Għar-rigward ta' Skema Nru. 8 maħruġa fid-19 ta' Novembru, 1999, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, f'każ li kien hemm applikazzjonijiet u ġew finalizzati, meta se jiġu ffirmati il-konvenju jew il-kuntratt għar-rigward ta' l-istess?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22578 f'din l-istess Seduta.
Jista' l-Ministru jgħid meta din l-amministrazzjoni beħsiebha tirranġa u tagħti wiċċ ġdid lil Triq il-Fidloqqom f'Ħal Għaxaq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment diġa kellu laqgħat mal-Kunsill ta` Ħal Għaxaq biex isiru Triq it-Tillieri, Millieri, Ħobbejża, l-Isfejġel, Ħabb il-Qamħ, Fidloqqom, Lellux u n-Niġen.
Fil-preżent qed jiġu ppreparati l-istejjem għal dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni, jew aħjar x'possibbilta' hemm li Triq it-Telleritu f'Ħal Għaxaq, jiġi mgħoddi minnha d-drenaġġ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li Triq it-Telleritu u t-toroq ta' biswit qegħdin f'livell baxx b'tali mod li s-sistema tad-drenaġġ, meta ssir, trid tiġi ppumpjata lejn in-naħat tal-Bypass.
Dan ix-xogħol jinkludi taħfir ta' main twil, bini ta' Pumping Station ġdida u taħfir għal rising main. Għalkemm stima eżatta għad ma nħadmitx, madankollu nifhem li noqorbu Lm100,000., minbarra l-pompi neċessarji, li hija parti sostanzjali mill-vot tagħna. Diġa' tlabna għal easement ta' l-art (WD221/97/1 miftuħ fit-28 ta' April 1998) u ġiet ippreparata l-pjanta għall-esproprjazzjoni ta' l-art fejn ġejja l-Pumping Station il-ġdida. Wara dan issir applikazzjoni l-Planning Authority għall-bini tal-Pumping Station f'din l-arja (li hija green area). Meta jkollna dawn f'idejna nkunu nistgħu nagħmlu t-tenders tal-katusi.
Minħabba dan kollu huwa diffiċli li dan ix-xogħol jibda din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid jekk u meta ser isiru l-ħlasijiet lis-sajjieda f'Marsaxlokk da parti tal-koperattiva nazzjonali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant biex jiċċara d-domanda tiegħu. Il-ħlasijiet ta' bejgħ ta' ħut tas-sajjieda huwa mħallas sa' ġimgħa 51 tas-sena 2000.
Jista' l-Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li s-sistema ta' trasport pubbliku fin-naħa tal-Papa f'Birżebbuga tiġi riżolta? Jista' jara li dawn iżommu ma' l-orarju?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ma` hemm l-ebda problema fis-sistema li għaliha irrefera l-onor. Interpellant. Fir-rigward taż-żamma tal-orarju ser isiru spotchecks biex naraw li l-ħinijiet tal-iskeda jinżammu.
Għar-rigward ta' l-iskema nru. 8 maħruġa fid-19 ta' Novembru, 1999, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min kienu l-applikanti li offrew il-proprjetajiet a bażi ta' l-istess?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li kien hemm 17 l-applikazzjoni taħt Skema 8 ta' l-Awtorita' tad-Djar.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi min kienu l-applikanti, n-numru ta' units, il-lokalita' u l-ammont mitlub.
Għar-rigward ta' Skema Nru. 8 maħruġa fid-19 ta' Novembru, 1999 dwar xiri ta' postijiet vojta mingħand il-privat, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22570 f'din l-istess Seduta.
B'riferenza għal Skema Nru. 8 maħruġa fid-19 ta' Novembru, 1999 jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema lokalitajiet jinsabu l-proprjetajiet offruti jekk kien hemm? Jista' jindika t-talba li saret sabiex isir it-trasferiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22570 f'din l-istess Seduta.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li qiegħed jieħu tant żmien sabiex jirregolaw s-sitwazzjoni inġusta li għadha tipprevali fit-Taqsima ta' l-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta' Malta fis-sens li hemm uffiċjali li ilhom 15-il sena fuq l-istess lanċa, filwaqt li pożizzjonijiet fuq laneċ oħra magħrufa bħala ż-żgħar, li l-personnel huwa ħafna aktar vantaġġjat mil-lat ta' salarji, allowances eċċ?
Jista' jgħid hemm xi mod li tibda titħaddem sistema ta' alterazzjoni bejn il-laneċ il-kbar u ż-żgħar?
Jekk fl-affermattiv, meta ser tibda tiġi implementata?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li mit-2 ta’ Jannar 2001 ġiet introdotta sistema ġdida dwar l-ekwipaġġi tal-“patrol boats” li biha sa jkun hemm bdil bejn l-ekwipaġġi.
Jista' l-Ministru jintervjeni li jara li d-daħla għallinqas fil-fond semi finished abbandunat, Plot Nru 15, fi Triq il-Ħajja Ewlenija, B'Buġia jiġi mnaddaf?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-art agrikola f'Tal Medjat sive Tal Qortin, limiti taż-Żurrieq tal-kejl ta' ċirca 22,662 metru kwadru kif indikat fil-Gazetta tal-Gvern nru 572 Pg 5497 ta' l-14 ta' Lulju, 2000 u kif tidher fir-reġistru tal-Gvern bħala post rurali 50804, meta din hija art agrikola fertili: (i) Ser tingħata għall-blat (barriera)?(ii) Lil min ġiet mgħotija? (iii) Kienx hemm konsultazzjoni mal-kunsill taż-Żurrieq?(iv) Hux fil-pjan ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li hemm il-ħsieb li l-art imsemmija mill-Onorevoli Interpellant tingħata biex tinfetaħ barriera taż-żrar minn wieħed miż-żewġ operaturi tal-barrieri li twaqqfu mix-xogħol biex jiġu protetti t-Tempji ta` Ħaġar Qim u l-Imnajdra.
Fuq dan is-sit hemm applikazzjoi PA 3158/00 minn Mr Carmelo Vella għan-nom ta` Bros Shekinah St. Margaret Street, San Ġwann u s-site area tkopri 22,300sq m. Din l-applikazzjoni qiegħda fi stadju ta` konsultazzjoni ma` numru ta` dipartimenti fosthom: Water Services Corporation, Commissioner of Lands, Ministry of Agriculture & Fisheries, Museums Department, Health Department, Lands Department u l-Environment Protection Department. Sa issa saru konsultazzjoni verbali mal-Kunsill Lokali Żurrieq wara talba ta` l-istess Kunsill kif ukoll laqgħat qrib is-siti msemmija. Pero` fil-futur qrib għandha issir laqgħa formali ma` l-istess Kunsill.
L-aħħar żviluppi dwar dawn l-applikazzjonijiet huma li tħejjew Terms of Reference sabiex isir Environmental Impact Assessment. Dawn it-Terms of Reference qegħdin għall-approvazzjoni tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent.
Deċiżjoni aħħarija dwar dawn l-applikazzjonijiet tista` tittieħed biss wara li jkun sar l-istudju dwar l-impatt ambjentali.
Jista' l-Ministru jinvestiga u jara jekk hux il-każ ta' konflitt ta' interess dwar il-mod li bih qegħdin jiġi allokati t-tenders tad-Dipartiment tat-Tiswija u Bini tad-Djar meħud in konsiderazzjoni l-legami bejn impjegati fi ħdan l-istess dipartiment u l-kuntratturi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jidher li l-Onor. Interpellant qiegħed jirriferi għall-fatt li wieħed mill-kuntratturi li qiegħed jieħu kuntratti mad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar jiġi minn wieħed mill-impjegati tad-Dipartiment. Kif ġa kelli okkażjoni inwieġeb għal mistoqsija simili aktar kmieni din is-sena, l-impjegat in kweistjoni mhuwiex involut la fil-proċess ta' l-adġudikazzjoni tat-tenders u anqas fis-superviżjoni jew kejl ta' xogħol. Għalhekk il-kwistjoni ta' konflitt ta' interess ma tirriżultax.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qiegħed jieħu l-gvern sabiex jiżgura li l-arja u l-ambjent f'Birzebbuga ma jkunux imniġġsa? X'passi qiegħed jieħu ħalli l-arja f'Birzebbuga ma tibqax tant tqila bil-gass petrol u diesel? X'inhuma l-livelli ta' l-istess fl-arja?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Hemm previst serje ta' miżuri biex l-arja u l-ambjent f'Birżebbuġa ma jkunux imniġġsa b'volatile organic compounds'. Dawn il-miżuri huma kkontemplati taħt direttivi ta' l-Unjoni Ewropeja 94/63/EC u diġa sar l-istudju neċessarju minn dan il-Ministeru biex ikun hemm pjan ta' azzjoni. Kampjuni ta' l-arja jittieħdu minn Birżebbuġa kull xahar u ilhom jitieħdu minn Frar ta' din is-sena.
Housing Construction & Heritance Department — Operations Manager Tenements Repairs Unit
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-PSE qiegħed jinvestiga r-riżultati ta' l-interviews għal grad ta' Operations Manager Tenements Repairs Unit fil-Housing Construction & Heritance Department?
Jista' jgħid fuq liema inizjattiva dan l-istħarriġ qiegħed isir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li sar protest minn wieħed mill-kandidati li applika għall-grad ta' Operations Manager fit-Tenement Repairs Unit tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar. Għalhekk il-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku qiegħda tinvestiga l-ilment ta' dan il-kandidat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li pulizija li jkunu spiċċaw il-kors kollu ta' l-akkademja tal-pulizija u li għaddew mit-taħriġ kollu meħtieġ ma jagħmlux skorti u fixed points qabel ma jgħalqu ħames snin servizz, filwaqt li l-istess jagħmlu extra duty mal-banek u anke jġorru arma tan-nar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-restrizzjoni li skorti ma` priġunieri ma jsirux minn Pulizija li ma jkollhomx ta` lanqas ħames snin servizz, kienet ġiet introdotta f`Novembru ta` l-1994. L-iskop ewlieni huwa li l-iskorta jkollu esperjenza u maturita` fis-servizz li xogħol ta` skorta ma` priġunier żgur tinħtieġ sabiex ma jkunx hemm inċidenti. Barra minn hekk ikun aħjar illi l-kuntistabbli jingħata l-fakulta` li jipprattika dak li jkun tgħallem matul il-kors ta` taħriġ fl-Akkademja. Din ir-restrizzjoni ma tapplikax għal fixed point duties.
Jista' l-Ministru, ġaladarba r-residenti ta' B'Buġia ġew sprovvisti mid-diversi pitches tal-football, jgħid jekk: (i) hux se jiġi kostruwit pitch tal-football; u (b) jekk fl-affermattiv, fejn?
Response (GALEA, LOUIS)
Is-Segretarjat fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni huwa konxju li f'B'Bugia hemm nuqqas ta' football pitches. Fil-fatt diġa` bdew diskussjonijiet ma' l-awtoritajiet konċernati sabiex jinsab sit adekwat biex jinbena football pitch.
Jista' l-Ministru jinvestiga u jara jekk hux possibbli fil-parti ta' San Ġorġ, B'Buġia ssir zebra crossing u jiġu mpoġġija sinjali tat-toroq li javżaw lis-sewwieqa sabiex innaqqsu l-veloċita'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li huwa ppjanat li l-pedestrian crossing mitluba mill-Onor. Interpellant issir ma` xogħolijiet oħra li d-Dipartiment tat-Toroq fi ħsiebu jagħmel fiż-żona kkonċernata.
In vista tal-fatt illi l-Freeport huwa zona ta' storbju li qiegħed ikun ta' inkonvenjent għar-residenti ta' Birżebbuga, jista' l-Ministru: (a) jara li d-dħul u l-ħruġ tal-Freeport isir minn banda oħra, 'l bogħod miz-zona residenzjali bħal per eżempju, min-naħa ta' Wied ix-Xaqqa; (b) jara li l-makkinarju li hemm jinbidel u jiġi akkwistat makkinarju li jkun aktar silenzjuż; (c) li l-alarms użati ma jaffettwawx Birzebbuga kollha iżda l-Freeport; u(d) li jinbena buffer zone sabiex kemm jista' jkun jassorbi dawn il-ħsejjes?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-suġġerimenti ta' l-Onorevoli Interpellant ġew mgħoddija lill-Korporazzjoni tal-Port Ħieles sabiex jiġu kkunsidrati.
Jista' l-Ministru jara li l-area ta' San Ġorġ, B'Buġia, partikolarment l-parti fejn hemm il-pont, issirilha l-manutenzjoni meħtieġa?
Jista' jara li l-istess area tiġi mnaddfa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan ix-xogħol huwa responsabbilta' ta' l-Awtorita' Marittima.
Rigward it-tieni parti nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19922 (Seduta 392).
Jista' l-Ministru jeżamina s-sitwazzjoni jew aħjar il-fatt illi t-tfal qegħdin ikunu mgħobbija b'wisq kotba u pitazzi? Jista' jsir studju sabiex dan l-istat ta' fatt jiġi amministrat b'mod illi t-tfal ma jkollhomx għalfejn iġorru l-biċċa l-kbira tal-kotba u pitazzi tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nurmu 20512. Kopja ta' dan l-istudju ser ngħaddiha wkoll lill-Onor. Membru.