Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol fuq is-slipway f'Marsaxlokk?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ngħarraf lill-Onoveroli Interpellant li f'Marsaxlokk hemm diversi slipways, u xogħol isir fuq xi waħda jew oħra minnhom b'mod regolari. Diġa ġie kważi finalizzat ix-xogħol amministrattiv għal allokazzjonijiet tax-xogħolijiet sabiex meta, fil-futur qarib, il-baħar jofrogħ, jiġifieri l-kundizzjonijiet ikunu ideali għax-xogħol biex dan ix-xogħol ikun jista' jiġi mwettaq.
Jista' l-Ministru jgħid x'possibilta' hemm li tiġi nstallata letter box fil-viċinanza ta' Triq San Mikiel, B'Buġia peress li l-eqreb waħda tinsab 10 minuti mixi 'l bogħod?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li viċin Triq San Mikiel hemm tliet kaxxi ta' l-ittri li jinsabu fi Triq Żaren Dalli, Pretty Bay u l-Pjazza tal-Knisja. Għalhekk ir-residenti ta' Triq San Mikiel jistgħu faċilment jagħmlu użu minn dawn it-tliet kaxxi.
Għaldaqstant, ma tinħasx il-ħtieġa li titwaħħal kaxxa ta' l-ittri oħra fil-viċinanza ta' Triq San Mikiel.
Jista' l-Ministru jgħid meta Triq N/S Off Sebastian Saliba Str f'Ħal Għaxaq ser jinbeda x-xogħol fuqha peress li din hija inaċċessibbli għalkemm abitabbli?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta' toroq simili ma' Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jara li r-residenti fi New Street off Sebastian Saliba Street, Għaxaq, jiġu provduti b'main ta' l-ilma peress li dawn għadhom jiddependu mill-bir?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-WSC ser tiddeċiedi tgħaddi l-mains ta' l-ilma fl-area tal-Millieri f'Ħal Għaxaq?
Veru li ma hemmx mains project għal tal-Millieri sa żmien ħames snin oħra?
Jista' l-Ministru jgħid x'possibilita' hemm li Triq il-Kanġu, B'Buġia tiġi nvellata mill-ġdid u jiġu mibnija kanali għal ilma sabiex ma tibqax tgħereq kull meta tagħmel ix-xita
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol li hemm bżonn isir fi Triq il-Kangu diġa' qiegħed imdaħħal fit-tenders li d-Dipartiment tat-Toroq ipprepara biex jippubblika għal toroq fil-lokalita'.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li s-sistema ta ' trasport bejn M'Xlokk u l-Belt ma tibqax kif inhi iżda ssir diretta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-servizz bejn Marsaxlokk u l-Belt diġa' jeżisti via Zejtun. Dan is-servizz qed jinħadem skond il-bżonnijiet tal-lokalitajiet konċernati.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għalfejn l-applikazzjoni, li d-dettalji ta' l-applikant qegħdin jiġu mibgħuta separatament, għadha qatt ma ġiet risposta jew trattata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal xhiex applikat il-persuna ndikata.
Jista' l-Ministru jieħu passi sabiex Triq il-Merzuq f'Birzebbuga tiġi mdawwla peress illi minħabba d-dlam din it-triq spiċċat post ta' l-ispaccar tad-droga, serq ta' karozzi u abbuż ta' karozzi in segwitu għal serq?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Dwar l-abbużi li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Membru, nissuġġerilu li jinforma b'dan lill-awtoritajiet kompetenti.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-arranġament ta' ħlasijiet ta' nofs bolla għas-sajjieda f'Marsaxlokk peress li ormai jinsabu sena u nofs b'lura?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nispjega lill-Onor. Interpellant illi l-għajnuna fuq il-bolla mħallsa mill-bdiewa u s-sajjieda tingħata f'forma ta' rifużjoni ta' nofs dak li tkun tħallas mill-individwu f'dik is-sena. Għaldaqstant hija ħaġa loġika li l-applikazzjonijiet għal din ir-rifużjoni jintlaqgħu wara li tispiċċa s-sena 'in kwestjoni'. L-applikanti kollha li applikaw għas-sena 1999 tħallsu fis-sena li għaddiet.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm sabiex il-vultaġġ tad-dawl elettriku fi Triq tal-Ġebel f'Birzebbuga, jiżdied sabiex ir-residenti ma jibqgħux ibatu l-inkonvenjent li għaddejjin minnu preżentement?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li fil-preżent qiegħed isir xogħol ta' tisħiħ fuq is-sistema ta' vultaġġ baxx fl-inħawi msemmija. Dan ix-xogħol mistenni li jitlesta fi żmien qasir.
Għar-rigward ta' skema Nru. 8 maħruġa fid-19 ta' Novembru 1999 jista' l-Viċi Prim Mnistru jgħid kemm-il unit ġew offruti? Fiex kienu jikkonsistu, eż. flats, djar, eċċ., rispettivament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22570 f'Seduta 467.
B'riferenza għal Skema Nru. 8 jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, fil-każ li kien hemm applikanti, jekk humiex għaddejjin diskussjonijiet ma' l-applikanti? Ma' min qed isiru dawn id-diskussjonijiet? Ma' min saru sa issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma' 3 applikanti. Dawn l-applikanti huma Joe Paul Co Ltd., Bezzina Brothers Ltd u Sur Anthony Ellul. Għaddejja wkoll korrispondenza ma' Messrs. George Fenech u Joseph Cutajar.
S'issa ġew konklużi l-kuntratti mas-Sinjuri Bartolo, Camilleri u Muscat u Fenech Azzopardi (Styles) Ltd. Bħalissa, l-Awtorita' tad-Djar għaddiet l-inkartament lin-Nutar Prinċipali tal-Gvern biex isiru l-kuntratti ma' P&S Ltd., Emanuel Gatt u Nancy Agius.
Saru diskussjonijiet ukoll mas-Sur Santino Gauci, l-Perit Charles Mangion u Jesmond u Diane Dalli.
B'riferenza għal Skema 8 maħruġa fid-19 ta' Novembru, 1999 jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, fil-każ li kien hemm applikanti, ma' min ġew finalizzati l-offerti? Kemm hu n-numru ta' units? Kemm hu l-ammont fi flus?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Fir-rigward ta' Skema Nru. 8 maħruġa fid-19 ta' Novembru, 1999 jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti, jekk kienx hemm applikanti li kienu applikaw ukoll taħt l-iskema ntrodotta mill-gvern Laburista bejn l-1996-1998? Min kienu, jekk fl-affermattiv? Kemm-il unit offrew u kemm hu l-ammont ta' flus involut?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 22570 f'Seduta 467. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba fil-kumplament tal-Mistoqsija.