta' applikanti oħra. Inżid ngħid ukoll illi mill-ittra li għaliha għamel referenza l-Onor. Interpellant, jirriżulta illi l-awtur għandu informazzjoni żbaljata dwar il-proċeduri li jintużaw mid-Dipartiment tad-Djar fl-allokazzjoni ta' postijiet. 18.1.99

Dipartiment tat-Toroq — PA6798/98

Question

Jikkonferma l-Ministru li riċentement saret applikazzjoni mid-Dipartiment tat-Toroq lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar numru PA 6798/98? Jikkonferma l-Ministru li parti mill-proprjeta' għal-liema tirreferi l-applikazzjoni imsemmija hija proprjeta privata? Jikkonferma li s-sidien privati ma ġewx avżati bl-applikazzjoni msemmija? Jikkonferma li l-istess applikazzjoni saret in konnessjoni mal-proġett ta' Manoel Island?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Gvern permezz tad-Dipartiment tat-Toroq ilu għaddej b`xogħolijiet ta` titjieb tat-toroq arterjali mill-Marsa lejn tas-Sliema u Pembroke għal bosta snin billi nbnew il-proġetti ta` Santa Venera, tal-Qroqq u anke saru l-pjanijiet ghaż-żona ta` ħdejn it-tank tal-gass, il-junction ta` Paceville u t-triq bejn is-Swieqi u Pembroke. Fil-preżent qed isiru l-pjanti għat-triq li minn fejn it-tank tal-gass twassal għal l-istrand biex b`hekk ir-ring road li minn Paceville tasal sa l-istrand tkun tista` tagħqad mat-triq arterjali. Biex dan il-proġett isir, saru l-applikazzjonijiet neċessarji għand l-Awtorita` tal-Ippjanar u l-pjanti ġew ippubblikati għall-konsultazzjoni pubblika.

Dipartiment tat-Toroq — PA 6798/98

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-applikazzjoni PA 6798/98 li saret mid-Dipartiment tat-Toroq hemm maħsub fost oħrajn, li tinbena triq elevata (flyover) u li din ukoll se tgħaddi fuq proprjeta' privata? Jikkonferma l-Ministru li tiġi affetwata negattivament fil-valur tagħha l-proprjeta' madwar u taħt it-triq elevata? Jikkonferma illi l-applikazzjoni imsemmija tifforma parti mill-ftehim eżistenti bejn il-Gvern u l-iżviluppaturi ta' Manoel Island?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-Onor Interpellant hu mitlub jirreferi għall-informazzjoni li diġa ngħatat b`risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3626.

Dipartiment tat-Toroq — PA 6798/98

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jinħareġ avviż relattiv ta' l-esproprjazzjoni malli d-Dipartiment tat-Toroq jingħata permess mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-applikazzjoni PA 6798/98? Jikkonferma l-Ministru li l-avviż għall-esproprjazzjoni se jkopri wkoll dawk il-proprjetajiet li l-valuri tagħhom jiġu effetwati negattivament minħabba l-bini tat-triq kif ipproġettata? Jista' jgħid jekk il-flus għall-esproprjazzjoni se jitħallsu mill-Konsorzju Midi jew il-Gvern jew it-tnejn flimkien? X'miżuri se jittieħdu jew ittieħdu mill-Gvern biex jassiguraw ħlas malajr ta' debitu kumpens lis-sidien privati? Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sidien privati hux se jiġu kkumpensati sija għall-proprjeta' li fuqha se tgħaddi t-triq elevata sija għall-proprjeta' madwar u taħt l-istess triq elevata?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3626 u 3627. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, kwalunkwe kumpens jitħallas mid-Dipartiment ta` l-Artijiet u għalhekk l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #3157 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Barrieri tal-qawwi — Grading

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk: (a) hemmx grading tal-materja prima li jipproduċu l-barrieri tal-qawwi; u (b) issir sorveljanza sabiex jiġi stabilit li fil-planki u/jew konkos użat għas-soqfa jintużawx ramel u żrar ta' kwalita' rikjesta?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat. 14.01.99
Leg 9 PQ #3158 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Proprjeta' — Żurrieq

Question

Jista' l-Ministru jgħid: (a) kemm hemm plots fiż-Żurrieq li mhumiex żviluppati u li huma proprjeta' tal-gvern/Joint Office; (b) dawn il-plots jiġu allokati jew inkella żviluppati u wara allokati; u (ċ) jekk dan il-proċess m'huwiex pendenti, dawn il-plots se jiġu mdawra b'ħitan bħal ma jiġu mġiegħla jagħmlu s-sidien ta' plots oħra fil-lokalita'?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li mill-proprjeta' li ġiet trasferita lill-Gvern mill-Knisja, l-Uffiċċju Konġunt identifika 34 plot fiż-Żurrieq li m'humiex żviluppati. 20 minn dawn il-plots se jiġu trasferiti lill-Awtorita' tad-Djar biex jiġu żviluppati għal akkomodazzjoni soċjali. Hemm il-ħsieb li l-plots battala f'idejn l-Uffiċċju Konġunt jiġu kollha trasferiti lill-Awtorita' tad-Djar biex jiġu żviluppati. 14.01.99
Leg 9 PQ #3159 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Żurrieq — Zona industrijali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1466/98, jista' l-Ministru jinvestiga l-każ stante illi mid-dokumenti li qed jintbagħtu separatament, jirriżulta li l-Kummissarju tal-Pulizija eċċeda u biddel l-iskop li għalih inħareġ il-permess 4690/93? Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istess Kummissarju setax ikollu tali fakulta' ladarba l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qatt ma tat l-awtorizzazzjoni tagħha? Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu sabiex dan il-permess u ċioe' TL/G/16/95 skorrettament konċess jiġi rtirat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-kwestjoni li dwara qed issir il-Mistoqsija, hija s-suġġett ta' proċeduri fil-Qorti li għadhom sub judice u li fih l-Onorevoli Interpellant hu personalment involut. 14.01.99
Leg 9 PQ #3023 Sitting 47 1999-01-11 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Żurrieq — Triq ta' Ciantar - Permess

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-Kummissarju tal-Pulizija qiegħed jirrifjuta li jikkollabora ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar sabiex il-fond fi Triq ta' Ciantar, fiż-Żurrieq fejn qiegħed jiġi konness reat, jiġi magħluq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija kkollaborat dejjem ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fejn jidħol rapporti li saru dwar dan il-każ. Barra minn dan, il-persuna liċenzjata itellgħet il-Qorti mill-Pulizija u ġiet liberata. 11.01.99
Leg 9 PQ #2666 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru għall-Ambjent

Naxxar — Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta se jibda x-xogħol fi Triq Andrea Debono, Naxxar, kemm bħala xogħol tas-sistema tad-drenaġġ kif ukoll mil-lat ta' xogħol ta' surfacing ta' l-istess triq?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tlabt lid-Dipartiment tad-Drenaġġ biex issir spezzjoni biex jara x'baqa' jsir xogħol f'din it-triq. Wara li jiġi identifikat ix-xogħol li baqa' tinħareġ l-offerta.

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ilha tirreġistra għax-xogħol għal circa tliet snin meta ħaddieħor li beda jirreġistra għax-xogħol fl-istess perjodu ilu żmien li ngħata mpjieg?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond ir-'records' ta' l-ETC, il-persuna msemmija ilha tirreġistra mill-21 t'April 1997, jiġifieri sena u tmien xhur. Jirriżulta wkoll illi dan għall-ewwel kien beda jirreġistra bħala 'deliveryman' u wara żied ukoll il-preferenza ta' 'crane operator'. Fil-fatt dan kien sottomess għax-xogħol darba biss u dan fuq xogħol ta' 'crane operator'. Is-sottomissjonijiet jiddependu dejjem minn kemm jinqalgħu vakanzi u x'ikunu jirrikjedu dawn il-vakanzi, bħal per eżempju, esperjenza, liċenzji speċjali, eċċ. 14.12.98

Ħal Għaxaq — Triq il-Ħatem - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga u jara li Triq il-Ħatem ġewwa Ħal Għaxaq tiġi mdawwla?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.