Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien l-In KAS ta' l-Awtorita' tad-Djar derivanti minn applikazzjonijiet intavolati ma' l-istess Awtorita' għar-rigward tal-varji skemi u servizzi offruti għal perijodu 1/10/99 u Ġunju 2000? Jista' jindika dan item item u settur settur? Jista' jgħid kemm minn dawk li applikaw ibbenefikaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jindika għalfejn meta sid ta' fond li jkun ħa l-pussess ta' l-istess fond permezz ta' sentenza tal-qorti, fil-każ ta' ħanut, il-pulizija qiegħda tesiġi li s-sid jintavola rikors sabiex l-inkwilin ta' qabel jiddikjara għandux interess fil-liċenzja? Jista' l-Ministru jindaga dan it-tip ta' rekwiżit? Għalfejn il-pulizija qiegħda taġixxi b'dan il-mod u minn meta bdiet?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħti aktar tagħrif dwar il-każ li qed jirreferi għalih sabiex inkun nista` nikseb it-tagħrif mitlub.
Jista' l-Ministru jispjega lil din il-Kamra x'inhi r-raġuni għalfejn fil-każi tat-tribunal lokali hemm prosekutur imqabbad mill-kunsilli iżda effettivament il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-ispetturi fid-distretti konċernati? Ma jidhirlux il-Ministru li dan huwa duplikazzjoni ta' xogħol? Fid-dawl illi l-ispetturi qed imexxu s-seduti, jista' jispjega x'inhu r-rwol tal-prosekuturi tal-kunsilli lokali?
Response (GATT, AUSTIN)
Għat-taħrikiet li ħarġu f`isem il-Kummissarju tal-Pulizija, l-prosekuzzjoni issir minn rappreżentant tal-Kummissarju, filwaqt li taħrikiet li jsiru f`isem il-Kunsill Lokali ssir prosekuzzjoni mis-Segretarju Eżekuttiv jew d-delegat tiegħu.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min hi l-kumpannija privata ngaġġata mill-Awtorita' tad-Djar sabiex tieħu ħsieb ir-relazzjonijiet pubbliċi tagħha? Jista' jgħid kemm ħallset l-Awtorita' tad-Djar għal dan is-servizz, sena sena, kemm ilha tagħti servizz?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kumpanija JP Advertising tieħu ħsieb ir-relazzjonijiet pubbliċi ta' l-Awtorita' tad-Djar.
Dan is-servizz, li beda jingħata minn April 1999, sewa lill-Awtorita' tad-Djar is-somma ta' Lm 2,201 matul is-sena 1999 u Lm 1,592 minn Jannar sa Mejju 2000.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega għalfejn iċ-chairperson u l-general manager ta' l-Awtorita' tad-Djar jiltaqgħu biss mas-sindki tal-Kottonera u l-Kalkara? Jista' jgħid għalfejn huma f'dawn il-lokalitajiet biss li jattendi l-customer care unit ta' l-awtorita'? Jista' jgħid meta dan l-istess unit se jibda jżur il-lokalitajiet l-oħra kollha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li barra laqgħat mas-Sindki tal-Kottonera u Kalkara, l-Awtorita' tad-Djar għamlet laqgħat oħra ma' Kunsilli Lokali oħra.
Naħseb li kulħadd jammetti li l-akbar problema ta' housing qiegħda f'dawn il-lokalitajiet flimkien ma dawk tal-Belt u l-Furjana. Dan kien li wassal lil l-Awtorita' tad-Djar sabiex bdiet il-Customer Care Service fil-lokalitajiet tal-Kottonera u l-Kalkara.
Minn Marzu ta' din is-sena, l-Awtorita' tad-Djar estendiet dan is-servizz u bdiet tagħti wkoll servizz fil-lokalitajiet tal-Fgura, Valletta, Msida. Wara ftehim mal-Kunsill Lokali ta' Bormla, is-servizz mogħti minn dan il-Kunsill ikopri wkoll in-nies mill-lokalitajiet ta' l-Isla, Birgu u Kalkara.
Hu maħsub li l-Customer Care Service ser ikompli jiġi estiż għall-lokalitajiet kollha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inbnew, jekk inbnew, postijiet ta' residenza lil dawk li l-aktar għandhom bżonn mid-dħul tal-bejgħ ta' l-ishma li l-Awtorita' kellha fil-Mid-Med Bank plc? Kemm għad fadal minn dawn il-flus? Dawk li ntnefqu fiex intnefqu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-rikavat mill-bejgħ ta' l-ishma tal-Mid Med Bank ġie inkorporat mad-dħul ieħor kollu ta' l-Awtorita' tad-Djar biex jintuzaw għall-programm kapitali u soċjali tagħha li jinkludi l-bini ta' appartamenti ġodda kif ukoll l-iffinanzjar ta' l-iskemi ta' l-istess Awtorita'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti rendikont tal-ħidma tas-slum clearance group fi ħdan l-Awtorita' tad-Djar (in vista ta' para 3.6.6 tar-rapport tas-sena 1998-1999 ta' l-Awtorita' tad-Djar)? Jista' jgħid x'passi ttieħdu fejn irriżulta illi l-post li okkupanti qegħdin jabitaw fih kien fi stat perikoluż? Jista' jispjega kif l-Awtorita' tad-Djar tibqa' ma tagħmel xejn dwar dan meta taf li bil-liġi hemm rimedji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Slum Clearance Group li huwa fi ħdan il-Ministru għall-Politika Soċjali iltaqa' sittax-il darba fil-perjodu 1998/99. Matul dal-perjodu ġew diskussi diversi proġetti fosthom dawk ta' Bormla, l-Imsida, il-Belt, Ħal-Tarxien u l-Floriana. Permezz tal-ħidma tal-kumitat ġiet solvuta l-problema li kien hemm ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar/Dipartiment tal-Mużewijiet dwar is-sit ta'Triq St Ursula, l-Belt u ingħata bidu għat-tfassil ta' preġetti ġodda fosthom it-tielet fażi ta' Sta Liena, Bormla u l-ħames fażi ta' Triq il-Wied, l-Imsida. Dawk il-familji affettwati minn dawn il-proġetti kollha, il-policy hija li jiġu allokati postijiet oħrajn bħala 'evictees'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, in segwitu għall-"Awareness Campaign" imniedi mill-Awtorita' tad-Djar, x'inhu l-impatt u dan kif rifless meta mqabbel mal-konkorrenza tal-pubbliku fis-snin ta' qabel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li marru l-Awtorita' tad-Djar wara l-Awareness Campaign, li ngħatat spinta fil-bidu ta' din is-sena, kif imqabbel mal-konkorrenza fix-xhur ta' qabel hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda.
Ninsab infurmat li ma kienetx tinżamm statistika dwar in-numru ta' persuni li marru l-Awtorita' qabel Jannar 1999.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul ta' l-Awtorita' tad-Djar mill-fornitura ta' dokumenti neċessarji minn dipartimenti oħra? Kemm kienu l-ispejjeż in konnessjoni ma' l-istess?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li matul 1999 l-Awtorita' tad-Djar irċeviet l-ammont ta' LM 4,679 mill-fornitura ta' dokumenti minn Diparimenti oħra. L-ammont ta' l-ispiża kien l-istess peress illi l-Awtorita' tad-Djar ma tagħmel l-ebda qliegħ minn fuq dan is-servizz li toffri.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji dwar it-tielet rapport preparat mill-Awtorita' tad-Djar għar-rigward ta' proprjeta' ta' l-Uffiċċju konġunt u dak dwar l-artijiet vojta f'Pembroke?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li saru diskussjonijiet ma' l-Awtorita' tal-Ippjanar u s'issa l-ebda art addizjonali ma ġiet inkorporata ma l-art li kienet ippjanat.
Rigward dak li jikkonċerna propjeta' ta' l-Uffiċċju Konġut qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri minn dak kollu, u cioe' l-proġett mniedi u li fuqu kien intlaħaq ftehim ma' l-Għaqda Sajjieda Dilettanti Wied iż-Żurrieq, peress li jidher car li dak kollu miftiehem sfuma fix-xejn?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat illi ebda dipartiment li jaqa fid-dikasteru tiegħi ma daħal f`xi ftehim ma` l-Għaqda Sajjieda Dilettanti f`Wied iż-Żurrieq.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-ammont ta' Lm10,000 allokat mill-fond speċjali għall-iżvilupp konsistenti tal-bini u tagħmir tal-Coast Guard Room ġewwa Wied iż-Żurrieq? F'każ li dawn intefqu, jista' l-Ministru jagħti breakdown dettaljat dwar l-ammont minfuq u f'hiex intefqu? Jista' l-Ministru jgħid min ta l-permess sabiex dawn jintefqu fuq proġett ieħor differenti minn dak allokat għalih?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress illi l-flus imsemmija ġew allokati lill-Kunsill Lokali tal-Qrendi li hu korp legali statutorju u awtonomu, l-Onorevoli Interpellant hu mitlub jindirizza d-domanda tiegħu lill-Kunsill tal-Qrendi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma dawk li applikaw taħt l-iskema S għall-perjodu 1/10/99 - Ġunju 2000? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew aċċettati? Kemm minnhom jikkonċernaw bini ta' l-ewwel dar li nxtara wara l-1 ta' Jannar 1999 jew dar li l-bini tagħha sa dik il-ġurnata ma kienx lest? Kemm minnhom jikkonċernaw irranġar u kostruzzjoni ta' l-ewwel dar ta' abitazzjoni ta' proprjeta' li kienet mibnija u lesta għall-abitazzjoni fl-1 ta' Jannar 1960 jew qabel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fil-perjodu speċifikat fil-Mistoqsija, l-Awtorita' tad-Djar irċeviet 162 applikazzjoni taħt Skema S. Minn dan it-total 125 ġew approvati, 13 ġew rifjutati jew irtirati mill-applikanti u 24 l-oħra qed jiġu proċessati. 36 applikazzjoni kienu jikkonċernaw djar li nxtraw wara l-1 ta' Jannar 1999 jew postijiet li kien għandhom ma' tlestewx, filwaqt li 25 applikazzjoni kienu jikkonċernaw irranġar ta' djar li kienu lest għall-abitazzjoni qabel l-1960.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid bejn l-1 ta' Ottubru 1999 u Ġunju 2000, kemm units l-Awtorita' tad-Djar għaddiet lill-għaqdiet li jaħdmu fl-oqsma biex jipprovdu djar għal persuni/familji li huma homeless? Jista' jispjega kif għad hemm tant familji li jgħixu f'periklu (u dan kif dikjarat f'parag.3.6.6 tar-rapport 1998-1999 ta' l-Awtorita' tad-Djar) u ma jingħatawx post alternattiv u fl-istess ħin l-Awtorita' tad-Djar għandha units extra biex tgħaddi lill-organizzazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar:-
(1) għaddiet żewġ appartamenti lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex jiġu allokati familji li kienu residenti f'Ċini Institute u Merħba Bik;
(2) poġġiet għad-disposizjoni tal-Welcome Home, illum Fondazzjoni Suret il-Bniedem, erba' postijiet li għandhom bżonn xogħlijiet ta' rranġar u titjib. Dawn ix-xogħlijiet ser isiru minn din il-Fondazzjoni a spejjes tagħha;
(3) iffirmat ftehim mall-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' fejn din il-Kummissjoni ġiet allokata post biex jiġu akkomodati persuni minn Dar il-Wens.
Jekk l-Onor. Membru għandu xi oġġezzjoni li l-Awtorita' tipprovdi djar lil nisa msawta, single parents, persuni homeless u persuni b'dizabilita' allura għandu jgħid hekk ċar u tond u jispjega x'inhi l-policy tiegħu dwar dan il-qasam.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm sewa s'issa lill-Awtorita' tad-Djar il-proġett Valley Road/Mannarino Road, Birkirkara? Kemm hu stmat li se jiswa dan il-proġett? Kemm se jibbenifikaw ċittadini f'materja ta' units?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fuq dan il-proġett li għadu fil-fażi inizzjali l-Awtorita' tad-Djar diġa nefqet Lm 10,630.
Dan il-proġett jinkludi 32 l-appartament.
Peress li għadu ma ġiex konklus il-prezz finali mas-sidien affetttwati mill-proġett, l-istima ma tistax tingħata għalissa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti għall-grad ta' spettur tal-pulizija? Kemm kienu dawk li applikaw li kienu membri tal-korp tal-pulizija? kemm kienu dawk li applikaw minn barra l-korp?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li għall-aħħar sejħa għal applikazzjonijiet għall-postijiet ta` Spetturi fil-Korp tal-Pulizija, li għalqet fid-29 ta` Ottubru 1999, kien hemm 37 applikazzjoni. Dawn kienu 12-il applikazzjoni minn membri tal-Korp u 25 applikazzjoni minn persuni li m`humiex membri tal-Korp tal-Pulizija.
B'riferenza għall-ħolqien ta' Research and Policy Development Unit, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min hi l-persuna magħżula; xi kwalifiki għandha; fuq liema kriterji ġiet magħżula u jekk saritx sejħa regolari; x'inhuma t-terms of reference ta' dan il-unit; jekk ix-xogħol ta' dan il-unit hux ser jiġi preżentat taħt xi forma ta' rapport?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob l-Onor. Interpellant jispeċifika għal xhix qed jirreferi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu dawk li bbenefikaw mill-iskemi mnedija mill-Awtorita' tad-Djar sabiex persuni jieħdu xi ġenitur magħhom għall-perjodu 1/10/99 - Ġunju 2000? Jista' l-Ministru jindika l-lokalita' minn fejn dawn l-applikanti jemanaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Biex tingabar din l-informazzjoni, l-Awtorita' tad-Djar ghandha bzonn aktar zmien u ghalhekk din l-informazzjoni tinghata l'quddiem.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' dawk il-persuni li applikaw mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali li ġew riferuti lid-dipartiment u kienu dikjarati homeless? Jista' l-Ministru jagħti l-lokalita' minn fejn dawn l-applikanti ġejjin, kienux familji jew persuni individwali u jekk kienux f'impjieg jew xorta oħra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi hemm 25 każ fejn l-applikant iddikjara li hu jew hi homeless. Dawn huma minn madwar Malta kollha. L-informazzjoni personali ta' l-applikanti hi kunfidenzjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm l-Awtorita' tad-Djar għandha tender documents u pjanti preparati għar-rigward ta' żvilupp ta' plots f'maisonettes u garaxxijiet? Jista' l-Ministru jindika l-lokalitajiet u n-numru ta' l-istess u dan in linja ma' dak dikjarat f'paġna 18 tar-rapport tas-sena 1998-1999?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba hi kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.